8.1.18

Deċiżjoni żbaljata u storikament falluta.


 
1.      Għalkemm jidher faċli li nidentifikaw il-bidliet tagħna ma’ dawk tax-xhur, tal-kalendarju tas-snin, fir-realtà dan huwa moviment uman li ma jiqafx.  Mhux sempliċement mertu taż-żmien li jrid jgħaddi biex jidher li qegħda tintemm xi ħaġa biex tinbeda oħra, imma ferm aktar.  Anzi, hemm numru ta’ ċaqliqiet.  Fuq naħa dawk li jħossuhom għaddejjin tajjeb, li jridu jwaqqfu l-arloġġ u jippreservaw ruħhom.  Fuq l-oħra, dawk li għaddejjin mill-għawġ, li jridu jħaffu l-ħin lejn perjodi inqas iebsa.  Fl-oħra, dawk li jagħrfu li ma hemmx qtugħ definittiv, imma perjodu; proċess li jieħdok u jdaħħlek f’ieħor.  Imexxik għax tkun għaddejt mill-kmamar tal-ħajja.

Sejħa lejn l-aħjar

2.      Ma tistax taqbeż il-passi li għandek quddiemek.  Trid forsi tagħżel fejn ser tqiegħed id-direzzjoni interna tiegħek.  Għax il-ħajja tgħaddik mill-prova.  Tgħaddi minn proċess li fih is-sejħa hija lejn li tkun iktar aħjar milli tkun.  Mhux neċessarjament tinduna; anqas li oħrajn jagħrfu dan.  Biss, il-ħajja għandha dan il-vantaġġ.  Tieħdok lejn li tibdlek, issaħħek, tippurifikak, anke jekk inti stess ma tkun qiegħed tifehm dan.  Għax fuq kull bniedem hemm proċess ta’ bidla.  Proċess ta’ rilevanza, ta’ preparazzjoni u ta’ ħtieġa.  B’dak li titbaskat fil-passat, tipprepara ruħek għall-futur.

Mixja interna

3.      Il-bniedem dan jarah u jmissu, iżda mhux dejjem japprezzah.  Daqshekk ieħor iseħħ f’partit politiku magħmul mill-bnedmin.  Il-passat tiegħu huwa parti mill-preżent u l-futur.  Il-mument politiku, ikun xi jkun, ħafna drabi jkun fih, direttament jew indirettament dan il-proċess intern ta’ bidla.  Illum, aħna li aħna proprju minħabba l-esperjenzi passati tagħna.  Id-deċiżjonijiet tagħna jibbażaw ruħhom fuq dak li għaddejna minnu qabel.  Hemm proċess li jeħodna nippruvaw inkunu aħjar milli konna.  Naġixxu differentement proprju minħabba dak li ġarrabna jew li rajna lill-oħrajn iġarrbu.  Dan nagħmluh sija għax irridu nkunu aħjar, sija għax hemm din il-mixja interna lejn il-bidla.

Ġudizzji storiċi

4.      Il-Partit Nazzjonalista għandu għad-dispożizzjoni tiegħu wirt tal-imgħoddi mimli b’esperjenzi umani varji.  Dan huwa f’idejna u mibni f’persuni li servew fil-politika li, fortunatament, għadhom ħajjin.  Patrimonju li naċċettaw ferm iktar.  Għax hemm min dan ma jaċċettahx, jew aħjar jaħseb li biex jafferma ruħu jrid jibgħat il-messaġġ li d-dinja, l-istorja, il-ħajja, bdew minnu.  Li ma hemmx passat, hemm biss futur.  Imma fir-realtà hemm qabel u hemm wara.  Hemm f’dan il-bżonn li wieħed jaċċetta dan l-istat ta’ fatt u jaħdem fuqu.  Ma jarmix dak li inevitabilment għandu bżonn.  Din ir-realtà ma tinħarabx proprju għax anki għal dawk li jaħsbu, bħal ma kienu jiddikjaraw diversi Faxxisti, li ser ikun xi forma ta’ ġudizzju storiku li jagħraf ħidmet il-politika passata tagħhom, xorta huma parti mill-proċess tal-ħajja li jiddistingwi dak li hu sewwa minn dak li mhuwiex.

Nipproteġu l-ambjent

5.      Il-bniedem javvanza.  Jista’ jinbidel, jagħraf iktar lilu nnifsu.  Biss, ma jibdilx li azzjonijiet umani tiegħu jibqgħu jew żbaljati, jew tajba, jew ġusti, jew inġusti.  Ngħid iktar dan għax, fl-aħħar snin, id-dinja qegħda tagħraf dejjem iktar il-bżonn li tipproteġi l-ambjent tagħha.  Irridu nagħrfu li b’dak li qiegħed iseħħ sejrin iktar lura u dak li qed ingawdu preżentement m’aħniex ser ingawduh iktar fil-futur.  L-azzjonijiet, id-deċiżjonijiet politiċi tagħn f’dan huma vitali li jkunu allinjati biex nassiguraw is-sewwa.

Laudato Sì 101

6.      Punti fil-proċess tal-bidla umana, li l-istess Papa Franġisku, fl-enċiklika mill-isbaħ tiegħu ‘Laudato Sì’, li però ċert li diversi ma qrawx, jindika.  Fost il-partijiet varji u mill-iktar interessanti, fil-paragrafu 101 jgħid hekk: “Ma jiswielna xejn li niddeskrivu s-sintomi, jekk ma nagħrfux l-għerq uman tal-kriżi ekoloġika. Hemm mod żbaljat ta’ kif nifhmu l-ħajja u l-azzjoni tal-bniedem, li jeħodha kontra r-realtà sa ma jirvinaha.  Għaliex ma nistgħux nieqfu nirriflettu ftit fuq dan?”

Laudato Sì 232

7.      Ikompli l-istess fil-paragrafu 232: “Mhux kollha kemm aħna msejħin naħdmu b’mod dirett fil-politika, imma fi ħdan is-soċjetà jwarrdu għadd kbir ta’ għaqdiet li jsemmgħu leħinhom b’riżq il-ġid komuni, billi jaqbżu għall-ambjent naturali u urban.  Ngħidu aħna, jagħtu każ ta’ xi post pubbliku (binja, funtana, monument abbandunat, pajsaġġ, pjazza), biex iħarsu, jirranġaw, itejbu jew isebbħu xi ħaġa li hi ta’ kulħadd.  Madwarhom jixxettlu jew jinħolqu mill-ġdid.  Hekk komunità tinħeles mill-indifferenza konsumista.  Dan ifisser ukoll inxettlu identità komuni, storja li jeħtieġ nikkonservawha u ngħadduha”.

Tagħlim soċjali tal-Knisja

8.      Dawn huma l-fruntieri l-ġodda tat-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika li għal diversi snin servewna ta’ gwida, boxxla u parti sħiħa mill-ispirazzjoni tal-ħidma politika tagħna.  Proprju f’din il-linja deherilna li bħala Oppożizzjoni li tħares l-interessi ambjentali hija wkoll, li nippreżentaw mozzjoni partikolari tul din l-ewwel ġimgħa tas-sena dwar l-art fiż-Żonqor, f’Wied il-Għajn.  Din l-art ingħatat, flimkien ma’ bini ieħor fix-Xatt ta’ Bormla, lill-kumpannija Sadeen Education Investment Limited u fuqha l-proġett huwa li tinbena sabiex ikun hemm università.  Niftakar li din l-għotja ġiet kontestata sew.  Biss, il-Gvern webbes rasu u baqa’ għaddej.

Bla ebda sens

9.      Illum, wara s-snin, qed naraw li dik li kellha ġġib 4,000 student mhux jirnexxilha, u għandha tant li għandha biss 15.  Seta’ kien hemm intenzjonijiet tajba, però issa qegħdin naraw li hemm falliment kważi totali.  Is-sitwazzjoni nbidlet u għalhekk, bħala pass loġiku, qed nitolbu bl-użu tar-raġuni bħala forza politika li mhix konservattiva, li dak li ngħata jittieħed lura.  Dan għal żewġ raġunijiet prinċipali: l-ewwel għax l-art timmerita li tibqa’ mhux mibnija u li ssir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar; u t-tieni għax ma jagħmel ebda sens ekonomiku li art bħal dik tingħata għal proġett li diġà falla mill-bidu tiegħu.

Trapass taż-żmien

10.    Għax bit-trapass taż-żmien ġie iktar konfermat li d-deċiżjoni politika li ttieħdet qabel kien fiha nfisha żbaljata.  U jingħad x’jingħad, ebda ġudizzju storiku ma huwa jew jista’ b’xi mod jiġġustifika dak li sar ħażin.  Is-soltu, fil-ħajja, il-bnedmin bis-sens u li huma progressivi jaċċettaw dawn il-bidliet fiċ-ċirkostanzi, u jibdlu l-opinjonijiet tagħhom.  Nittamaw li naraw dan iċ-ċaqliq u li fid-dibattitu parlamentari t-talba leġittima tal-Oppożizzjoni tiġi aċċettata.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...