26.1.18

Povru Proletarju.



1.      Fl-aħħar leġislatura niftakarni nindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-pożizzjoni legali u finanzjarja li numru ta’ ħaddiema sabu ruħhom fiha taħt ‘l hekk imsejħa Community Workers Scheme.  Fiha kien hemm madwar sitt mitt persuna li ġew direttament meħuda minn fuq ir-reġistrar u impjegati taħt skema mmexxija minn fondazzjoni amministrata mill-General Workers’ Union.  Waħda li konna għamilna l-kritika għaliha, li fir-realtà kienet tikri s-servizzi tagħhom lill-Gvern u lill-Kunsilli Lokali u taqla’ minn fuqhom.

2.      F’dik il-konferenza konna qajjimna l-pożizzjoni skandaluża li kienet sfortunatament żviluppat.  Il-paga ta’ dawn il-persuni kienet, u għadha, fl-inqas livelli possibbli, fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma verament ħżiena.  Konna, ġustament, tkellimna dwar prekarjat istituzjonalizzat.

3.      Iktar u iktar meta din il-klassi tal-ħaddiema, proprju minħabba l-fatt li sabu ruħhom imħaddma minn Union tal-ħaddiema, sabu ruħhom mhux rappreżentati.  L-ironija tal-affarijiet kienet, u għadha, appuntu li wieħed kien jistenna paga aqwa, trattament u dinjità aqwa.  Minflok, is-sitwazzjoni kienet u għadha differenti.

4.      Għal dawn l-aħħar xhur, dawn il-bnedmin li ttieħdu minn fuq ir-reġistru ta’ dawk li ma kellhomx impjieg, sabu li għandhom madwar sitt mija u ħamsin ewro (€650) fix-xahar.  Mhux biss, imma ngħalqu f’pożizzjoni legali fejn ma setgħux japplikaw għal xogħol ieħor, speċjalment sabiex ikunu jistgħu jidħlu jaħdmu mal-Gvern jew korporazzjonijiet.

5.      Il-pożizzjoni tagħhom ġiet li, għalkemm qed jagħmlu l-istess xogħol bħal ħaddiema oħra, qegħdin jitħallsu inqas.  Xortihom ma tantx kienet tajba tul dawn is-snin.  Sofrew u ma sabu lil ħadd biex jaqbeż għalihom, salv lill-Partit Nazzjonalista.

6.      Tkellimna diversi drabi fil-Parlament favur tagħhom.  Ktibna artikoli sabiex immissu l-kuxjenza ta’ min daħal għal din l-iskema.  L-iktar għall-boxxla soċjali, għax rajniha barra minn lokha li f’pajjiżna tiġi żviluppata din il-pożizzjoni daqshekk kerha.

7.      Issa, stranament, fl-aħħar diskors tal-Budget kien hemm paragrafu li fih ġie dikjarat f’sentenza waħda solitarja li l-paga tal-ħaddiema f’din l-iskema sejra tiżdied b’mitejn ewro (€200) fix-xahar mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Tweġiba, ma hemmx dubju, għall-kritika qawwija li saret mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

8.      Deherli, però, li m’għandix naċċetta dan bħala biżżejjed.  Għax hemm żewġ punti importanti li wieħed għandu jikkunsidra.  L-ewwel: jekk il-Gvern qiegħed jiddikjarah fid-diskors tiegħu tal-Budget allura wieħed jaħseb li, minkejja l-iskema, dawn sejrin jitħallsu direttament mill-kaxxa ta’ Malta.

9.      Għalhekk, permezz ta’ domanda parlamentari numru 2652, staqsejt lill-Ministru tax-Xogħol jekk din iż-żieda hix ser titħallas direttament mit-Teżor, jew jekk hemm xi ftehim differenti.  It-tweġiba ħarbet mill-interpellanza u kienet xotta ħafna, li: “ż-żieda msemmija ser tkun riflessa direttament fil-paga tal-ħaddiem”.  Għalhekk nibqa’ ngħid li jekk il-Gvern mhux ser iħallas għaliha, għandi nifhem li din ser titħallas mill-istess Fondazzjoni mmexxija mill-GWU.

10.    Dan naħseb li għandu jfisser, għal kulħadd, li tul dawn l-aħħar għallinqas tnax-il xahar, din il-Fondazzjoni kienet qegħda, kull xahar, iddaħħal mija u għoxrin elf ewro (€120,000) qliegħ fuq ħidmet dawn il-bnedmin.  Xejn inqas minn elfejn u erba’ mitt ewro (€2,400) għal kull ħaddiem fis-sena, u xejn inqas minn miljun, erba’ mija u erbgħin elf ewro (€1,440,000) f’sena sħiħa fuqhom kollha.  Pożizzjoni ferm u ferm iktar immorali u ta’ eżempju xejn tajjeb fis-suq tax-xogħol.

11.    Proprju fuq dan, b’domanda parlamentari oħra numru 2432, għalhekk tlabt lill-Ministru sabiex jinforma ‘l-Kamra jekk kemm-il darba kienx ser ikun hemm ħlas tal-arretrati.  Punt li nħoss li huwa leġittimu u ġust fil-konfront ta’ dawk li x-xogħol jagħmluh, però li baqgħu ma tħallsux fis-sħiħ għalih.  It-tweġiba lili però kienet li: “Ma hemm l-ebda arretrati dovuti”.

12.    Ktibt dan l-artikolu għax jidhirli li jekk hemm min għad għandu kuxjenza u boxxla soċjali, għandu jifhem li l-qligħ kollu li sar minn fuq dahar dawk il-ħaddiema li jinsabu fl-inqas livell soċjali, f’dawk li huma litteralment il-proletarjat, għandu jitħallas lura.  F’soċjetà fejn ix-xejn ma huwa xejn, fejn il-bniedem qiegħed jitlef id-dinjità u d-drittijiet tiegħu tax-xogħol, nappella verament sabiex ikun hemm l-interventi neċessarji u dawn il-flus jingħataw lura lil dawn il-ħaddiema fl-ewwel paga tas-sena.

13.    Jekk għad hemm min jikkunsidra ruħu li huwa soċjalista f’dan il-Gvern, nittama li jiċċaqlaq.  Nittama li jagħmel ġustizzja, fl-aħħar, mad-diversi xhur ta’ inġustizzja li ilhom ibatu dawn il-povri ħaddiema.  Għax il-klassi tal-proletarjat jixirqilha trattament aħjar milli qegħda tingħata.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...