14.1.18

Nissudaw irwieħna.




1.     F’dan l-istaġun politiku l-Partit Nazzjonalsita qiegħed, tul din is-sena l-ġdida, jħares iktar ‘il quddiem.  Il-ħidma interna ġejja lura għal dak li għandha tkun.  Attenzjoni għall-eventi nazzjonali u, fl-istess ħin, preparazzjoni tal-istrutturi tagħna.  F’dan il-mument partikolari, dmirna lkoll huwa marbut mal-fatt li għandna nibnu mill-ġdid, u dan għandna nwettquh b’għaqal.  M’hemmx bżonn għaġġla partikolari; anqas ta’ deċiżjonijiet meħuda b’reazzjoni tal-mument li nkunu għaddejjin minnu.  Irridu sempliċement inħarsu għal dak li ser ngħaddu minnu u nippreparaw minn issa.



Il-futur tagħna



2.     F’kull leġislatura, u f’kull kampanja elettorali, ħadd ma jkun jaf x’ser iseħħ.  Hemm min jaħseb li huwa b’saħħtu ħafna u mat-triq jiddgħajjef, u hemm min jitlaq jidher li mhux ser ivinċi u jirnexxilu.  Il-futur verament ħadd ma rah.  Biss, dan flokg ħandu jaqta’ qalb xi ħadd għandu, minflok, iqawwina.  Dak li naraw illum ser ikun differenti għada pitgħada.  Iċ-ċirkostanzi politiċi ser jinbidlu.  Il-poter fil-bidu mod; fit-triq mod ieħor.  Proprju għalhekk li f’dan il-mument irridu nippreparaw iktar lilna nfusna għall-appuntamenti li l-istaġun politiku ser iressaq quddiemna, mingħajr il-bżonn li nippruvaw nidhru differenti milli aħna, jew aggressivi, fix-xejn.



Ġustizzja u ħniena



3.     Jingħad x’jingħad, il-Partit Nazzjonalista jibqa’, fil-mumenti rebbieħa tiegħu, forza moderata u taċ-ċentru.  Meta jkun mimli żelu żejjed, aggressiv u koċċut fl-intransiġenza jitlef mill-kunsens elettorali tiegħu.  Il-poplu jrid dejjem li jiġi mmexxi minn bnedmin li huma tar-raġuni, u jibża’ meta wieħed jidher il-kontra.  Għax il-moderazzjoni mhix dgħjufija, imma hija intelliġenza.  Hija l-għażla tat-triq tan-nofs li ħafna jfittxu.  Għax f’dik it-triq wieħed isib il-ġustizzja u l-ħniena.  Il-poplu jrid dan u jiddejjaq jisma’ li, f’isem l-effiċjenza, is-soċjetà għandha tarmi l-ħniena u l-għarfien li l-bnedmin ikollhom il-pożizzjoni partikolari tagħhom.



X’jinteressa lill-poplu



4.     Għalkemm ħafna jippretendu l-perfezzjoni mill-oħrajn, fil-verità dan ilkoll nafu li ma jeżistix mal-bnedmin.  Kull persuna għandha l-imperfezzjonijiet tagħha, u dan il-poplu jirrikonoxxih.  Proprju għalhekk li l-Partit irid imiss lura mas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà.  Irid, b’mod dirett, imiss l-organizzazzjonijiet attivi u jifhem dak li qed iwettqu u l-ambjent li fih qed joperaw.  Irid imur lura lejn kull belt u raħal u jifhem x’inhuwa jiġri hemm.  Jifhem dak li diversi nies verament jinteressahom.  Ifassal il-politika tiegħu mhux skont x’jidhirlu li għandu jqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali, imma x’qiegħed sewwasew imiss direttament liċ-ċittadin tagħna fil-ħajja ta’ kull ġurnata tiegħu.



Lejn in-nies



5.     Jekk ma nibdewx immorru lura nagħtu każ kull klassi fis-soċjetà fl-ambjenti soċjali, ekonomiċi, kulturali u reliġjużi m’aħniex ser infasslu programm ta’ ħidma.  M’aħniex ser ikollna linja u direzzjoni ta’ dak li għandna naħdmu għalih issa, u dak li hemm bżonn jiġi preparat sabiex ikun fil-futur il-proġett politiku li rridu nfasslu.  Is-sejħa li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia qiegħed, ġustament u kontinwament jagħmel hija proprju fuq dan.  Il-bżonn li mmorru fejn il-bnedmin f’din l-art ikunu.  Il-bżonn li nkunu lura fil-ħwienet tat-tè, fil-każini, fil-pjazez, fil-kunsilli u minn fejn jinġabru l-bnedmin, mhux biex nidhru, imma biex nifhmu.



Il-piż politiku tagħna



6.     F’dawn il-ftit xhur, l-effett diġà qiegħed jinħass.  Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jara riħ ġdid jonfoħ, fejn il-politika tiegħu tinteressa lill-poplu inġenerali, u mhux lill-ftit.  Ċaqliq li permezz tiegħu qed nerġgħu naqbdu t-triq biex inkunu vuċi li tinstema’.  Vuċi li tingħata l-piż tagħha u li tingħad b’mod u manjiera li tispjega u tibda l-proċess li tipperswadi.  Ma hemmx dubju li fil-pożizzjoni politika għandna l-iżvantaġġ kbir li l-vuċi tagħna mhix tinstema’ kif għandha.  Anzi, ħafna drabi l-messaġġ tagħna jiġi mdawwar kompletament mill-mezzi li għandhom effettivament is-saħħa medjatika.  Però, dik hija telgħa li hemm bżonn li nitilgħu sabiex inkunu mismugħa lura.



Politika barranija



7.       Il-pożizzjoni u r-responsabbiltà politika tagħna, però, ma torbotniex li nkunu biss moħħna b’dak li qiegħed iseħħ f’dawn il-gżejjer.  Tul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nkun preżenti fid-Dar Ċentrali waqt li l-Kap tal-Partit kien qiegħed jindirizza lill-Ambaxxaturi akkreditati għal pajjiżna u l-Konsli Onorarji.  Id-diskors tajjeb ħafna kien marbut mal-politika barranija tagħna.  Hemm bdejna wkoll it-triq tagħna sabiex nirriaffermaw li aħna nibqgħu protagonisti f’kif tiġi formulata sabiex pajjiżna jgawdi iktar rispett.  Nibqgħu dawk li għandna l-vuċi li tingħata l-importanza għax ir-relazzjonijiet ma’ diversi pajjiżi żviluppaw mertu tal-ħidma ta’ diversi ministri li l-Partit kellu meta konna fil-gvern.



Nissudaw dak li aħna



8.       Il-Partit qiegħed, fuq l-esperjenza ta’ dak li għaddew u għaddejjin preżentement minnu partiti oħra, jassigura li jersaq iktar lejn iċ-ċentru politiku.  L-istorja turi li meta partit bħal tagħna jersaq wisq lejn il-lemin, jitlef.  Proprju għalhekk li tul din is-sena rridu nassiguraw li l-linja politika tagħna terġa’ tiġi lura f’dik demokratika-Kristjana.  Tiġi lura fl-għeruq u t-tessut soċjali tagħna.  Il-valuri Nsara huma parti integrali minn dak li aħna.  Is-soċjetà tagħna hija li hija, fit-tajjeb kbir li għandha, proprju minħabba dan il-wirt.  Dan ma jistax jiġi njorat.  Għalhekk, huwa ċar li dmirna f’din is-sena huwa li nissudaw iktar irwieħna.  Nissudaw il-ħidma, nissudaw l-organizzazzjoni, però, fuq kollox, nissudaw dak li aħna.






No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...