24.8.09

FEJN IRRIDU NASLU

1. Il-Partit Nazzjonalista ma huwiex fil-gvern għas-sempliċi raġuni li jrid il-poter f’idejh, iżda qiegħed hemm sabiex imexxi `il quddiem lill-poplu tagħna. Is-servizz fil-ħajja publika jitlob li wieħed jiddedika ruħu biex jagħmel ġid lill-proxxmu. Dan il-partit irnexxielu juri ma kull appuntament elettorali li huwa hu, li għandu l-aħjar programm, l-aqwa ideat u l-aħjar tmexxija tal-ġid komuni. Ħadd ma jista’ jmerri dan, anki jekk jista’ jkun hemm min ipenġina bħala xi forma ta’ gvern klijentenarju fir-realta’ proprju l-aħħar appuntament juri kemm dan ma huwiex hekk.

2. Wiċċna għad-dawl proprju għax ħadna ħsieb li ninfurmaw u komplejna nagħmlu dan f’dak li jinsab il-pajjiż wara l-effetti tal-aħħar kriżi finanzjarja. Ma qgħadniex induru mal-lewża u ngħidu fuq naħa li għandna inħeġġu l-Gvern biex jonfoq iktar, mentri fuq l-oħra nilmentaw miż-żieda fid-deficit. Żammejna ruħna fuq it-triq tas-sewwa, dik tal-moderazzjoni u r-riforma. Li kieku konna partit konservattiv, kieku ma konna nibddlu xejn u kieku konna wieħed liberali jew neo-liberali kien ikollna d-diżastri finanzjari li kellhom pajjiżi oħra.

3. Għax hawn Gvern li huwa serju, intelliġenti u onest li żamm r-ritmu sod fl-ekonomija, mingħajr ma tilef il-valuri li aħna nħaddnu. Il-pajjiż huwa mimli b’opportunitajiet kbar, pero` sabiex jiġu sfruttati wieħed irid jidħol għalihom. Fortunatament it-talent tal-bżulija ma jonqosx la fil-gvern u lanqas fil-poplu. Tmur fejn tmur fil-pajjiż tara bidliet għaddejjin. Il-poplu juri li l-maġġoranza tiegħu bdiet issa jifhem kemm l-Unjoni Ewropea qegħdha tagħti ġid u kemm il-fatt li dħalna fis-sistema Ewro tatna vantaġġi.

4. Irridu nkomplu nagħtu valur soċjali u ekonomiku ikbar liċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer. Irridu nidħlu għal riformi li qabel ma stajniex, mhux għas-sempliċi pjaċir tat-tibdil, imma għax nemmnu li bihom nistgħu nibnu soċjeta’ aħjar milli għandna. Il-kwalita` tal-ħajja soċjali u ekonomika tagħna titlob li morru ‘l quddiem sabiex ma nitilfux li għandna. Huwa dejjem tajjeb li tieqaf taħseb, pero’ trid tirrifletti fuq x’ser tagħmel u mhux tieqaf timmaġina li billi ma twettaq xejn il-problemi jisolvu ruħhom. Dan il-Gvern għandu il-mertu li ma jistenniex imma iwettaq il-ħin kollu.

5. Id-diversi proċessi ta’ riforma ta’ bidla li aħna rridu, nafu li fihom id-diffikultajiet sabiex isiru. Ma hemmx dubju li t-twettieq u l-implimentazzjoni tagħhom jkunu huma wkoll mhux faċli, biss il-gvern irid jagħti iktar kwalita`, iktar servizzi u drittijiet lill-poplu. Aħna qegħdin hemm għax l-elettorat għażilna, għalhekk inħossuna mexxejja, pero` fl-istess ħin difensuri tad-drittijiet taċ-ċittadini tagħna. Għalhekk meta nżidu fil-kontenut tal-liġijiet tagħna qegħdin nimxu `l quddiem

6. Il-pajjiż preżentament qiegħed jiġi mmexxi minn Gvern li għandu l-fortuna li għandu fih esperjenzi sodi. Mhux faċli tmexxi `l quddiem, pero’ bid-determinazzjoni u l-perseveranza tagħna qed inwasslu ma’ kull jum proposti ġodda li nimplimentaw. Il-prinċipji tagħna, dawk demokristjani żammewna għaddejin. Il-linja ta’ gwida tagħhom tawna fonti ta’ ideat, ħsibijiet u soluzzjonijiet. Permezz tagħhom għamilna l-ġid lil dan il-pajjiż u lil dan il-poplu. Hemm irridu naslu, li nkomplu nkunu strumenti għas-sewwa, għodda biex il-ġustizzja soċjali tikber.

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd 23 t’Awwissu 2009.

IL-BIDLA FL-EVENTI TAD-DINJA

1. Ftit jiem ilu ġiet nieqsa persuna li kellha sehem importanti ħafna fl-istorja politika ta’ pajjiżha. Min jaf l-eventi jinduna kemm din il-mara, li daħlet sabiex issir avukat però abbandunat it-triq sabiex tiżżewweġ, ma kellha qatt f’rasha l-ħsieb li setgħet issir il-President tar-Repubblika ta’ pajjiżha. Imma l-ħajja, minkejja dak li jistgħu jbassru dawk li huma attenti, li huma esperti, xorta tibqa’ tagħtik dak li ma tistenniex. Hekk ġara fil-każ ta’ Corazon C. Aquino, omm ta’ ħames ulied, mart ġurnalist prominenti. Persuna li ma kellhiex ebda sehem pubbliku u anqas ma kellha xi ambizzjoni f’din it-triq.

2. Kif kienet popolarment magħrufa, Cory kienet twieldet fl-1933 u hija wkoll kienet parti minn familja numeruża f’dak il-pajjiż Kattoliku tal-Filippini. Żewġha nvolva ruħu fid-dinja politika u sab lilu nnifsu jmexxi l-Oppożizzjoni kontra l-ħakma politika tal-konjuġi Marcos. L-aġir ta’ Ferdinand u Imelda Marcos għadu suġġett għal diversi studji fl-abbużi kbar li wettqu. Ta’ kif il-poter jiġi għas-servizzi privati tagħhom. Kienu dittaturi li d-dinja tas-snin tmenin kienet għadha tara jaġixxu, bl-arja u bl-arroganza li poter inkontrollat jaf jagħti. Bħall-konjuġi Ceaucescu u diversi oħra li kienu ttrasformaw kollox għat-tgawdija tagħhom, b’għażliet estravaganti u li jirbħu anke lil dawk li huma sinjuruni.

3. Benigno Aquino qabad it-triq politika tiegħu b’ħidma mill-iktar marbuta ma’ dik demokratika. Daq mill-ewwel id-dittatura meta fl-1972 ġie misjub inġustament ħati ta’ delitti ta’ sovverżjoni u pussess illegali ta’ armi u b’hekk spiċċa seba’ snin fil-ħabs. Fl-1980 kien talab li jmur l-Istati Uniti ta’ l-Amerika sabiex issirlu operazzjoni f’qalbu u Ferdinand Marcos, bil-parir kuntrarju ta’ martu, bagħtu. L-operazzjoni rnexxiet u Benigno, flok ħarab, iddeċieda li jerġa’ lura lejn pajjiżu. Però appena niżel mill-ajruplan, iż-żewġ suldati li kellu skorta miegħu, sparawlu u qatluh kif miss siequ fuq it-tarmak. Aġir mill-iktar viljakk.

4. Kontra kull min seta’ jbassar il-futur, kontra kull sens ta’ loġika, martu sabet ruħha l-kap ta’ l-Oppożizzjoni b’kandidatura għall-Presidenza tal-pajjiż. Għadni niftakar l-eventi mqanqla li permezz tagħhom ġiet formalment eletta u d-demokrazija restawrata, bil-konjuġi Marcos barra. Mumenti ta’ tensjoni li sabu ruħhom parti mill-midja internazzjonali li, naturalment, dak iż-żmien stajna nsegwu mill-mezzi ta’ l-aħbarijiet Taljani. Cory kien irnexxielha tegħleb kull diffikultà u bagħtet messaġġ ta’ tama għal diversi Stati oħra li kellhom l-istess sitwazzjoni bħall-Filippini. Id-dinja baqgħet skantata kif din il-mara tad-dar umli f’egħmilha, spiċċat tneħħi lid-dittatura Marcos.

5. Fl-1986, meta ġiet eletta, pajjiżna kien għaddej minn mumenti diffiċli bi gvern li kien fil-minoranza u Oppożizzjoni bil-maġġoranza tal-voti, gvern li kien qiegħed fir-raba’ sena tal-leġislatura u ma jridx iċedi l-poter minn idejh. Meta nerġa’ niftakar f’dawk ix-xhur diffiċli, f’dawk li okkupaw il-karigi ta’ ministri u dawk li kien hemm fil-poter tal-partit u tal-apparat sħiħ ta’ klijenteliżmu sfaċċat tiegħu, wieħed illum jifhem dejjem iktar kemm l-esperjenza Filippina kienet riħ frisk u safi għalina. Il-fatt li kien irnexxielha tirbaħ il-poter u ġġibu mhux għaliha, iżda għall-poplu tagħha, kien messaġġ qawwi ta’ tama, speċjalment għalina li konna qed ngħaddu minn passjoni.

6. Corazon C. Aquino irnexxielha tniżżel isimha ma’ mexxejja oħra li dak iż-żmien kienu qed jikkumbattu l-elementi tad-dlam. Ta’ dawk li riedu joqtlu l-apparat demokratiku sabiex jibqgħu fil-poter. Jiġu mill-ewwel quddiem għajnejja persuni bħal Lech Walesa tal-Polonja, Nelson Mandela ta’ l-Afrika ta’ Isfel, li kull min kellu l-opportunità li jaqra x’kitbu jaf kemm batew. Aquino kienet hemm, persuna kompletament differenti mill-politiċi l-oħra. Anzi, kienet Kattolika prattikanti li ma tistħix tgħid li waqt il-Presidenza tagħha diversi drabi marret għall-irtiri, f’kunventi biex titlob l-għajnuna u tirrifletti. Kienet persuna trasparenti u miftuħa, eżempju ċar ta’ kif l-eventi tad-dinja jistgħu jseħħu bi bnedmin umli u li huma miftuħa għas-servizz tal-proxxmu.

7. Il-mewt tagħha b’kankru f’Awissu ta’ din is-sena, ovvjament ġiebet diversi bħali jirriflettu. Kif il-politika hija ħafna, u fl-istess ħin, xejn. Kif kapaċi tbiddel il-ħajja tal-bniedem għall-aħjar jew għall-agħar, kif dawk li l-inqas taħseb li ser ikollhom sehem effettivament ikollhom. Il-funeral tagħha wera biċ-ċar kemm il-poplu baqa’ jirrispettaha. Proprju għax kienet President għal kważi għaxar snin li kienu determinanti sabiex il-Filippini jieħdu lura l-libertà u d-demokrazija. Hemm ħafna x’wieħed jitgħallem illum, però nillimitaw ruħna sabiex napprezzaw kemm dawk li l-inqas għandhom arja, kemm dawk li huma umli, kemm dawk li ma jibżgħux jgħidu li jaqblu ma’ linja ta’ ħsieb Kattoliku jsibu ruħhom fiċ-ċentru tal-bidliet it-tajba.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 16 t’Awwissu 2009.

18.8.09

ID-DINJA TIMXI FIL-PAĊI

1. Hemm diversi lezzjonijiet li nistgħu nieħdu mill-istorja. Il-fatti, l-analiżi tagħhom, kemm dawn effettivament jaslu għand il-poplu huma parti mis-soluzzjoni sabiex tinduna x’inhuwa l-bniedem sewwasew. Iservuh sabiex jimxi ‘l quddiem u japprezza aktar dak li hu. Meta tqis kollox tara li l-paċi hija l-ikbar mertu l-bniedem jista’ jaspira għalih. Fil-perjodi qosra li fihom id-dinja rat il-paċi, rat ukoll avvanzi fil-kwalità tal-ħajja, fil-ħsieb, fit-tagħlim u fl-ekonomija. Il-gwerer diżastri biss wasslu. Mwiet ta’ bnedmin fix-xejn, distruzzjoni ta’ pajjiżi, ekonomiji li fl-aħħar tal-ġurnata servew biss biex bagħtu lil diversi lura.

2. Il-forza li għandu fih il-bniedem li jaħdem għas-sewwa trid tiġi apprezzata iktar. Is-sekli twal ta’ eżistenza jirnexxilhom juru li huwa biss il-bniedem li għandu l-abbiltà li jqum mill-waqgħat u jerġa’ lura lejn it-triq it-tajba. Din il-ġimgħa kellna żewġ appuntamenti importanti li fakkruna mill-ġdid fuq kemm il-gwerra ġġib distruzzjoni u ma sservi assolutament għal xejn. Qed nirreferi, l-ewwel, għall-mewt ta’ l-aħħar suldat li ħa sehem fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Harry Patch, li miet ta’ fl-età ta’ mija u ħdax-il sena; u t-tieni, l-erbgħa u sittin anniversarju mill-attakk nukleari ta’ Hiroshima u Nagasaki.

3. Harry Patch li ħa sehem attiv f’dak il-konfront inutili, fejn il-bnedmin kienu jinqatlu qishom numri ta’ oġġetti indispensabbli, f’kundizzjonijiet diżumani għall-aħħar, esprima ruħu diversi drabi kontra l-gwerra. Biss, aktar minn dan, fuq l-“inutilità” tagħha. Kemm huwa diffiċli sabiex nifhmu li l-kunflitti bħal dawn ma jwasslu mkien. Huwa żball li nibqgħu naħsbu li huma “soluzzjonijiet” għax l-esperjenza turi li, minflok, huma kumplikazzjonijiet.

4. L-attakki atomiċi tat-Tieni Gwerra Dinjija fuq il-Ġappun iwasslu huma wkoll sabiex nirriflettu fuq il-valur tal-ħajja u l-importanza tal-paċi. Meta tikkunsidra li mija u erbgħin elf persuna mietu f’daqqa, tifhem kemm il-gwerra hija ġennata li ma tistax tiġġustifikaha. Mhux biss, imma l-fatt li għad għandna mal-erbgħa u għoxrin elf bomba nukleari fuq il-pjaneta għandu jwassalna sabiex inħarsu lejn il-proposta ta’ Barack Obama sabiex mal-2020 inneħħuhom kompletament. Hemm, iva, responsabbiltà morali u, ngħid jien legali, lejn l-umanità u l-paċi li nneħħuhom.

5. Il-ġlieda hemm qegħda, fl-abbiltà tagħna bħala bnedmin sabiex nifhmu u nfehmu li ma hemmx triq li għandha tibqa’ kkunsidrata bħala “alternattiva”. Aħna nemmnu li l-paċi hija t-triq u għalhekk għandna naħdmu sabiex tinbidel klima li ilha għaddejja s-sekli. Il-mexxejja tad-dinja jridu jgħaddu mill-proċess diffiċli li jirreġistraw fil-manwali tagħhom li l-gwerra hija kapitolu magħluq mhux biss għalihom imma għad-dinja tagħna.

6. Il-proċess irid jittieħed bis-serjetà u dan ifisser li aħna għandna nikkonċentraw fuq iktar diskussjoni, djalogu u negozjati. Dik hija t-triq it-tajba. Ammirajt bil-kbir il-ħidma ta’ Bill Clinton li mar fil-Korea ta’ Fuq sabiex jitkellem dwar żewġ ċittadini Amerikani arrestati żbaljatament u l-missjoni kienet suċċess. Ir-riżultati jiġu mid-diskussjoni madwar mejda. Għalina l-paċi hija valur u biex tiġi assigurata rridu nkomplu naħdmu biex tikber il-kultura tas-sewwa. Il-poplu tagħna jitlobhielna u aħna fid-dmir li nagħtuhielu.

Dan l-artikolu deher fuq il-ġurnal il-Mument tal-Ħadd 9 t’Awissu 2009.

EKONOMIJA SODA U STABBLI

1. Tul dawn l-aħħar xhur rajna lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jipproponi numru ta’ “proposti” ekonomiċi. Linji ta’ aġir li, fl-aħħar tal-ġurnata, ssibhom li jistgħu jidhru attrajenti mentri fir-realtà, sfortunatament, ma jaħdmux. Anke l-iktar waħda “ġdida fjamanta” (li rajtha stramba), frott din il-“ġenerazzjoni rebbieħa” u li ġejja mill-“Partit Laburista” ttrasformat li l-Gvern jidħol lura bħala ħanut tal-merċa hija għal kollox mhix f’lokha. Tiskanta, l-ewwel, b’min għadu jipproponi b’konvinzjoni dak li falla mad-dinja kollha, dak li ġieb miegħu aktar faqar u korruzzjoni. It-tieni, kif minkejja kull ma jippruvaw jgħidu, baqgħu jħarsu lejn il-passat bħala xi xempju ta’ kif għandu jitmexxa l-pajjiż.

2. Fir-realtà, l-Oppożizzjoni hija ffaċċjata b’lista twila ta’ miżuri ekonomiċi li ġew meħuda u wara ġew trasformati f’liġijiet apposta li saru mill-Partit Nazzjonalista. Il-pajjiż tagħna, għad-differenza ta’ diversi oħrajn, kellu l-intelliġenza u l-għaqal li jittrasforma soċjetà li kellha ekonomija dominata mill-Istat għal waħda liberalizzata. Il-Gvernijiet Nazzjonalisti dan wettquh b’abbiltà kbira, bil-liberalizzazzjoni, pass pass, mingħajr ma ddistabilizzaw it-tessut. Ir-riżultat huwa ċar. Qatt ma rajna daqshekk ġid f’dawn il-Gżejjer. Anqas ma rajna tnaqqis fil-pakkett ta’ valuri li aħna ngawdu lkoll.

3. Ma hemmx dubju li lliberalizzajna, imma ma ġejniex maħkuma minn neo-liberaliżmu u politika tal-lemin. Ħadna ħsieb kull darba noħolqu qafas legali raġjonevoli u li jiggarantixxi. Jiggarantixxi lil dawk in-nies fin-negozju li jridu jaħdmu bl-onestà li ma jsibux lilhom infushom abbużati minn dawk li qegħdin fuq in-naħa l-oħra. Tista’ żżid il-kunfidenza fis-sistema tiegħek jekk tieħu ħsieb dan kollu. Tassigura bilanċ u fl-istess ħin il-libertà li wieħed juża t-talenti tiegħu. L-imprenditur Malti u barrani jfittex dan u l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jagħti din il-kelma. Kien u għadu proprju għalhekk li nħoloq daqshekk xogħol, li għandna ‘l fuq minn mitt elf persuna jaħdmu fis-settur privat u li żidna daqshekk ħwienet. Il-ħaddiem Malti kapaċi, però jista’ juża din jekk kemm-il darba jsir fejn. Din prijorità li żammejna.

4. Ma hemmx dubju li l-Ministru tal-Finanzi tagħna Tonio Fenech qiegħed ikompli għaddej jissoda dan is-settur. Għandu sitwazzjoni xejn faċli fix-xenarju mondjali, però xorta waħda dan il-pajjiż qiegħed jimxi ‘l quddiem u jara żvilupp fejn oħrajn li m’għandhomx. Dan għax m’aħniex inżarmaw dak li għandna iżda qegħdin nissudaw. Dak li ħadem ikompli għaddej u anzi qiegħed jassigura li jkompli jtejjeb dak li hawn il-bżonn, sforz iċ-ċirkustanzi, li jiġu żviluppati. L-aħbar li, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ġew reġistrati ‘l fuq minn elf u mitejn kumpannija fis-servizzi finanzjarji, ta’ min wieħed jirrifletti fuqha.

5. Waħda miċ-ċwievet importanti għalina kienet dik li ħloqna awtorità li tirregola s-servizzi finanzjarji (MFSA) li għandna numru ta’ responsabbiltajiet li ma baqgħux iperpru mar-riħ fix-xejn. Anzi, ġie bilanċjat iktar is-sehem fl-ekonomija bejn il-Bank Ċentrali fuq naħa u din l-Awtorità fuq l-oħra. Mertu tal-qafas legali li bnejna u mertu ikbar tal-persuni li ġew magħżula sabiex imexxu ħidmet dawn l-istituzzjonijiet demokratiċi servew sabiex l-ekonomija baqgħet garantita. Dan huwa in kuntrast dirett ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra.

6. Segwejt l-aħbar tal-ġimgħat li għaddew fl-Ingilterra. Il-Partit Konservattiv qiegħed jipproponi numru ta’ miżuri ekonomiċi ġodda. Fosthom, qiegħed jipproponi li l-Financial Services Authority tiġi abolita u li l-Bank Ċentrali, il-Bank of England jieħu f’idejh din ir-responsabbiltà. Il-manuvra qed tipprova tkun motivata, però l-linja tal-battalja qegħda iktar f’numru ta’ proposti li qed isiru sabiex effettivament il-poteri jiżdiedu. Ovvjament, David Cameron, il-mexxej konservattiv u milli jidher Prim Ministru futur, qiegħed jipprova jġib mill-ġdid id-dibattitu politiku fuq ir-raġunijiet għala ħadd ma nduna jew aħjar ikkontrolla dak li kien qiegħed jinħema fis-settur bankarju. Kif iġġustifikaha George Osborne li għandu jkun il-Kanċillier futur: “Maintaining a system where responsibility is shared but no one is in charge invites lack of co-ordination.”

7. Fil-fatt, ġewwa dak il-pajjiż, fuq dik l-esperjenza dik l-Awtorità ġiet imdaħħla fi programm ta’ riforma. L-iżball inizjali kien proprju dan in-nuqqas ta’ għarfien ta’ kemm huwa importanti li sabiex wieħed jassigura l-ekonomija jrid jagħti poter lil din l-Awtorità sabiex tikkontrolla. Kien żball legali li fuqu qablu ż-żewġ partiti prinċipali meta għaxar snin ilu ġiet imwaqqfa din l-Awtorità. Qagħdu lura milli jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn għax in-natura umana tibqa’ l-istess. Fortunatament għalina f’dan il-pajjiż, id-deċiżjonijiet tajbin nafu neħduhom. Għax għamilna hekk qed inkomplu niggarantixxu ekonomija soda u stabbli. Id-demokrazija tmexxi ‘l quddiem u hija dik li tiggarantixxi l-ambjent ekonomiku neċessarju. Għax dan sar, f’pajjiżna nistgħu nħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu navvanzaw.

Dan l-artikolu deher fuq il-ġurnal Illum tal-Ħadd 9 t’Awissu 2009.

6.8.09

IL-PARTIT SOĊJALISTA MEJJET


1. Ftit jiem ilu dehret l-aħbar fil-ġurnali li l-filosfu, ġurnalista u intelletwali franċiż Bernard Henri Levy iddikjara pubblikament li għalih il-partit soċjalista kien miet. Anzi kliemu kien ferm iktar iebes u dirett. Huwa qal: “Il-Partit Soċjalista ser imut? Le. Diġà mejjet. Ħadd, jew kważi ħadd, ma jissogra jgħid dan. Imma kulħadd, jew kważi kulħadd, jaf li dan huwa veru”. Kliem xejn faċli għal dawk li huma fuq ix-xellug sabiex wieħed jidderiġihom f’dan iż-żmien. Biss hija realta` li b’xi mod trid tiġi affrontata.

2. Levy għandu ismu marbut ma’ ‘l hekk imsejħa skola tan-“Nouveaux Philosophes” ta’ Pariġi li kienu diġà, minn Mejju 1968, kritiċi lejn il-marksiżmu u s-soċjaliżmu. Biss baqa’ jżomm ruħu bħala persuna fuq ix-xellug, anki llum. Forsi ftit qari tal-kitba tiegħu, b’mod partikolari “Le siecle de Sartre” u “L’Ideologie Française” jitolbu ħafna ħsieb, anke jekk mhux neċessarjament taqbel magħhom. Fir-realtà, dan il-persuna ta’ oriġini Lhudija huwa mimli b’ideat li jispikkaw għalija aktar meta wieħed jara dak li kiteb fuq Alexis de Toqueville. Segwa l-passi ta’ dan l-awtur li kiteb “Democracy in America”, u li kelli x-xorti naqra b’attenzjoni kbira, billi kkonfronta xi Franċiż sab il-bieraħ u llum f’dak il-pajjiż.

3. Imma l-argumenti reċenti tiegħu naħseb li huma ferm iktar relevanti fid-dikjarazzjoni li għadda lill-ġurnal tal-Ħadd “Journal de dimanche”. Għandu raġun jesprimi l-opinjoni li s-soċjalisti Franċiżi għandhom, illum qabel għada, jibdlu kompletament il-partit. L-attentati kożmetiċi ta’ dawn l-aħħar snin servew biss sabiex jiġu maħtura mexxejja ġodda li, fl-aħħar tal-ġurnata, ma rnexxilhomx jikkonvinċu lill-elettorat. Forsi għad hemm wisq diffikultajiet fil-kredibilità politika wara l-Presidenza ta’ François Mitterand.

4. Wara l-mewt ta’ Mitterand ħarġu għall-pubbliku diversi fatti, speċjalment dawk marbuta mal-ħajja personali tiegħu li dejqu lill-elettorat, li huwa bażikament wieħed konservattiv fl-ideat, anke jekk fuq ix-xellug. Terġa’ u tgħid, il-bidla riċenti fil-Kabinett Franċiż żiedet aktar dan is-sens ta’ abbandun meta bin Mitterand aċċetta u hekk ġie maħtur ministru tal-kultura taħt President li mhuwiex soċjalista. Ma baqax fil-partit ta’ missieru kif kien hemm min stenna. Dan aktar fid-dawl ta’ l-aħħar elezzjonijiet fejn il-partit soċjalista spiċċa umiljat u, terġa’, l-partit ekoloġista ħareġ iktar b’saħħtu.

5. Ma hemmx dubju li qam il-bżonn ta’ reviżjoni qawwija ta’ dak li għadu jgħaqqad is-soċjaliżmu fi Franza, kif ukoll fl-Ewropa. Meta partit jitlef il-prinċipju tiegħu, meta jinduna li dak li darba seta’ kellu forza manjetika llum m’għandux, irid ifittex lura sabiex isib ruħ anke jekk huwa ateu u materjalista. Is-sitwazzjoni hija iktar perikoluża milli tista’ tidher. Partit li ma għandux ideoloġija u kull ma jagħmel huwa li jħares biss lura b’nostalġija għall-passat jispiċċa fattur ta’ defiċit demokratiku.

6. Id-demokrazija mingħajr partiti organizzati u b’saħħithom hija ferm inqas minn dak li tista’ tkun. Meta partit jirrilega lilu nnifsu jew jiġi relegat għax ma għandux dik il-boxxla interna, jispiċċa jagħmel il-ħsara lill-klima politika. Il-ħsara żgur li mhix volontarja, żgur mhux intenzjonata, però hemm qegħda. Partit li jispiċċa fil-kurrenti proprju għax tilef il-loġika ta’ linja politika uniformi u kumbattuta jwassal lill-elettorat lejn rabja u eżasperazzjoni. Għalhekk naħseb li dan l-intellettwali Franċiż qiegħed, minkejja l-odjożità tal-messaġġ, jimbotta lejn riforma. Riforma neċessarja għall-partiti soċjalisti fl-Ewropa u li hija ta’ benefiċċju għat-tessut demokratiku. Importanti li ssir u malajr, inkella kulħadd jispiċċa għal rasu b’effetti żbaljati.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd 2 t’ Awwissu 2009.

3.8.09

ATTAKKI KONTRA D-DEMOKRAZIJA



1. Ma hemmx dubju li l-aġir anti-demokratiku għandu mhux biss jiġi kundannat, imma kontrollat b’mezzi legali. Din il-ġimgħa kellna nassistu għall-attakk mill-iktar vili li sar fil-belt Spanjola ta’ Binjas. Ħidmet l-ETA għadha tippersegwita lil dan il-Gvern ta’ Josè Luis Rodriguez Zapatero bħal ma ilha tagħmel tul dawn l-aħħar snin. Ma hemmx gvern wieħed fid-demokrazija Spanjola li ma kellux jaffronta din is-sitwazzjoni daqshekk spjaċevoli. L-imwiet ta’ diversi kunsilliera u uffiċjali għolja fl-istituzzjonijiet għadha ferita li diffiċli sabiex tingħalaq.


2. Minkejja l-proponimenti nobbli li bihom beda l-ħidma Zapatero, mal-ETA baqa’ ma wasal imkien. Organizzazzjoni terroristika kienet, u hekk baqgħet. Taħseb li tista’ tieħu dak li trid (l-indipendenza tar-reġjun Bask minn Spanja) b’dawn il-metodi. Ikun għal kollox żbaljat li ġewwa demokrazija wieħed jasal b’dawn il-linji ta’ ħidma. Il-każ tal-mexxej straordinarju Nelson Mandela jindika proprju kemm dan huwa minnu. Irrinunzja għall-użu tal-vjolenza f’ċirkostanzi xejn faċli u rnexxielu jwassal lil pajjiżu lejn tmexxija differenti mingħajr problemi impossibbli, jew agħar, gwerra ċivili.

3. Il-piż fuq dan il-Gvern Soċjalista Spanjol huwa ikbar. Dan għax irnexxielu jispiċċa fil-poter proprju minħabba l-attentat ta’ Madrid li kien sar fl-2004. Għadni naħseb fuq dik il-laqgħa li kellna fil-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Intern fid-19 ta’ Marzu 2004 u li kont attendejt għaliha meta kont Segretarju Parlamentari. Hemmhekk rajt lill-Ministru Spanjol tal-Partit Popolari Jaime Mayor Oreja jrid jispjega lill-oħrajn kif u għaliex sar l-attentat li fih kienu nqatlu numru kbir ta’ persuni li kienu mill-iktar innoċenti. Il-pożizzjoni qatt ma kienet faċli għal ħadd minn dawk li mexxew il-ministeru li llum huwa mmexxi tant tajjeb minn Alfredo Perez Rubalcaba, bniedem li kelli diversi drabi l-opportunità li niltaqa’ miegħu u nkellmu.

4. Din id-darba l-attakk l-ewwel sar fuq kwartieri tal-gwardja ċivili, u t-tieni f’Malaga fuq żewġ uffiċjali jistennew li jidħlu għax-xogħol li huma magħrufa kemm huma dixxiplinati u effettivi. Dan għax l-attakki saru direttament fil-qalba ta’ l-Istat u kienu intenzjonati li jolqtu kemm jista’ jkun persuni ta’ familji li huma viċin l-amministrazzjoni ta’ l-ordni. Fortunatament, l-effett intenzjonat ma kienx dak li seħħ direttament. Biss dan bagħat il-messaġġ ċar u tond li t-terroriżmu għadu ħaj u għadu fil-possibilità li jolqot. Ma hemmx dubju li ebda demokrazija ma tista’ tħalli aġir simili għaddej, mingħajr ma tirreaġixxi b’saħħa u determinazzjoni.

5. Għalhekk l-emendi u n-numru kbir ta’ liġijiet fuq it-terroriżmu li saru seħħew sforz it-theddida li aġir anti-demokratiku bħal dan iwassal. Pajjiżna żamm lilu nnifsu għaddej huwa wkoll u reċentement erġajna daħħalna fis-seħħ numru ta’ artikoli fil-Kodiċi Kriminali biex inżidu fil-protezzjoni li l-Istat Malti fl-Unjoni Ewropea għandu bżonn. Biss id-demokraziji, fil-ħsieb ġustifikat tagħhom li jiggarantixxu ċerti libertajiet, mhux dejjem huma konxji minn numru ta’ theddid li jeżistu. Kollox jibda minn persuni li jabbużaw mis-sistema, sija bil-kliem kif ukoll bil-fatti.

6. Fl-Unjoni Ewropea, tul dawn l-aħħar snin, żidna sew mill-konoxxenza u l-għarfien ta’ din is-sitwazzjoni. Mhux biss fuq livell ta’ aġir anti-terrorista, però anki fuq dak li jassigura li diskors li jistiga mibgħeda razzjali u xenofobija. Għalkemm il-linja ta’ ħidma hija żgur tajba, però hemm bżonn li mmorru iktar fil-fond. L-estremiżmi, ġejjin minn fejn ġejjin, huma ħżiena u jagħmlu effett li huwa kollox barra demokratiku. Hawn hawn lok għal iktar ħidma. Dak li ġara fi Spanja mhuwiex biss ta’ dak il-pajjiż, però huwa wkoll ta’ l-Unjoni Ewropea kollha. Għalhekk, mill-esperjenza ta’ dak li seħħ u qiegħed iseħħ, għandna nifhmu li attakki lejn id-demokrazija bil-fomm u bl-aġir huma dejjem kontra ċ-ċiviltà tagħna u għalihom għandna dmir inwieġbu.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 2 t’Awwissu 2009.

ID-DWAL TAT-TRAFFIKU DEMOKRATIKU?



1. Waħda mill-problemi li, d-demokrazija moderna u żviluppata li għandna llum, għandha quddiemha hija marbuta mal-abbiltà tagħha li żżomm rabta fir-rappreżentanza bejn min jivvota u min jiġi vvutat. Il-fus tal-kwistjonijiet, li f’mumenti jsiru kumplikatissimi, ġej minn kemm iċ-ċittadini fis-soċjetà preżenti jirnexxilhom iżommu lilhom infushom parteċipi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. L-informazzjoni hija, m’hemmx dubju għodda vitali, però waħedha mhix biżżejjed. Mhix għax altru tinforma, altru tagħti dettalji tal-problema li pajjiż jaffronta u altru fuq in-naħa l-oħra l-abbiltà li tieħu sehem u li taghti l-ispazju għall-parteċipazzjoni attiva.

2. Id-demm ħaj fid-demokrazija huwa marbut ma’ kemm il-votant jibqa’ jirnexxilu mhux biss jeżerċita d-dritt tal-vot f’elezzjoni imma li jibqa’ attiv wara. Verament ma tistax tkisser is-sistema tad-demokrazija indiretta tagħna, imma anqas ma għandek twassal il-pendlu n-naħa l-oħra, dik fejn il-parteċipazzjoni diretta sseħħ limitatament. Ma hemmx bżonn komplikazzjonijiet żejda li numru ta’ drabi l-apparat amministrattiv joħroġ bih. Il-kuncett ta’ parteċipazzjoni demokratika ħafna drabi jrid jiġi tradott lura bi proposti mmirati lejn deċiżjonijiet maġġuri, mentri fir-realtà r-resident jippreferi jkun involut f’dawk li jolqtuh direttament u li jkunu minuri għall-pajjiż imma qawwija għalih.

3. L-emendi għall-Att dwar il-Kunsilli Lokali, li ġew preżentati fil-Parlament u diskussi huma diretti lejn din il-linja ta’ ħsieb. L-approvazzjoni tagħhom f’Settembru, meta jerġgħu jibdew is-seduti tal-Kamra tad-Deputati għandha tkun pass ieħor ‘il quddiem f’din id-direzzjoni. Il-mekkaniżmi li nbnew huma ndirizzati lejn iktar kontenut fis-sustanza demokratika tagħna. Iċ-ċittadin mhux biss ser ikollu xenarju aqwa ta’ kif jaħdem il-Gvern fuq bażi lokali, imma wkoll fir-rapport tiegħu fid-deċiżjonijiet li l-Kunsilli jieħdu. B’emenda tajba, kull persuna ser ikollha issa d-dritt li titlob lit-Tribunal Amministrattiv ta’ Reviżjoni li numru ta’ deċiżjonijiet jiġu mħassra jew mibdula. Dan għax il-Kunsilli jieħdu huma wkoll passi amministrattivi illi mhux dejjem jaffettwaw tajjeb lil dak u lill-iehor.

4. F’dawn il-jiem ġie f’idejja ktejjeb tajjeb ta’ l-awtur Sven Lindqvist bl-isem “Bench Press”. Il-ktieb idur mal-ġimnażja u kif l-apparati fihom żviluppaw. Biss huwa miżgħud b’riflessjonijiet interessanti fuq kważi kollox. F’mument minnhom jgħid: “Democracy promised influence, participation, even power.” però jikkonkludi li dan għalih ma seħħx. Ħaseb li jista’ jieħu sehem iżda sab li huwa attur passiv u għandu biss illużjoni ta’ parteċipazzjoni. Iressaq bħala eżempju x’jiġri meta tagħfas il-buttuna sabiex id-dwal tat-traffiku jieqfu biex iċ-ċittadin jipprova jaqsam. Jirbaħ fuq il-karozzi u juri li s-soċjetà tħares l-ewwel lejn il-bniedem.

5. Huwa jgħid: “Ostensibly, it gives us the power to stop the traffic. But in actual fact, the alternation between red and green lights is pre-programmed. The lights change wholly automatically, no matter how many pedestrians press the button. As soon as you realize this, you stop pressing.” Suġġett trattat b’daqshekk kreattività u li jwassal il-messaġġ, nammetti, li ftit iltqajt miegħu. Kemm, kif u meta persuna f’soċjetà tħossha li qed tieħu sehem ma jridx jiġi minimizzat. Anzi, l-effett primarju ta’ dan il-kliem qiegħed dirett proprju sabiex wieħed juri kemm passi “żgħar” fir-realtà jfissru ħafna iktar għall-bniedem f’soċjetà fejn flok ikollu l-impressjoni li qed jinbela’, jifhem li m’huwiex.

6. F’pajjiżna fortunatament is-sinjali tat-traffiku għadhom iwieġbu għall-buttuna mingħajr dewmien. Iċ-ċittadin jużahom u jaqsam bi preċedenza fuq it-traffiku. Hekk ukoll huma intenzjonati l-emendi li tressqu mill-Gvern fuq il-Kunsilli Lokali. Il-valur tad-demokrazija, ta’ dik parteċipattiva, baqa’ bihom jiżdied. Mhux biss fid-dritt ta’ l-għażla ta’ min jirrappreżenta fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell ta’ demokrazija amministrattiva, iżda wkoll fil-valur ta’ dawk li jittieħdu. Direzzjoni ċara li l-bniedem kien u baqa’ ċ-ċentru ta’ l-attenzjoni ghalina fil-Partit Nazzjonalista. Il-buttuna tal-bidla hemm baqgħet, kapaċi, għad-disposizzjoni tal-poplu li biha jibqa’ jaqleb minn fuq kulur għall-ieħor. Appena jinqaleb fuq l-aħmar jaqsam il-poplu.

Dan l-artiklu kien ippubblikat fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ Lulju 2009.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...