23.10.11

Kif naqbad nirringrazzja?

1.    Bħal sajjetta fil-bnazzi, tul dan is-sajf sibtni rrid nikkumbatti għal saħħti.  Kont għadni kif spiċċajt l-aħħar laqgħa tal-Kabinett tal-1 ta’ Awissu u ħarist li nipprova niddedika ftit siegħaT kuljum sabiex nirkupra u nerġa’ nġib lura lili nnifsi wara xhur ta’ impenn li l-kriżi Libjana ġiebet magħha.  Mis-17 ta’ Frar (jum twelidi) 'l hawn, kont impenjat Sibt u Ħadd, sija hawn kif ukoll barra minn xtutna.  Sibtni f’laqgħat xejn faċli, mdawwar minn persuni li ma kienux fehmu mill-ewwel l-effett u l-impatt tal-eventi fil-Libja.  Esperjenza unika li xi darba forsi għad nikteb dwarha.

2.    Ma kellhiex tkun.  Minflok nistrieħ kelli nissottometti ruħi għal operazzjoni – waħda xejn faċli, li però jidher li għaddiet b’wiċċ il-ġid hi wkoll.  Għaddejt ġimgħat l-Isptar Mater Dei, sija qabel kif ukoll wara.  Sibtni fost l-iktar persuni dedikati, jikkurawni u jassiguraw li jsir dak li kien hemm bżonn.  Fis-swali li kont fihom sirt naf ħafna bnedmin b’esperjenza li ħadu ħsiebi sew.  Kelli x’niffaċċja.  Sija bl-istat ta’ saħħti, kif ukoll bid-diversi kwistjonijiet oħra li qamu tul is-sajf.  Uħud serji mod, uħud mod ieħor li kkonfrontajt, però żgur mhux forsi kelli l-konfort ta’ diversi mediċi u infermiera li raw li ma jkun jonqosni xejn.  Wara ftit issib lilek innifsek f’familja waħda sħiħa.  Issir taf lil ta’ madwarek u huma jsiru jafuk aħjar.

3.    Ma nafx kif naqbad nirringrazzja lil dawn il-bnedmin ġentili fl-Isptar, li meta tkun ġewwa fih tirrealizza kemm huwa attrezzat tajjeb, sija fl-esperjenza tal-bnedmin kif ukoll fl-apparat mill-iktar modern u avvanzat.  Bħal ma anqas ma nista’ noqgħod lura milli nirringrazzja lid-diversi persuni li b’xi mod jew ieħor bagħtu jawgurawli fejqan.  Diversi ġew jarawni l-Isptar, speċjalment qabel l-operazzjoni billi wara ma kellix saħħa sabiex inkompli magħhom.  Stajt nara u nħoss b’idejja u b’qalbi x-xewqat sbieħ tagħhom.  Verament ma nafx kif naqbad nirringrazzjahom.  Bħal ma anqas ma nista’ noqgħod lura milli nirringrazzja lil diversi li, għalkemm ma ġewx, però talbu għalija.  Nemmen fit-talb u fis-saħħa li dan għandu, iktar u iktar illum meta naf kif stajt inkun u f’dak li jien.

4.    Verament ma nafx kif naqbad ngħid “grazzi” lil kwantità kbira ta’ persuni li sabu lill-familjari tiegħi, staqsew għalija u wrew li kienu inkwetati għal dak li kelli fiċ-ċirkostanzi.  Illum għadni naħdem mid-dar għax waqaft għal ġimgħa biss wara l-operazzjoni u għalkemm qed nagħmel ħilti, xorta waħda hemm it-trapass taż-żmien li bilfors irid jgħaddi minn fuqi.  Però, anke jekk għadda ż-żmien, għadni sallum nirċievi kartolini, telefonati u messaġġi mingħand diversi persuni ta’ rieda tajba.

5.    Għad fadlilna quddiemna x’naħdmu u x’nagħmlu.  Dan iqawwili dejjem iktar qalbi fil-volontà li nkomplu nibdlu dan il-pajjiż.  Fortunatament għalija, drajt ħajti nitla’ għat-telgħa fid-diversi sitwazzjonijiet diffiċli li sibt ruħi fihom.  Il-ġenituri tiegħi ħadu ħsieb li ngħix fil-ħajja u mhux il-bogħod minnha.  Għad għandi diversi riservi ta’ enerġija li bihom irrid nagħti l-kontribut sabiex il-pajjiż u l-poplu li jgħix fih ikompli jieħu benefiċċju.  Qatt ma kont xi konservattiv u rrid inkompli f’din il-linja ta’ tibdil li naf li minnu sar il-ġid.

6.    M’għandix indiema mill-ħidma li wettaqt f’dawn is-snin, iktar u iktar f’dawn l-aħħar xhur.  Issa, iktar u iktar li għandna l-aħbar li l-gwerra ċivili fil-Libja intemmet.  B’demokrazija fil-Libja ser jikber dan il-poplu u dan ser iservi, l-ewwel ta’ iktar paċi u stabilità, u t-tieni, tixrid ikbar tal-ġid komuni.  Prospetti għall-futur li jridu jiġu meħuda u sfruttati b’attenzjoni.  Grazzi mill-ġdid u nittama li mill-Ħadd li ġej nerġa’ naqbad din it-triq regolari ta’ kitba u riflessjoni.



CARMELO MIFSUD BONNICI

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...