13.11.09

Kif inbidlet id-dinja

1. Għada l-Ewropa ser terġa’ tieqaf biex tiftakar li l-futur tagħha nbidel mal-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin. Minn sitwazzjoni mill-iktar diffiċli bil-Punent iħares lejn il-possibilità ta’ gwerra nukleari, sibna f’daqqa waħda bidla nkredibbli. Waħda li, żgur mhux forsi, kienet miraklu proprju għax ħadd ma seta’ jemmen kif f’ħakka t’għajn kellhom jispiċċaw id-dittatorjati komunisti kollha wara xulxin. Ma stajniex nemmnu li dak li kien qiegħed iseħħ kien minnu. Minn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi ħielsa setgħu jinħakmu mill-madmad Sovjetiku sibna ruħna f’pożizzjoni fejn illiberajna ruħna.

2. Ftit snin ilu dak kien ix-xenarju u min jaf kemm qattajna żmien f’laqgħat niddiskutu dan is-suġġett. Il-futur ma tantx kien jidher sabiħ għal ħafna bħali li riedu jaraw fejn ser iħarsu. Kien hemm arja qawwija ta’ pessimiżmu li ridna nikkumbattu sabiex inħarsu ‘l quddiem. F’Ewropa maqsuma, mimlija armamenti nukleari, b’diversi forzi militari mxerrda ma’ kullimkien ippreparati għal għonq xulxin ma tantx kien hemm prospetti mill-aqwa. Biss, f’dan kollu kellna ħolma waħda: dik li naraw id-dinja mibdula, ibda minn dak li kien qed jiġri f’pajjiżna.

3. Fl-aħħar ta’ l-1986 u l-bidu ta’ l-1987 konna għaddejjin minn mumenti ta’ tensjoni kbira. Ħadd ma jista’ jifhem dan jekk ma jkunx għadda minnu hu. Il-Partit Laburista kien qiegħed fl-aħħar xhur tat-tielet leġislatura tiegħu u li kien deċiż li jestendi sa l-aħħar jum possibbli. L-aġir kien mill-iktar żbaljat u anti-demokratiku, bi klikek ta’ nies iduru naħa u oħra, deċiżi li jipproteġu l-interessi personali tagħhom. B’ministri li kienu waslu sabiex jieħdu lura dak li s-sistema fewdali kienet tagħti lin-nobbiltà. Interessi kien hemm u sfortunatament ma kienux politiċi imma estensjoni ta’ dak li din setgħet tagħtihom.

4. Fortunatament ma qtajniex qalbna u minkejja d-dlam li konna qed naraw u ngħixu miegħu, xorta ħdimna għall-bidla. Din seħħet u llum il-ġurnata x-xenarju nbidel ta’ taħt fuq. M’hemmx dubju li llum imxejna sew u dak li kien jeżisti qabel illum m’għadux. Il-pajjiż ra dan kollu jseħħ quddiemu, l-ewwel, internament bit-tibdil fil-Gvern u dan fisser li d-demokrazija reġgħet ġiet restawrata u anzi bdiet titħaddem aħjar milli qatt kienet; u t-tieni, li bit-tneħħija tad-diversi dittaturi ta’ l-Unjoni Sovjetika s-sitwazzjoni Ewropea nbidlet.

5. Verament, il-bidla ta’ l-Istati minn ħidma dittatorjali għal waħda demokratika ma kenitx faċli, speċjalment fil-politika ekonomika. Dan għax it-tneħħija tar-restrizzjoni tal-libertà ma ġabitx awtomatikament ġid materjali. Dawn kellhom jibnu kollox mill-ġdid u hekk għamlu, però r-riżultati ma waslux mill-ewwel. Uħud ħadu r-ruħ wara ċertu żmien, oħrajn għadhom sallum ibatu. Għadhom ma rawx dik il-qabża fil-livell u kwalità tal-ħajja li qabel kienu qed jippretendu.

6. L-għaqda ta’ ħafna minnhom fl-Unjoni Ewropea serviethom, speċjalment dawk li daħlu fis-sistema ta’ l-Ewro u fis-Schengen, però għad hemm ħafna xogħol x’jista’ jsir. Hemm bidla fil-mentalità li ma tistax issir f’daqqa, imma biċċa biċċa. Il-kisba tal-libertà tagħhom kienet iebsa u hekk għadha. Ma hemmx dubju li l-kriżi finanzjarja ma ppermettitilhomx li jistgħu jfendu għal rashom, qisu ma ġara xejn. Ħafna sabu ruħhom iridu jnaqqsu s-salarji ta’ l-impjegati ta’ l-Istat u kellhom jieħdu diversi miżuri iebsa li ma kienux faċli li wieħed iniżżel.

7. Biss, xorta waħda l-kisba tal-libertà u indipendenza tagħhom hija pass kbir ‘il quddiem u minkejja kollox ħadd minnhom ma tgħaddilhom minn rashom li jmorru lura. Ir-restrizzjoni tad-demokrazija, in-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ħadd ma jridhom lura. Il-kommemorazzjoni tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin għalhekk tfakkarna f’dak li konna u b’hekk nibqgħu napprezzaw dejjem iktar dak li rnexxielna nkunu llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tat-8 ta' Novembru 2009.

Pajjiż f’fażi ta’ progress

1. Dan l-aħħar ġie f’idejja “The FEMA Research Bulettin” maħruġ mill-Università tagħna, stampat mill-Fakultà ta’ l-Ekonomija, Management u Accountancy , li fih kien hemm artikolu li janalizza x’sehem għandhom pajjiżi bħalna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan l-argument huwa kollu marbut ma’ kemm aħna kapaċi ninfluwenzaw l-opinjonijiet u l-aġenda f’dawk l-istituzzjonijiet ser ikun suġġett ta’ studju separat. Hemm żgur lok għal din l-attenzjoni minn dawk li qegħdin fl-akkademija, però kif u b’kemm ser jirnexxilhom jidentifikaw din l-abbiltà hija ħaġa oħra. Dan għax għalkemm huwa minnu li pajjiż ġdid li jsib ruħu ma’ oħrajn irid l-ewwel jifhem x’qed jiġri, kif jaħdem il-mekkaniżmu intern u wara jista’ jiċċaqlaq, xorta jibqa’ dejjem punti li ma jistgħux jiġu identifikati esternament.

2. Hemm proċess ta’ għarfien ta’ tagħlim fuq kif jaħdmu numru ta’ organizzazzjonijiet. Uħud huma kajmani, jdumu sabiex jiċċaqilqu u oħrajn huma dinamiċi, trid tiġri tlaħħaq ma’ l-abbiltà tagħhom li jiffissaw l-aġenda tagħhom. Uħud għandhom din il-veloċità minnhom infushom, oħrajn il-qafas ta’ l-istruttura organizzattiva u legali tagħhom jiddependu fuq min imexxihom aktar milli fuqhom stess. Għalhekk huwa parir ta’ dejjem li kull min iħares lejn organizzazzjoni jrid jara jekk iridx li tiċċaqlaq ‘il quddiem jew le billi jagħżel persuni li jidħlu fiha bil-qalb u mhux sabiex sempliċement jagħmlu karriera. Anzi l-aħjar li tagħżel min-naħa struttura legali li tmexxi independentement minn min ikun hemm fiha.

3. Ġewwa l-Unjoni Ewropea, bil-poteri li għandha għandek sitwazzjoni li f’ebda għaqda oħra fid-dinja ma hemm bħalha. Dan għax hija struttura organizzattiva u verament dinamika, kif ukoll hemm dejjem iktar persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet determinanti li huma mimlija ħeġġa u inizjattivi. Tiskanta, imma dak li jista’ jidher kumplikat b’regoli li mhux dejjem faċli sabiex wieħed jifhem issibu jitħaddem b’mod effikaċi u, sa ċertu grad, effiċjenti wkoll. Pajjiżna sab ruħu f’dan il-kurrent qawwi, jaħdem u jifhem kif irid jindirizza l-problemi.

4. Dan ma kien faċli xejn fil-bidu, però llum irridu nirreġistraw li rnexxielna naslu fuq diversi punti sabiex nagħtu l-kontribut tagħna l-ewwel fis-sustanza u fid-deċiżjonijiet u, t-tieni ta’ kif nistgħu ninfluwenzaw lill-oħrajn. Il-fatti huma li din il-gżira rnexxielha ġġib fuq l-aġenda Ewropea punti li ħadd ma kien ġieb qabel. Mhux biss, imma ħaddimna ferm iktar minn ħaddieħor il-possibilità li nwasslu messaġġi u tibdil fl-impostazzjoni li kellhom Stati oħra. Ovvjament, il-ħidma sabiex iġġib din il-bidla mhix faċli li tirreġistraha b’dokumentazzjoni jew provi, imma din saret u għadha qed issir.

5. Il-vantaġġ li tkun mal-mejda tad-diskussjoni, li tista’ titkellem u titħaddet ma’ min imexxi pajjiżi oħra ma jistax jiġi kkalkulat b’xi forma pre-stabbilita. Tant hemm possibilità li tersaq bil-kelma t-tajba, bl-użu tar-raġuni, u b’dawn li tibdel il-fehma ta’ l-oħrajn, li ħafna drabi aħna stess f’pajjiżna ma nindunawx kemm din hija qawwija. Tgħallimt li ma tridx toqgħod lura, imma trid taffronta anki lil dawk li jistgħu jidhru bħala l-aktar “ostili”. Dak li tkun qed timmira għalih mhux dejjem jiġik żewġ, imma l-effett huwa kumulattiv. Daqqa timxi ‘l quddiem fuq ħaġa u daqqa tibqa’ wieqaf, biss ma tridx tieqaf. L-użu ta’ l-Unjoni Ewropea hija għodda li ħadd ma jagħraf biżżejjed il-kapaċità tagħha jekk mhux b’iktar impenn, snin u esperjenza.

6. Ovvjament, pajjiżna ser jidħol fi proċess ieħor. Għax issa li bdejna nidraw dak li għandna preżentement ser nidħlu fit-Trattat ta’ Lisbona. Kien ċar li llum jew għada dan kien ġej fis-seħħ u l-oppożizzjonijiet li kien hemm ser jispiċċaw, kif fil-fatt rajna tul dawn il-jiem. Din hija sfida politika ġdida li ser nidħlu għaliha. Ma hemmx dubju li ser jirnexxilna nimxu ‘l quddiem. Fortunatament aħna m’aħniex nieqsa mill-intelliġenza. Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaseb ħaddieħor, il-pajjiż ħa diversi opportunitajiet, avvanza ‘l quddiem u żamm lura numru ta’ impatti negattivi milli jseħħu fuqna. L-effett tagħna fl-Unjoni jrid jiġi mistħarreġ fid-dettall, ma hemmx dubju, biss kien ikun żball kbir wisq kieku ma dħalniex.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tat-8 ta' Novembru 2009.

5.11.09

Id-dinja finanzjarja

1. Tibqa’ skantat kif numru ta’ membri parlamentari fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra qishom ma jkunux dejjem parti mir-realtà li għaddejjin minnha diversi pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja. Issa saret moda li niċħdu li s-sitwazzjoni finanzjarja internazzjonali tant hija diffiċli u li din qegħda jkollha konsegwenzi gravi ħafna. Effetti li qed iżommu lura l-iżvilupp u l-proċess normali ta’ diversi setturi fid-dinja ekonomika li qed ikollhom sehem determinanti fuq il-ħajjiet tal-bnedmin.

2. Biss f’pajjiżna għad għandna persuni li jaħsbu li aħna għandna l-poter ekonomiku li nistgħu ngħixu waħedna. Iva, hawn min jilludi ruħu li jimmaġina li dak li jiġri f’pajjiżi oħra ma jseħħx ġewwa tagħna. Dan huwa għal kollox żbaljat mhux biss li taħsbu, imma b’mod partikolari li tgħidu pubblikament. Irridu naċċettaw li l-kriżi finanzjarja li laqtet l-Istati Uniti l-ewwel u wara oħrajn ġiet u l-konsegwenzi tagħha mhux faċli tneħħihom, ngħidu x’ngħidu politikament.

3. Il-kriżi kellha effett interessanti fuq il-prezzijiet ta’ prodotti li għandna bżonn. Iż-żejt prinċipalment li rajnieh, u anzi għadna qed narawh, jibdel il-ħin kollu l-prezz tiegħu. Anki jekk għal xi xhur deher li niżel ‘l isfel ma’ dak li kien qabel, xorta waħda żamm prezz għoli. Issa aktar minn qabel dan reġa’ tielgħa ‘l fuq. Pożizzjoni li, ngħidu x’ngħidu, irridu naffrontaw sabiex inżommu l-ekonomija għaddejja quddiem il-fatt li s-servizzi li huma marbuta mal-konsum taż-żejt hemm ser jibqgħu.

4. Għalhekk, min qiegħed jipprova jgħid li aħna nistgħu ninjoraw dak li għaddej fid-dinja huwa għal kollox żbaljat. Jekk hemm min irid jidħak bil-poplu, jista’ jagħtih x’jifhem li din ir-realtà ma teżistix. Inħoss li proprju fuq dan għandha tinbena jew tintilef il-kredibilità politika ta’ partit minn ieħor. Huwa ċar li llum il-poplu qiegħed jifhem iktar li dak li aħna għandna quddiemna mhuwiex traskurabbli u ser jibqa’ jkollu l-konsegwenzi, li l-Gvern m’għandux tort għalih.

5. Min qiegħed jiddikjara li dan l-istat tal-affarijiet huwa tort ta’ xi politiku partikolari fuq in-naħa tal-Gvern, huwa għal kollox żbaljat fil-fatti. Dan l-elettorat tagħna qiegħed jifhmu u japprezzah. Proprju għax isegwi dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea u jaf li ħafna pajjiżi oħra għandhom mhux sempliċi kriżi, imma diżastri finanzjarji kbar. Ħafna għandhom rati għolja ta’ persuni jfittxu għax-xogħol, bi kwantità kbira ta’ fabbriki li għalqu, u anke b’salarji li kellhom jitnaqqsu.

6. Il-politika tal-Gvern għalhekk hija waħda tajba. Dik li jirnexxilha taffronta l-problemi finanzjarji bil-miżuri li permezz tagħhom innaqqsu l-effetti negattivi u fl-istess ħin nassiguraw li x-xogħol jiġi protett. Tul l-aħħar sena l-Ministeru tal-Finanzi rnexxielu jwettaq politika xejn faċli. Waħda li permezz tagħha jirnexxilna ngħelbu d-diffikultajiet li għandna sabiex għada ngawdu mill-prudenza u l-attenzjoni ta’ dak li wettaqna. Il-poplu dan japprezzah għax mhuwiex wieħed nieqes mill-intelliġenza. Wieħed li jaf jagħżel min qed jidħak bih u min jgħidlu s-sewwa.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-1 ta' Novembru 2009.

Tibdiliet fil-Gvern Ġermaniż

1. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali li fiha rajna l-Kanċilliera Angela Merkel tiġi konfermata għal-leġislatura oħra fil-Ġermanja, issa tul din il-ġimgħa qed naraw il-formazzjoni tal-Kabinett il-ġdid. Ovvjament, il-koalizzjoni l-ġdida, dik bejn is-CDU u l-FDP ser tfisser li l-Ministri tal-partit soċjal-demokratiku ser jispiċċaw nhar it-Tlieta li ġej. Uħud minnhom kienu ilhom tnax-il sena ministri. Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern ġewwa l-Lussemburgu kelli l-opportunità li nifhem iktar minn dan fil-viċin.

2. Fil-fatt, mingħajr ma trid f’dawn il-laqgħat tispiċċa ssir taf numru ta’ ministri fuq livell differenti minn dak tas-soltu, jiġifieri sempliċi ittri u rappreżentanzi normali. Hemm, fil-laqgħat ikollok ftit tal-ħin, jew sejrin nieklu jew nippreparaw għall-mumenti ta’ nkontri, li fihom tgħid kelma. Ħafna drabi tibni dawn ir-rapporti ta’ ħbiberija għax tispiċċa tiddiskuti punti li taqbel magħhom. Ma hemmx dubju li anke hawn, l-affiljament politiku jgħin, però ma jżommx milli tibni dan l-għarfien anki ma’ dawk li tista’ taħseb li mhux ser tara għajn ma’ għajn magħhom.

3. Fil-Lussemburgu ltqajt ma’ Bridget Zypres, li kienet tokkupa għal dawn l-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Ministru tal-Ġustizzja. F’diversi laqgħat konna nispiċċaw nagħtu l-opinjonijiet tagħna. Daqqa naqblu, u daqqa le. Hija bniedma intelliġenti u waqt li ssoltu nitkellmu fuq dak li jkun qed jokkupa l-aġenda f’dik id-data tal-laqgħa, stajt nara iktar l-aspett uman tagħha. Waħda mill-osservazzjonijiet li għamlitli kienet li, issa li kienet ser tispiċċa, għall-ewwel darba kienet qed tnaqqas mix-xogħol. Qaltli li tħossha li tista’ tibda tgawdi ftit mill-ħajja, issa li ma għadhiex ministru wara tnax-il sena kontinwi ta’ ħidma.

4. Biss, anke mar-rebbieħa tlift ħabib. Wolfgang Schäuble, li kien Ministru ta’ l-Intern issa ser jiċċaqlaq bħala dak tal-Finanzi. Kien jimpressjonani fin-numru ta’ drabi li kien jintervjeni jitkellem fuq punt u ieħor. Dejjem determinat, ċar u preċiż f’diskorsu. Jaf jikkonvinċi u jżomm il-pożizzjonijiet tiegħu bl-aktar mod sostnut. U dan huwa iktar u iktar interessanti meta wieħed jikkonsidra li spiċċa ma jistax jimxi għax miġnun snin ilu sparalu tlett tiri. Kien jiġi għal-laqgħat u rari ħafna kien ikun assenti minnhom minkejja l-pożizzjoni fiżika tiegħu.

5. Sibtu diversi drabi f’mumenti partikolari u tani appoġġ f’dak li kont qiegħed nipproponi fl-immigrazzjoni. Imma l-għan prinċipali tiegħu kien marbut ma’ iktar sigurtà fl-Unjoni. F’waħda minn dawn il-laqgħat kien iddikjara: “We are especially committed to the European Idea. This also includes our participation in the creation of a European Security Network, for the citizens of Europe can only seize the chances stemming from more freedom, openness and mobility if their security is not afflicted. Freedom and security therefore are not contrasts, but two sides to a coin”.

6. Kemm dam jokkupa din il-kariga kellu din bħala prijorità. Ikabbar il-vantaġġi li sistema bħal dik tas-Schengen sabiex tkompli tissoda aktar ruħha. Għalhekk il-fruntieri Ewropej kienu għalih importanti li jinżammu tajjeb u proprju għal din ir-raġuni li sibtu kull darba li ġejna biex norganizzaw l-operazzjoni FRONTEX bil-preżenza tal-pulizija Tedeska magħna. Mhux ser ikun faċli li jkollok persuna li jkollha l-istess kwalitajiet bħalu u min dieħel warajh għandu problemi kbar quddiemu. Żgur mhux forsi, d-dell ta’ Wolfgang hemm ser jibqa’ għal numru ta’ snin.

7. Kont qed nittama li jkolli l-opportunità li nerġa’ niltaqa’ miegħu qabel jidħol għall-kariga l-ġdida iżda dan ma kienx possibbli. Daħal irrankat f’dak tal-Finanzi b’ruħu u ġismu, kif jidher ċar mir-rapporti f’diversi gazzetti finanzjarji. Tipikament tiegħu ddikjara mill-ewwel (għadu anqas ħa l-ġurament) li s-sitwazzjoni finanzjarja Ġermaniża hija dik li fl-erba’ snin li ġejjin m’huwiex possibbli li l-budget ikun bilanċjat. Mhux kulħadd ikun ferħan b’dan, però taf li ma hemmx ċajt mal-verità miegħu. Anzi dejjem emmen li mingħajr il-verità ma tagħmel xejn fil-ħidma kontra d-delinkwenza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

8. Dawn it-tibdiliet fil-Kabinett Ġermaniż ser jaffettwaw mhux biss l-eventi f’dak il-pajjiż imma wkoll dak Ewropew. M’għandix dubju li l-preżenza ta’ Wolfgang Schäuble ser tkun determinanti fil-politika finanzjarja Ewropea. Iktar u iktar meta diversi Stati għadhom ma rkuprawx mill-kriżi finanzjarja. L-eventi futuri jagħtuna parir, però żgur li tlifnih fl-Intern.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-1 ta' Novembru 2009.

Il-politika tinbidel il-ħin kollu

1. Tul kull leġislatura tista’ ssegwi dak li jkunu għaddejjin minnu l-persuni li jsibu lilhom infushom magħżula mill-poplu biex jiddeċiedu għalihom fil-Parlament. Il-kampanji elettorali, id-diskorsi, l-kitba, il-parteċipazzjoni sħiħa ssawwar u tbaskat lil dawn l-bnedmin li jidħlu għal dan is-sagrifiċċju kbir. Hemm min jiċċaqlaq f’direzzjoni u hemm min f’oħra mhux kulħadd jirreaġixxi l-istess. Nosserva li llum għandna membri parlamentari li jridu jieħdu sehem attiv fi grad ferm ikbar minn dawk ta’ qabilhom. Dan żgur li fih innifsu huwa tajjeb, pożittiv, determinati li jipparteċipaw, però quddiem għajnejn il-poplu (li rridu nammettu li mhux soltu jara dan) hemm min jista’ jallarma jew jiskandalizza ruħu.

2. Għamilt staġun membru parlamentari, ieħor Segretarju Parlamentari u nista’ nifhem xi jħoss min irid jagħti sehemu fid-dibattitu u l-formazzjoni ta’ l-għaġna politika u ma jarax jew jagħraf biżżejjed kif. Kont u għadni nieħu gost nikteb f’artikli bħal dawn u kont nsibni tajjeb apparti diversi aġġornamenti li, kif jiġri ma’ kull membru, daqqa kienu jiġu rappurtati u daqqa le. Ħassejt u għadni nħoss li bihom nista’ nagħti l-opinjoni tiegħi. Biss ma nistax nippretendi li kull persuna fil-politika jrid jillimita lilu nnifsu f’dik il-Kamra meta hemm tant setturi ġodda li żviluppaw f’dawn l-aħħar xhur fejn jista’ jieħu sehem.

3. Anzi, ngħid li llum hemm neċessità dejjem akbar li d-deputati kollha jkollhom aċċess dirett għall-elettorat. Il-ħsieb li lill-politiċi l-poplu ma jridhomx, jew li ma jridx jismagħhom jew li ser idejquh ma naqbilx miegħu. Hija opinjoni kummerċjali żbaljata dik li ssostni li mezzi tax-xandir, biex ikollhom is-segwaċi, jridu jaqtgħu barra dibattiti politiċi interessanti jew mhux. L-effett ta’ din il-mentalità hija dik li qed tagħti lill-poplu biċċiet ta’ informazzjoni bla kap u bla kuda mingħajr stampa ċara.

4. Il-pajjiż jinteressah jagħraf liema deċiżjonijiet ittieħdu u kif dawn wasalna għalihom. Mhux biss, imma aktar u aktar hemm dejjem bżonn ta’ proċess ta’ diskussjoni u djalogu, jsir fuq liema livell isir. Kif jista’ l-Gvern jagħraf x’għandu jagħti prijorità f’ħidmietu? Bis-sempliċi opinjonijiet jew ittri li jidhru fil-gazzetti, jew li xi membru jirċievi? Naħseb li dan il-kunċett ikun għal kollox żbaljat. Flok nagħrfu nħarsu lejn kollox, anki lejn dawk li ma jiktbux jew ma jitkellmux fil-pubbliku, nispiċċaw nindirizzaw problemi ta’ settur li jafu joħolqu ieħor lil settur ieħor.

5. Il-personalitajiet politiċi tallum huma ferm iktar ħajjin, mimlija enerġija u elettriku, minn qabel. Iridu jipparteċipaw, jagħtu sehem u għalhekk għandhom jingħataw dan l-ispazju sabiex isemmgħu leħinhom. Dan jagħmel ġid lis-sistema u anke lilhom infushom. Jekk dan ma jsirx, jekk ma nressqux iktar dibattiti nterni u bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra nkunu qed nitilfu opportunità tad-deheb. Hemm bżonn ta’ iktar skambju ta’ ideat milli kellna qabel u fir-realta naħseb li dan huwa strument salutari għalina lkoll. Mill-verità ħadd ma’għandu jibża’ u iktar ma jkun hemm mekkaniżmi li jressquha ‘l quddiem, tant aħjar.

6. Jekk f’dan il-proċess, persuna tesprimi opinjonijiet varjati, dawn jippermettu aktar għarfien ta’ x’linja għandha tittieħed. Dejjem, ovvjament, mingħajr ma nitilfu mill-prinċipji li jsawruna u li jiġġustifikaw l-għaqda tagħna ġewwa partit politiku. Il-politika tinbidel il-ħin kollu, kemm il-poplu huwa lest għaliha, dik ħaġa oħra. Però lkoll għandna naċċettaw li x-xenarju huwa differenti. Fortunatament il-partit huwa mimli bi bnedmin enerġetiċi u bi proposti u idejat godda. Dawk li jippruvaw ipinġuna bħala konservattivi qed jindunaw kemm huma żbaljati għax aħna progressivi. Il-partit kien u għadu kapaċi jaffronta kull sfida u proprju għax għandu dan li jiggarantixxi l-istabilità u l-paċi fil-pajjiż - ħaġa li ħaddiehor falla kompletament fiha.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tat-25 t’Ottubru 2009.

Il-ktieb ser jibqa’ jew ser isir elettroniku?

1. Waħda mix-xewqat li għandi, u li ilha minn meta kelli ħmistax-il sena, hija dik li xi jum inżur il-Fiera tal-Ktieb ġewwa Frankfurt fil-Ġermanja. Ma kellix, sa issa, din l-opportunità u ma nafx kemm ser jirnexxili. Però għadni nittama. Dan għax f’dawk il-jiem ikun hemm l-aqwa ta’ dak li għaddej fid-dinja tal-ktieb. Għal min isegwi jaf li proprju f’dik il-fiera jinġabru ħafna nies u ssib ideat ġodda, jew kompletament inkella passi oħra fuq dak li kien hemm qabel. Okkażjoni unika li għal dawk bħali li jħobbu l-ktieb m’hawnx isbaħ minnha.

2. Din is-sena din il-fiera kellha l-preżenza ta’ numru ta’ ġganti fis-settur elettroniku bħall-Google, Sony u Amazon li qed jipprospettaw il-ktieb elettroniku. Il-kunċett huwa li ma hemmx bżonn li ġġorr xi ktieb tqil miegħek, jew ġabra ta’ kotba, imma f’apparat wieħed tista’ taqra kwantità. Vantaġġ għal min iħobb jaqra u fl-istess ħin possibilità aqwa sabiex idaħħal f’dan għerf li mhuwiex ser joħloqlu problema ta’ spazju fid-djar. Dan li jissejjaħ “e-book” għandu l-konvenjenza tiegħu, ma hemmx dubju, però ser jibdel ix-xenarju letterarju u ekonomiku, u mhux kulħadd qed jilqgħu b’idejh miftuħa.

3. Għalkemm il-bejgħ ta’ dan l-apparat (“Kindle” Amazon u “Reader” Sony) mhuwiex kbir fis-settur enormi tad-dinja tal-ktieb, xorta waħda għandek l-effett li iktar persuni qed jixtru l-verżjoni elettronika tal-ktieb. Dan b’mod partikolari fid-dinja anglo-sassona imma mhux f’oħrajn fl-Ewropa. Biss il-fiera ta’ Frankfurt serviet żgur sabiex tiftaħ u tagħti aktar attenzjoni għal dan il-mezz ta’ tixrid ta’ ktieb b’saħħa kummerċjali li qatt qabel ma kellna. Hemm vantaġġi interessanti. Għada pitgħada min jikteb il-ktieb ser ikollu l-possibilità li jnaqqas id-dipendenza ta’ l-immaġinazzjoni fuq il-kliem. Il-kittieb jista’ jibni l-mużika li takkumpanja u juri b’mod ċar il-karattri, il-pajsaġġ, l-immaġini kollha li ssoltu kull qarrej jibdel skond kemm kapaċi jifhem.

4. Dawk il-kotba bħal ta’ Charles Dickens jew Joseph Conrad, li kienu inevitabbilment jibdew b’diskussjoni dettaljata tal-fattizzi, statura, karnaġġjon tal-persunaġġi jew tal-ambjent sħiħ ser jonqsulhom il-kliem. Ix-xenarju sejjer jinbidel biċċa biċċa, iktar u iktar meta tqis li kumpanniji bħall-Google ħadu ħsieb jikkonservaw b’mod elettroniku kwantità kbira ta’ kotba minn diversi libreriji u bibljoteki mad-dinja. Il-biża’ f’dan kollu ġej mhux tant fl-informazzjoni imma fl-abbiltà li wieħed jipproteġi d-drittijiet tal-awturi. Quddiem dan, ġewwa Frankfurt kellna lil Angela Merkel, il-Kanċilliera konfermata tal-Ġermanja, topponi u tinsisti għal iktar attenzjoni u protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront ta’ din l-innovazzjoni.

5. Din il-pożizzjoni ġiebet ir-reazzjoni nkwetata ta’ Google permezz tad-direttur tagħhom David Drummond. F’intervista li rnexxieli nsegwi, jidher mill-iktar ċar li dak li jidher li huwa “theddida” fir-realtà jista’ jittrasforma ruħu f’opportunità għal tixrid aqwa u ikbar tal-ktieb. Drummond, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor fl-analiżi tiegħu, jitlaq mill-punt tat-tluq li xejn ma jista’ jsir mingħajr il-ktieb stampat. Anzi, li mingħajr il-ktieb, il-proġett kollu tal-Google jispiċċa fix-xejn u għalhekk għandhom interess huma stess li jaslu fi ftehim mal-kittieba u kull min għandu f’idejh id-drittijiet tal-awtur sabiex jipproteġuhom. Mhux biss, imma bil-parteċipazzjoni ta’ Amazon hemm dik li jinbiegħu iktar kotba bi prezzijiet iktar raġjonevoli.

6. F’dan però nqabdet taqbida interessanti li l-ħin kollu trid tikkumplika ruħha. Minn naħa l-waħda kawżi, bħal dik li hemm fit-Tribunal ta’ New York kontra Google li jidher li waslu għal ftehim li l-ġudikatura trid tara tiddikjarahx validu fid-9 ta’ Novembru u dik li hemm fi Franza fejn il-grupp “La Martinière” fetaħ huwa wkoll kawża kontra tagħhom bis-sentenza għat-18 ta’ Diċembru. Proċessi li jistgħu jagħlqu u jirrestrinġu l-ftuħ. Fuq in-naħa l-oħra, l-aċċess għall-informazzjoni u l-proċess ta’ demokratizzazzjoni ta’ kotba li qabel ma kienux jistgħu jinsabu jew li l-kontenut tagħhom ma kienx magħruf. Għax hawn għandek magna ta’ għaxar miljun ktieb, li ċert li ser jiżdiedu bil-possibilità ta’ iktar meta bibljoteki nazzjonali bħal dik ta’ Franza, dejjem jekk tasal fi ftehim, taf tagħti lill-Google Books.

7. Ma nemminx li ser naslu f’xi mument meta l-ktieb ser jitlef mill-importanza tiegħu. Jibqa’ jiġi stampat u għax jiġi hekk li wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem f’din il-linja ta’ “e-books”. Ovvjament, id-drittijiet tal-awtur iridu jiġu protetti. Huma jiggarantixxu l-bilanċ intern neċessarju sabiex jiċċaqlaq ‘il quddiem dan kollu u jippremja l-intelliġenza u l-ġenju ta’ min jikteb. Biss, il-vantaġġi kbar li t-teknoloġija tippermetti m’għandhomx jiġu miżmuma lura. Il-kotba huma minjiera ta’ informazzjoni, biss jekk il-poplu jkollu aċċess veloċi u li fih aktar minn persuna waħda fl-istess ħin taraha, dan iservi żgur għall-progress. Għax għalkemm il-bibljoteki huma l-protetturi ta’ dan it-teżor, li huwa patrimonju għad-dinja, fir-realtà jsiru jafu huma biss x’ikun fihom. Dan m’għandux ikun fid-dinja ta’ llum u għandna nassiguraw dejjem iktar qari u aċċessibilità. Għalhekk ktieb li jittrasforma ruħu f’mezzi elettroniċi huwa garanzija ta’ edukazzjoni, formazzjoni u demokrazija u, l-iktar importanti jrid jitħaddem b’mod li jissoda d-drittijiet tal-awtur u mhux inaqqashomlu.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-25 t’Ottubru 2009.

21.10.09

IS-SEWWA JIRBAĦ

1. Din il-ġimgħa pajjiżna fakkar anniversarju mill-iktar ikraħ li rajnieh proprju tletin sena ilu, fil-15 ta’ Ottubru 1979. Niftakru sewwa dak il-jum ta’ ħerba. Ma kien pjaċevoli xejn u għamel wisq ħsara lill-poplu tagħna. Li tkisser id-dar tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u l-istamperija tat-“Times of Malta” f’daqqa, b’saħna mill-iktar vjolenti, ser jibqgħu siġilli suwed fuq il-karta ta’ partit politiku li tletin sena wara għadu ma fehemx. Niftakar numru ta’ esponenti minn dak il-Partit Laburista li għadhom mas-saqajn, x’qalu u kif iġġustifikaw kollox bħala frott ta’ “provokazzjoni”. Kien il-jum meta l-pajjiż ġie uffiċjalment rikonoxxut li kien immexxi mill-marmalja. Kien l-istess bħal ma kien il-qtil ta’ Giacomo Matteotti għar-reġim faxxista fl-Italja.

2. Qrajt l-artikolu ta’ Beppe Fenech Adami f’ “In-Nazzjon” u bqajt nirrifletti fuq kemm dik il-familja kienet kapaċi taffronta, tissupera u taħfer. Ħadd ma għadda minn dak li għaddew huma. Kellu raġun meta qal li: “Ikun żball li min għex dawk l-esperjenzi jinsihom u min ma għixhomx ma jirrikonoxxihomx.”

3. Id-daqqiet tat-tkissir, il-ħruq li wettqet dik il-ġabra ta’ bnedmin li saru bhejjem, ser jibqgħu hemm. Rikordju ta’ kif meta tikber l-anti-demokrazija, l-estremiżmu tal-lemin, allura pajjiż jitlef l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tiegħu. Għalkemm ħafna fl-1987 beżgħu li n-Nazzjonalisti fil-Gvern kienu ser ipattuha lura, dan ma sarx. Dan il-partit qiegħed pedament differenti sabiex jassigura li qatt iktar ma jseħħu inċidenti simili.

4. Dawk l-inċidenti servew biex sawwru determinazzjoni ġewwa fina li konna kontra li l-aġir demokratiku jirbaħ dejjem. Perseveranza li daħlet f’moħħ il-politiċi ta’ dawk iż-żminijiet u dawk li kienu u għadhom attivi. Meta fl-1981 il-Partit Laburista tilef l-appoġġ poplari però baqa’ fil-Gvern, il-pajjiż ra iktar jiem ta’ dlam quddiemu. Kien dan il-partit li kien jiddikjara, u hekk baqa’, li s-sewwa jirbaħ żgur. Dak il-messaġġ tagħna, dik it-tama neċessarja li ħarġitna mid-dlam tal-vjolenza.

5. Stajna niddikjaraw dan għax konna fuq in-naħa tas-sewwa. Ma konniex qed naġixxu illegalment, anzi batejna minn min għad għandu l-arja llum, huwa u jittama li jerġa’ lura fil-poter minn fuq dahar ħaddieħor. L-elementi vjolenti f’qalb il-bniedem, jekk ma jinqerdux, hemm jibqgħu. Tista’ tinjorahom, biss jekk ma taħdimx biex tibdilhom, l-istess jibqgħu.

6. Dan il-partit li sofra fehem sew. Ħadem mhux biex ikisser il-gazzetti, iżda biex jissudahom, jgħidu x’jgħidu kontra tiegħu. Il-partit li jrid jidher illum progressiv u fuq in-naħa tas-sewwa jrid jifhem dan. Il-bidla mhux bil-kliem isseħħ, imma fis-sustanza ta’ dak li jingħad. It-“Times” batiet ħafna. Ilkoll nafu minn liema diffikultajiet għaddew l-impjegati tagħha u għas-sostenn tagħhom kien hemm il-Partit Nazzjonalista. Illum din il-gazzetta għadha tiġi attakkata inġustament għax qegħda tagħmel dmirha. Id-demokrazija ma tistax tikber jekk ma jkollhiex strumenti bħal dawn. Fortunatament naħsbu hekk mhux għax hu konvenjenti għalina iżda għax konvinti minn dan. Hu dak li emmen u ra u jkompli jara li s-sewwa jirbaħ żgur. Dak il-jum ma jintesiex. Hemm jibqa’, quddiem dawk li batewh u dawk li għad m’għandhomx indiema.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tat-18 t’Ottubru 2009.

BLOGS – TIRANNIJA JEW DEMOKRAZIJA

1. Huwa verament interessanti kif id-dinja tat-teknoloġija moderna qegħda tiżviluppa. L-użu tal-Internet minn fonti ta’ informazzjoni b’mekkaniżmi passivi, fis-sens li wieħed irid jieħu dak li jingħadlu, sar issa wieħed interattiv. Il-parteċipazzjoni fl-ideat, fis-soċjetà, fl-istituzzjonijiet demokratiċi huwa żgur importanti u vitali għal kull soċjetà. Anzi jrid jingħad li tul dawn is-snin il-pajjiż ra t-tessut demokratiku jikber u jissoda. Dan sar għax ridna li ma nirrepetux l-aġir anti-demokratiku li rajna jikber bejn l-1971 u l-1987. Dik l-esperjenza politika bniet il-bżonn sabiex id-demokrazija tikber u kulħadd jifhem kemm id-dittatura, it-tirannija, l-aġir anti-demokratiku huma ħżiena u kontro-produċenti għas-soċjetà tagħna.

2. Kull Stat modern irid jibni lilu nnifsu u fl-istess ħin jipproteġi sabiex ma jarax li f’isem id-demokrazija din effettivament tkun qed tiġi miċħuda. L-istorja hija eżempju ta’ kif diversi tiranni qabel jieħdu l-poter jassiguraw li jiġu eletti demokratikament. L-ewwel jikkontestaw u wara li jsibu ruħhom fil-poter jittrasformaw il-parlament, id-demokrazija f’dittatura. Dan hu li għaddew minnu l-Ġermanja u l-Italja ta’ qabel it-Tieni Gwerra. F’isem ideat b’saħħithom, f’isem l-ordni, id-dixxiplina, il-“bżonn” li jsiru ċerti opri pubbliċi tkissret il-libertà u ġew mixħuta fil-ġenb id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-istess għall-ekonomija li, flok tkattret qabdet biċċa biċċa it-triq tan-niżla għax ebda sistema ma tista’ tkattar il-ġid jekk ma tkunx qed taħdem fit-trasparenza u r-regoli tad-demokrazija.

3. Kull sistema legali tistabbilixxi l-fruntieri bejn dak li jista’ jsir u bejn dak li le. Hemm minn jiddeskrivi dan f’termini ta’ libertà u libertinaġġ, però hemm ferm iktar minn hekk. Il-liġi hija essenzjali għal kull komunità – mingħajrha hemm anarkija. Għalhekk jekk ma jkunx hemm proċess “kontinwu” ta’ leġislazzjoni, allura ma jiġix garantit dak li huwa ta’ prijorità billi jiġu protetti l-istituzzjonijiet demokratiċi minn dak li jkun qed jinqala’. Ovvjament huwa għal kollox żbaljat min fuq naħa jaħseb li ma għandekx tilleġisla ħafna jew fuq oħra min jaħseb li billi tagħmel il-liġi, dak ikun biżżejjed. Hemm bżonn il-liġi u fl-istess ħin proċess ta’ informazzjoni, diskussjoni u djalogu, sabiex il-poplu jagħraf il-bżonn u, fl-istess ħin, jassigura li tiġi rispettata.

4. Meta d-djalogu jieqaf f’soċjetà allura tispiċċa wkoll il-parti neċessarja sabiex twasslek għal dawk il-kundizzjonijiet biex jitgawdew il-ġustizzja u l-libertà. Mingħajr dan il-proċess fejn l-ideat jiġu kkunsidrati u ħadd ma jipprova jimponi ruħu fuq l-ieħor, it-tessut demokratiku jmur lura. Huwa għalhekk vitali li tassigura u tiggarantixxi l-proċess ta’ diskussjoni u dibattitu. Dan l-iskambju m’għandux, f’ebda mument jaqbeż il-limiti u jispiċċa sempliċi proċess ta’ impożizzjoni ta’ ideat fejn l-aggressività hija tant kbira li ma twassalx għal ħsieb u riflessjoni. Dik mhix demokrazija, anqas djalogu imma sempliċi strument ta’ għeluq u ripressjoni.

5. It-teknoloġija għalhekk hija għodda li trid trendi ruħha għas-servizz tad-demokrazija, mhux kontra. M’għandux jiġi permess li jkun hemm ħidma anti-demokratika bil-ħsieb li dawn ma jistgħux jiġu kontrollati. F’dan allura anki l-blogs iridu jiġu allinejati. F’ħafna mumenti tinduna li dawn l-istrumenti jsibu ruħhom maħkuma minn persuni li bejniethom qisu jridu jerġgħu jibnu xi forma ta’ partit ta’ l-intolleranti fejn l-ideat huma kważi dejjem l-istess: jesprimu nuqqas ta’ tolleranza u ma jridux jippermettu lil min għandu ħsieb differenti milli jintervjeni. L-agħar hu li wieħed jinnota li ħafna persuni moderati anqas jesprimu l-opinjoni tagħhom għax jafu li l-ispazju huwa meħud fix-xejn. Tant hemm impożizzjoni fl-argumenti li kważi sar eżerċizzju ta’ xi forma ta’ dittatura ta’ Charles Darwin fin-natura li min ma jaqbilx jiġi msikket, jew jiskot.

6. Dan huwa difett fis-sistema li hemm in-neċessità demokratika li jiġi rettifikat. Il-każ ta’ ftit xhur ilu li fih il-kittieba Julie Myserson sabet ruħha involuta fil-gazzetta Ingliża “Guardian” għandu aktar u aktar jiftħilna għajnejna. L-artikolu tagħha kien jittratta l-lat uman ta’ l-istorja ta’ binha li kien maħkum mid-droga. Tant inkitbu kummenti negattivi ta’ bnedmin, li deher ċar li kienu qed jieħdu pjaċir bil-passjoni li għaddiet minnha, li spiċċaw f’kunflitti iebsa ħafna. Kif qal David Runciman: “Everyone was furious with everyone else, and determined not to be shouted down. No one with a reasonable point of view would bother wasting it on a site like this. When tempers are frayed, and time-horizons are short, the bad drives out the good.”

7. Dak li ġara b’daqshekk saħħa fl-Ingilterra m’aħniex wisq il-bogħod minnu. Diversi persuni jinxeħtu gallarija u ma jaħlux il-ħin tagħhom jipparteċipaw fi strument li jista’ jkabbar id-demokrazija, mhux inaqqsuha. Fir-realtà għandna nindunaw li dan il-proċess ta’ temperament u kontroll f’dak li jingħad diġà qiegħed iseħħ fil-gazzetti, u ilu hekk. L-editur ma jistampax l-ittri kollha, hu kemm hu mmexxi mill-bżonn li “jimla’” l-paġni, imma jillimita ruħu għal dawk li jagħmlu sens u ġieħ lill-gazzetta. Fil-Blogs dan għandu jikber iktar, inkella ser jintilfu darba għal dejjem.

8. Naħseb li din hija sitwazzjoni li ilha tinġibed u hemm bżonn li jkun hemm linja ta’ loġika u razzjonalità li m’għandhiex tippermetti aġir anti-demokratiku Huwa tajjeb jekk l-għaqdiet varji tal-ġurnalisti jsibu lilhom infushom sabiex jinbnew linji ta’ gwida li jassistu b’mod dirett lil kull min isib lilu nnifsu “fid-diffikultà” li jagħżel jekk kliem jitqegħidx fuq il-mezzi jew le. Naħseb li r-raġuni ma tridx forza u għandna nieħdu ħsieb li nifirdu ħaġa minn oħra. F’ħajti kelli l-opportunità nisma’ ħafna u qrajt mhux ħażin, meta nara l-ideat li huma komuni mal-lemin estrem nifhem li jekk ma nagħmilx il-parti tiegħi dawk li jgħidu l-ħmerijiet jibdew imexxuhom u jikkonvinċu ruħhom u oħrajn li huma l-verità. Il-blogs huma strument importanti wkoll għas-soċjetà tagħna, però ma jistgħux jitħallew isiru anti-demokratiċi. Għandna dmir naġixxu fid-direzzjoni t-tajba, b’attenzjoni billi nirrispettaw il-libertà li niddefendu d-demokrazija tagħna.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-18 t’Ottubru 2009.

16.10.09

Il-Partit tal-Progressivi

1. F’ċerti mumenti politiċi tista’ tieħu l-impressjoni li jagħmel x’jagħmel il-Gvern f’ħidmietu ser isib il-kundanna jew l-istmerrija ta’ xi wħud. Hemm dawn is-sitwazzjonijiet li qishom ma jkunux iridu jitilqu, però l-esperjenza turi li d-dawl ifiġġ. Id-dawl tal-verità mhux dejjem, jew aħjar, huwa l-ħin kollu aċċessibbli għal dawk li jippruvaw jibdlu l-affarijiet. Ħafna drabi għandek perċezzjonijiet differenti tal-fatti u tar-realtà li jikkumbattu lil xulxin. Għax hemm differenzi kbar bejn dak li jara persuna u dak li jara ieħor.

2. Nibqa f’numru ta’ punti naħseb fuq kemm huwa interessanti li tinxeħet tistudja ċerti dinjiet mill-aspett soċjoloġiku. Ninnota li hemm differenzi bejn dawk li jgħixu kull ġurnata fis-soċjetà maqtugħa għal rashom biċ-ċirku żgħir tagħhom, u dawk li jippruvaw jesponu ruħhom għal dak li għaddejjin minnu oħrajn. L-istess fid-dinja kumplikata tal-kitba fil-gazzetti. Hemm kuntrast bejn dak li jinkiteb u dak li jinħass minn dawk li le. Il-karta miktuba ssir ħafna drabi għal numru ta’ esperjenzi bażati mill-bżonn li timla u tokkupa l-ispazju u mhux neċessarjament li tagħraf l-istampa sħiħa.

3. Hemm min isib lilu nnifsu l-bogħod mill-ħajja li jista’ jiġi mdawwar naħa jew oħra fl-opinjoni minn dak li jinkiteb jew jingħad fuq il-mezzi tax-xandir, però l-maġġoranza jaħsbu b’moħħhom. Jaqraw dak li jinkiteb u jifhmu l-opinjonijiet ta’ naħa u dawk ta’ oħra. Dan huwa s-settur fl-elettorat tagħna li dan il-Partit Nazzjonalista ħa ħsieb ikabbar. Kabbar l-edukazzjoni b’dimensjonijiet li qatt ma kellna, kabbar l-istrumenti li permezz tagħhom wieħed jista’ jesprimi liberament l-opinjoni tiegħu. Dan għax dejjem emmen fil-poplu. Minflok għalqu, minflok ċekknu b’gazzetti limitati u bi stazzjonijiet tal-media dominati minn vuċijiet ta’ propaganda, kabbar u fetaħ kollox.

4. Dan għax emminna u nkomplu naqblu li aktar ma jkun hemm persuni li jħarsu ‘l quddiem u lesti li jiċċaqilqu, tant aħjar. Li tkun progressiv ma jfissirx li tagħmel dak li jagħmel ħaddieħor sabiex timitah. Anzi, l-moħħ li jħares lejn il-futur irid jassigura li jibdel b’għaqal. Iħares lejn l-affarijiet fid-dettall u janalizza tajjeb sabiex jagħraf x’għandu jżomm minn dak li għandu u x’għandu jibdel. Naħseb li ħadd ma jista’ jikkritika lill-Partit Nazzjonalista fuq din l-abbiltà. Bilanċ, moderazzjoni, attenzjoni, però fuq kollox partit progressiv.

5. M’aħniex partit distruttiv. Inkissru li għandna għall-pjaċir li nibdlu, imma aġixxejna ‘l quddiem, nibdlu, inneħħu, sabiex inkunu ferm aħjar milli aħna. L-Ingliżi, li llum il-ġurnata napprezzaw ferm iktar li ħallewlna numru ta’ prattiċi tajba, ibda mil-lingwa nnifisha u kompli minn numru ta’ sistemi amministrattivi. Però wieħed mill-pariri li żammejna kien kitbu William Shakespeare li “the better part of valor is discretion”. Verament li toqgħod lura minn ċeri miżuri, għalkemm il-boloħ jistgħu jaħsbu li huwa żball, fir-realtà m’huwiex minnu għax id-deċiżjonijiet li aħna nieħdu jolqtu lin-nies, u hawn nimxu b’kawtela. Attenzjoni, anke jekk niġu mpittra l-kontra.

6. Dak li għal xi wħud jidher bħala progress ikun, fir-realtà, rigress. L-għażla fid-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu hija ċ-ċavetta sabiex wieħed ikun jaf u jqis sewwa fejn ser imur b’dak li jiddeċiedi. Huwa dejjem żball, speċjalment f’materji marbuta mal-familji, li wieħed jitlaq jiġri qabel ma jara sewwasew xi jrid u x’ser ikun l-effett ta’ dak li jagħmel. Ninnota diversi jitkellmu fuq dak li jħossu li huwa xi rimedju ta’ malajr għall-problemi kumplikati mingħajr ma jaqraw u jirrealizzaw li flok qed idaħħlu soluzzjoni sempliċi qed iġibu magħhom u jżidu aktar għoqiedi ‘l quddiem. Il-progress veru jiġi mhux minn deċiżjonijiet impulsivi li jċekknu d-dinjità tal-persuna umana iżda mill-prudenza u l-għaqal. Għalhekk bqajna u nibqgħu partit li jħares ‘il quddiem, partit progressiv.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tal-11 t’Ottubru 2009.

L-informazzjoni u l-Wikipedia

1. Għalkemm ftit tas-snin ilu kien hemm min maqdar dan il-mekkaniżmu ġdid fuq l-Internet, naħseb li llum hemm lok ta’ rivalutazzjoni ħafifa tas-sitwazzjoni. Il-kritika prinċipali għal din l-enċiklopedija moderna kienet bażata fuq il-fatt li tista’ liberament tibdel l-informazzjoni, u għalhekk dak li jidher ma tkunx tista’ neċessarjament toqgħod fuqu. Il-konfront bejn diversi ġabriet ta’ informazzjoni bħall-Brittannika, Curio, Columbia u oħrajn mal-Wikipedia kien fil-bidu qawwi ħafna. Biss, tant inġabret dokumentazzjoni fuqu li s-sitwazzjoni nbidlet sew sforz dak li l-operaturi jiddikjaraw x’inhi din l-għodda.


2. Il-proġett inbeda minn ċertu Jimmy Wales fl-2002 u l-esperiment kien dak li jippermetti voluntiera sabiex, l-ewwel jiktbu huma stess biċċiet u, fit-tieni lok jistgħu jerġgħu jiktbu mill-ġdid dak li niżżlu. Jingħad li fl-ewwel sena kien hemm 20,000 artikolu diġà, b’200 persuna jikkontribwixxu volontarjament f’dan il-proġett. Fis-sena ta’ wara, dan irdoppja u fl-2006 tela’ għal 895,000. Illum qabeż it-tlett miljuni u dan fil-lingwa Ingliża biss għax hemm 250 verżjoni f’lingwi differenti. M’hemmx dubju li dan l-esperiment irnexxielu jiġbor dak li ebda ktieb qabel ma ġabar. Mhux biss, imma ġieb l-introduzzjoni ta’ informazzjoni sija fuq il-passat kif ukoll fuq il-preżent, ħaġa li enċiklopediji oħra ma kienux jagħmlu. Anzi kienu jħallu l-antik verifikat u aċċettat jiġi pubblikat.

3. Il-vantaġġ tal-Wikipedia fil-konfront ta’ l-esperiment oriġinali magħruf bħala “Nupedia” jibqa’ li l-proċess biex tqiegħed l-informazzjoni mhuwiex “imxekkel” b’analiżi twil qabel. Il-ħsieb kien tippruvax tipproċessa l-informazzjoni, imma sempliċement qegħdha għad-disposizzjoni malajr u ħalli lil ħaddieħor jaqraha u, jekk irid, jikkoreġiha. Dan ma jfissirx li xi forma ta’ sorveljanza ma hemmx. Hemm numru ta’ edituri li joqogħdu attendi sabiex fejn ikun hemm “abbuż flagranti” tal-fatti, inkella kwistjonijiet bejn persuni li jsostnu verżjonijiet differenti, jintervjenu. Allura hemm gwardjani superjuri, biss dawk ordinarji, billi għandhom l-aċċess li jqegħdu l-informazzjoni huma dawk l-aktar effettivi sabiex iżommu l-informazzjoni f’postha u mhux imfarrka jew imdawra.

4. F’dan hemm ukoll il-vantaġġ li, għall-kuntrarju ta’ enċiklopediji oħra, l-ġbir tal-materjal huwa kumulattiv u kontinwu. Naħseb li fl-istorja tad-dinja (minn meta l-Franċiżi tar-rivoluzzjoni, dawk Illuminati ħarġu bl-ewwel ġabra ta’ informazzjoni), għandna llum magna teknoloġikament progressiva li permezz tagħha għandek aċċess faċli kif ukoll kumulu kostanti għall-ġabriet ta’ informazzjoni. Il-problema f’dan kollu tibqa’ marbuta mal-veraċità ta’ l-informazzjoni miktuba. Għal dan, il-mekkaniżmu difensiv qiegħed fil-korrezzjonijiet li jistgħu jsiru, jekk dejjem wieħed jista’ jaċċettahom. David Runciman fuq dan jgħid: “The secret to Wikipedia’s success lies in the fact that personal responsibility for particular mistakes can’t be erased, but the mistakes themselves can be.”

5. Ovvjament mhux faċli tikkontrolla stat ta’ informazzjoni daqshekk fluwidu. Tista’ litteralment tibdel dak li jinsab, iddawwru kif trid int mingħajr veru kontroll. Għalkemm titħaddan ir-regola “3RR”, jiġifieri tista’ tibdel tlett biċċiet f’paġna f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, hemm dejjem il-periklu mill-abbuż u mill-misinformazzjoni deċiżament intenzjonata. Konfrontati ma’ din l-isfida likwida għall-integrità tal-proġett kollu, id-difiża hija marbuta biss ma’ kemm jirnexxilek tagħraf min qiegħed jagħti l-informazzjoni korrettement, dik tal-verità tal-fatti.

6. Dan in-nuqqas huwa iktar rikonoxxut fil-filosofija dikjarata ta’ Wikipedia meta jingħad: “The threshold for inclusion in Wikipedia is verifiability not truth – that is, whether readers are able to check that material added to Wikipedia has already been published by a reliable source, not whether we think it is true.” Ma nafx jekk jienx ġust f’dan però jidher li hemm disassoċjazzjoni u l-idea li l-verità hija, f’ċerti kriterji, dispensabbli u relattiva. Ma hemmx attentat lejn l-assenjazzjoni tal-korettezza tal-paġni esposti, anqas filtru veru u proprju ta’ dak li għalkemm ġej minn ktieb ieħor huwiex żbaljat jew le. Dak li huwa esaġeratament oxxen jinqala’, l-bqija jibqa’ ġaladarba min iqegħdu qed jieħu r-responsabbiltà tiegħu. Dan ifisser li l-Wikipedia trid tingħata attenzjoni akbar għax fi ftit snin ser tispiċċa awtorità proprju għax mhijiex sindikata jew konfrontata mal-verità.

7. Għalkemm irid jingħad li, żgur mhux forsi, mhux kull enċiklopedija hija xempju jew rifless tal-verità, però tipprova tkun. Għalhekk il-Wikipedia mhux neċessarjament qed tikser regoli pre-stabbiliti, anzi hemm ħafna xebħ. Biss irid jingħad li f’demokrazija, r-relativiżmu tal-verità jwasslu għal effetti kontro-produċenti u l-isforz ta’ l-istituzzjonijiet u s-soċjetà għandu jkun marbut ma’ kemm jirnexxilhom jistabbilixxu li hemm verità waħdanija. Kif sejra d-dinja huwa aktar faċli tfittex fuq dan il-makkinarju teknoloġiku milli tiftaħ ktieb jew tfittex iktar b’riċerka fonda. Dan ifisser li għal uħud il-Wikipedia taf tispiċċa l-bidu u t-tmiem ta’ dak li jistgħu jaqraw u għalhekk ser tissostitwixxi l-verità. Punt li minnu ebda demokrazija ma tgawdi fit-tul, anzi taf titlef. Għalhekk, għalkemm żgur mhux forsi li għandna għad-disposizzjoni tagħna magna mimlija informazzjoni faċilment aċċessibbli, xorta m’għandniex nitilfu d-dmir fundamentali tagħna li nfittxu l-verità.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-11 t’Ottubru 2009.

8.10.09

Bidla fix-xenarju Ewropew

1. L-elezzjonijiet ġenerali tal-Ħadd li għadda fil-Ġermanja ser jibdlu x-xenarju politiku u ekonomiku ġewwa l-Unjoni Ewropea. Issa li Angela Merkel daħlet għat-tieni mandat tagħha ser naraw tibdiliet li permezz tagħhom ser nassistu għal ċaqliq fiċ-ċentru tad-direzzjonijiet politiċi u soċjo-ekonomiċi. Sa din l-elezzjoni l-pożizzjoni kienet li Franza, mmexxija minn Nicholas Sarkozy, kellha forma ta’ axxendent fl-Unjoni Ewropea in vista ta’ l-istabilità politika tal-koalizzjoni ċentru-lemin li hemm, b’maġġoranza b’saħħitha ħafna. Il-koalizzjoni li kellna fil-Ġermanja bejn żewġ partiti kbar bħal ma huma l-CDU/CSU u SPD kienet inevitabilment qegħda żżomm lura numru ta’ deċiżjonijiet. Dan għax ovvjament il-programm politiku ta’ naħa u dak ta’ oħra ma jaqblux fuq kollox, anzi l-perjodu ta’ erba’ snin serva sabiex juri aktar dan.

2. Fil-perjodu leġislattiv li għadda, l-istampa politika ma tantx kienet mill-aqwa. Il-ftit punti ta’ persentaġġ li fired partit minn ieħor ġiebu iktar trikki trakki interni, anke jekk irid jingħad li l-problemi li żviluppaw in konsegwenza tal-inkwiet finanzjarju, sa ċertu punt, sewa sabiex ġew affrontati numru ta’ miżuri flimkien li kien ikun iktar diffiċli kieku parti jew oħra kienet fil-Gvern waħdeha. Biss kien ċar u ovvju li dan iż-żwieġ ta’ konvenjenza ma setax ikompli għaddej. Kien hemm qbil bejn iż-żewġ partiti li l-firda trid issir. Għalhekk din l-elezzjoni kienet tassew interessanti għax l-eżitu tagħha huwa rifless ta’ dak li seħħ mill-elezzjoni tal-2005 sa llum. Anzi, Merkel ħadet vantaġġ indirett għax quddiem il-poplu dehret li hija kapaċi żżomm koalizzjoni flimkien u tmexxiha b’direzzjoni ċara ħafna.

3. Angela Merkel hija r-rebbieħa ta’ dan l-appuntament proprju għax irnexxielha turi li minkejja l-fatt li kienet f’koalizzjoni, xorta mexxiet hija ‘l quddiem. Anzi, b’abbiltà kbira kważi kważi poġġiet il-partit soċjal-demokratiku bħala mażżra għar-riformi tagħha. F’dawn is-snin dak il-partit ma rnexxilu jsib lil ħadd kapaċi jmexxi tajjeb wara Gerhard Schroeder. Anke jekk Frank-Walter Steinmeier huwa d-delfin ta’ dak l-ex Kanċillier, xorta ma rnexxilux jiċċaqlaq ‘il quddiem. Il-ġibda kienet fjakka wisq u dan ġieb telf ta’ voti lejn il-partiti tax-xellug l-oħra. Fil-fatt ir-riżultat naqqas is-saħħa tal-partit soċjal-demokratiku b’76 siġġu u niżel għal 176 siġġu li 40 minnhom ħadu gwadan il-partit tax-xellug ta’ Oskar Lafontaine u l-Ħodor. Jidher mill-iktar ċar li f’dan l-appuntament elettorali ntilef l-appoġġ elettorali lejn ix-xellug.

4. Dan huwa rifless minn numru ta’ punti: ovvjament il-fatt li naqqsu sew fil-persentaġġ bi ħdax-il punt għal 22.9% u dan b’telf ta’ 10 miljun votant meta jitqabbel ma’ dak li kien ġieb Schroeder fl-1998. Jidher ċar li kien hemm apatija mill-elettorat ta’ dak il-partit ukoll proprju għax marru jivvutaw 7% inqas. Dan fisser li kien l-inqas darba li marru jivvutaw: 70.8%. Però iktar minn hekk jidher ukoll li l-partit demokristjan irnexxielu jżomm il-vot tiegħu għax kien hemm linji ta’ politika li ma tantx għoġbot lill-elettorat Ġermaniż. Il-partit tal-Kanċilliera ħa ħsieb joqgħod attent minn numru ta’ punti politiċi li jattakkaw il-valur tal-familja. Fil-fatt hija rnexxielha, bid-direzzjonijiet tagħha, żżid il-pagamenti mill-Istat għall-koppji li jkollhom it-tfal.

5. L-għaqal tagħha fir-realtà sarraf fi stabilità għaliha u għall-pajjiż. Minkejja d-diffikultajiet tal-koalizzjoni li kellha u l-kriżi finanzjarja, żammet il-kredibilità politika tagħha għax quddiem il-poplu dehret li għandha viżjoni u li taf fejn hija sejra mingħajr il-bżonn li tattakka l-valuri tas-soċjetà. Rebħet għax uriet li hija politiku tajjeb li fi ftit kliem tispjega d-diffikultajiet. Ir-riżultat huwa li għandha żieda fis-siġġijiet u llum għandha 239 membru elett li flimkien mal-partit liberali FDP li tela’ għax 93 siġġu, (dan b’żieda ta’ 32 ġdid), ser ikollha maġġoranza ta’ 20 siġġu b’332 favurha f’Kamra ta’ 632.

6. Angela Merkel, li sa ftit tas-snin ilu ħafna kienu jaħsbu li la ser jirnexxilha jżomm il-koalizzjoni f’daqqa u wisq anqas tasal sa din ir-rebħa, ser tokkupa pożizzjoni determinanti fil-politika Ewropea għas-snin li ġejjin. Għalkemm m’għandhiex l-abbiltà li tagħti diskorsi mimlija nar u retorika għandha minflok dik li tibgħat il-messaġġi tagħha bl-iktar mod ċar, dirett u intenzjonati sabiex isolvu l-problemi. Issa hija persuna li tirrappreżenta s-suċċess ta’ l-integrazzjoni taż-żewġ Ġermanji. Hija bint pastur protestant, imwielda oriġinarjament ġewwa Hamburg fl-1954, iżda sussegwentement il-ġenituri tagħha iċċaqilqu u marru lejn il-Lvant. Dan ovvjament fisser li kibret taħt il-komuniżmu u mal-Unifikazzjoni sabet ruħha f’pożizzjoni li tidħol għall-politika nazzjonali Tedeska fi ħdan il-partit demokratiku-nisrani.

7. Ma hemmx dubju li ser narawha fl-azzjoni, anke jekk il-messaġġ inizjali tagħha kien ta’ kawtela. Din il-koalizzjoni għandha issa l-vantaġġ li tidher ferm iktar ġdida invista tal-fatt li l-liberali ilhom barra mill-gvern għal ħafna snin. Jekk is-soċjal-demokratiċi jibqgħu bi problemi ta’ tmexxija kif ilhom dawn l-aħħar erba’ snin u x-xellug ta’ Oskar Lafontaine jibqgħu jiġbdu aktar attenzjoni, ser ikollha kważi ipoteka għal-leġislatura oħra. Il-pożizzjoni politika ser tkun iktar u iktar interessanti quddiem il-prospett tat-tieni mandat għal Nicholas Sarkozy fi Franza. Għalhekk ser naraw Ewropa dominata possibilment għat-tmien snin li ġejjin minn alleanza b’saħħitha franco-tedeska. Dan fih innifsu għandu jiġbed attenzjoni u jikber iktar jekk it-Trattat ta’ Lisbona finalment jgħaddi. Hu x’inhu, il-futur ħadd ma rah u għalhekk għalkemm għandna nibqgħu nsegwu l-eventi rridu nirreġistraw li ser naraw bdil fix-xenarju Ewropew.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-4 t’Ottubru 2009.

Manuvri u kontro-manuvri

1. It-triq lejn l-elezzjoni ġenerali hija twila u qatt ma kienet jew hija ħafifa. Kull partit, wara appuntament elettorali, jinxeħet jgħarbel għala ġie elett fil-Gvern u għala le. Fil-kategorija ta’ l-ewwel, l-eventi ta’ l-amministrazzjoni jieħdu l-ħin u jokkupaw il-moħħ mingħajr l-opportunità li wieħed jara għala ġieb il-voti li ġieb u mhux inqas jew aktar. Dawk fl-Oppożizzjoni, mill-esperjenza li ġarrabna jibdew iduru naħa u oħra. Daqqa jeħel wieħed fil-partit, daqqa ssir tort ta’ ħaddieħor barra l-partit, biss qisu ħadd ma jirnexxilu jifhem jekk mhux l-għada ta’ riżultat pożittiv.


2. Min imexxi l-partit li ma joħroġx rebbieħ jaf jieħu r-responsabbiltà hu jew jgħadduhielhu lil persuna oħra. Daqqa għax hu ma messux għamel li għamel u daqqa għax tkellem ħaddieħor meta ma kellux jew kif ma kellux, insomma hemm dejjem xi ħaġa ma’ xhiex taqbad. Fir-realtà, l-għarbiel ta’ riżultat ftit drabi jwasslek biex tifhem li fl-aħħar jiem tal-ġirja hemm fatturi li ma tistax dejjem tikkontrolla, li jilgħabu naħa jew oħra. Fhimt iktar dan xi ġimgħat ilu meta tkellimt ma’ politiku Tedesk li quddiem il-fatt li fl-elezzjoni ġenerali tal-2005 Angela Merkel kienet qed tgħaddi l-avversarji bi 17% u fl-aħħar spiċċat bi kważi frazzjoni iktar, urieni kemm kellhom biża’ li lejn il-jiem ta’ l-aħħar jinqala’ xi ħaġa minn taħt ir-riħ.

3. Għax il-politika hija fluwida, mobbli, daqqa għandek numru warajk u daqqa għandek oħrajn. Kull partit, ta’ kull naħa, jitlef u jirbaħ. Ħadd qatt ma rnexxielu jżomm lil kull min ivvutalu f’appuntament elettorali. Hemm fatturi li jiġbdu bnedmin biex jibdlu l-partit tagħhom. Daqqa għal interessi varji, daqqa għal raġunijiet familjari, oħrajn għal sitwazzjonijiet partikolari. Jekk hemm xi ħadd f’dan il-pajjiż li jimmaġina li ser ikun aqwa minn ħaddieħor jiżbalja: ir-regoli jgħoddu għal kulħadd l-istess.

4. Anke l-bnedmin jiġu miegħek bil-bagalji kollha tagħhom. Hemm min jiġbidlek nies minn naħa, però taf li fl-istess ħin qed jimbuttalek oħrajn. Trid dejjem tieħu deċiżjoni li taf li nofs ser togħġobhom u n-nofs l-ieħor le. Il-ħbieb u ammiraturi jistgħu jinġibdu lejn kandidat, membru parlamentari, uffiċjal partikolari però taf li hemm oħrajn li jħossu l-kontra. Dan apparti l-umuri, l-burdati u l-kunflitti li ħafna drabi jqumu fuq ix-xejn jew fuq “il-ħafna” bejn dawk li jiġu, dawk li jmorru u dawk li jibqgħu.

5. Jgħidu x’jgħidu, naħseb li l-iktar importanti huwa dak li partit politiku qiegħed joffri verament. Kemm qiegħed jispjega dak li ser jagħmel u għala ser iwettqu huwa vitali. Waħda mill-problemi li politiku, hu min hu, jrid jiffaċċja hija dik tal-kredibilità tiegħu. Mhux dik apparenti, tal-perċezzjoni, imma dik tar-realtà. Il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni (fejn ma nafx liema vantaġġi politiċi kien jonqos li jkollu) sab ruħu f’din it-triq. Għax meta stampa d-dokument tiegħu, li kien suppost mimli ideat, sab li dawn la kienu ġodda u fl-aħħarnett anqas seta’ jispjegahom b’mod sempliċi li juru x’vantaġġi għandhom.

6. Partit, f’kull stadju jista’ jagħmel serje ta’ manuvri u kontro-manuvri li jħalluħ fejn huwa, jirbaħ naħa u jitlef oħra. Biss, l-iktar importanti hija s-sustanza tal-programm u ħidma politika. Matul din il-ġimgħa reġgħu ġew quddiemi d-diversi kitbiet ta’ Lenin u Trotski, li kienu saru esperti ta’ kif tuża elf tattika, manuvra sabiex tirbaħ il-poter. Dan għax il-punt f’kull aġir politiku jibqa’ kemm int preparat iżżomm ma’ linja ta’ prinċipju jew le. Jekk m’għandekx valuri, jekk kollox jiġġustifika t-teħid tal-poter, allura ssib lilek innifsek bniedem bla direzzjoni, lest li ddur ma’ kull riħ. Din l-għażla, l-poplu jibda jaraha ċara, biċċa biċċa. Jifhem jekk intix fuq in-naħa tal-valuri, tas-sewwa, inkella intix lest li tarmi kollox, l-aqwa li tkun fit-tmexxija.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tal-4 t’Ottubru 2009.

1.10.09

Programmi televizivi

1. Ħadt pjaċir nara lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Pawlu Borg Olivier tul dawn l-aħħar ġimgħat jagħti l-ixprunatura tiegħu sabiex nimxu ‘l quddiem. Ma hemmx dubju li l-festi ta’ l-Indipendenza kienu suċċess. Il-poplu kkonkorra u ġie numeruż għad-diversi attivitajiet li kienu għaddejjin. Innutajt li ma kienx hemm jiem li ma kienx preżenti jdur man-nies, jitkellem u jiddiskuti magħhom.

2. Rajtu wkoll jippreżenta l-iskeda l-ġdida tal-programmi fuq NET Television u Radio 101. Dan huwa pass importanti fil-bidla li jidher li qiegħed jipprova jidħol għaliha f’dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Naħseb li ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li mingħajr mekkaniżmu effettiv ta’ informazzjoni, ħafna mill-ħidma li ssir mill-partit tibqa’ fuq l-ixkaffa. Hemm bżonn żgur li nibqgħu napprezzaw kemm huwa importanti li nibqgħu aġġornati u viċin tal-poplu.

3. Ħadd ma jista’ jagħmel ġudizzju tajjeb ta’ dak li jsir mill-politiċi tagħna jekk ma jkollux il-fatti għad-disposizzjoni tiegħu. Numru ta’ drabi ssib li tant isir xogħol minn dak li jkun u tant hemm iktar li jrid jiġi konkluż li wieħed jaħseb fuq kollox barra l-informazzjoni. Iridu jkunu l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna li jrendu dan is-servizz li anzi jgħinna nieqfu sabiex ninfurmaw aħjar.

4. Veru li llum hawn abbundanza ta’ stazzjonijiet u ġurnali li huma għad-disposizzjoni tagħna, però dawk li huma tal-partit għandhom jibqgħu jiġu kkunsidrati u mhux injorati. Hemm ħafna x’jista’ jsir f’din id-direzzjoni u aktar ma jsir, tant aħjar. Naħseb żgur li jkun żball jekk naħsbu li l-messaġġ tagħna ma jistax jsir aħjar mill-mezzi li għandna.

5. Għalhekk kien pass pożittiv li s-Segretarju Ġenerali jinżel huwa stess fl-arena sabiex jassigura li l-ħidma kollha tal-partit fil-Gvern jiġi reż pubbliku. Dan fih ix-xogħol, ma hemmx ħafna x’tiddiskuti fuqu, biss hemm bżonn li jsir u jsir malajr. Meta tikkunsidra l-isforzi kollha li saru, allura tifhem kemm hemm bżonn li jsir aktar użu tajjeb.

6. Hemm bżonn li niġbdu aktar Maltin u Għawdxin sabiex jeżaminaw tajjeb il-programmi televiżivi tagħna. Naħseb li jixirqilhom ferm iktar minn dak li kull sena qed jingħad li jarawh. Il-persentaġġ hemm lok li jitla’ ‘l fuq u dan jista’ jsir b’aktar sforzi fil-linja t-tajba. Fortunatament, is-Segretarju Ġenerali tagħna dan fehmu u qiegħed jibdel dak li hemm lok għall-aġġornament tagħna. Nittama li l-isforzi tiegħu jrendu u naraw programmi dejjem aktar tajba li jwasslu l-messaġġ siewi tagħna.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tas-27 ta’ Settembru 2009.

X’mar ħażin fl-ekonomija

1. Wieħed mid-dibattiti li ser jibqgħu jduru mad-dinja huwa x’ġara fl-aħħar diżastru ekonomiku li ser jibqa’ marbut mal-Lehman Brothers. Interessanti ħafna l-analiżi li qegħda ssir f’diversi gazzetti. Waħda partikolari qalet li, fil-fehma tagħha, s-sitwazzjoni ġiet kontrollata però l-problemi għadhom ma ġewx solvuti tant li fl-International Herald Tribune ta’ l-14 ta’ Settembru 2009 intqal: “One year after the collapse of Lehman Brothers, the suprise is not how much has changed in the financial industry, but how little.” Dan huwa punt li jimmerita diskussjoni f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, dik akkademika u, t-tieni, dik politika. Ngħid dan għax għalkemm fuq bażi ta’ teorija ekonomika għad hemm min qiegħed jiddibatti sewwasew x’ġara mentri fuq dak legali, l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ diversi pajjiżi rreaġixxew billi ppruvaw joħolqu mekkaniżmi ġodda.

2. Quddiem l-artikoli li qrajt f’diversi gazzetti, ġew lura f’moħħi siltiet mill-editorjal tat-18 ta’ Lulju 2009 tal-ġurnal “The Economist” intitolat “What went wrong with economies”. Il-linja meħuda kienet ta’ bnedmin li ħassew lilhom infushom traduti minn ħsieb ta’ ħajja li falla. Għal numru ta’ snin, b’akkwist ta’ iktar saħħa mat-tmiem tal-ħajt ta’ Berlin daħal il-ħsieb li l-ekonomija, speċjalment il-ħsieb ta’ ċertu forma ta’ kapitaliżmu, huwa l-prinċipju etiku fundamentali li kull persuna għandha ssegwi f’ħajjitha u kull ideoloġija politika oħra spiċċat u saret inadegwata. Id-degradazzjoni ta’ ċerti valuri f’dawn is-snin ġiet proprju minn din il-linja ta’ raġunament.

3. Kien għalija pass fil-linja li tiftaħlek iktar moħħok sabiex tifhem kemm persuni daħku bihom infushom u emmnu li r-regoli tal-kapitaliżmu mil-iktar selvaġġ huwa regola tal-ħajja. Meta erġajt ftakart, fittixt u sibt is-segwenti: “Of all the economic bubbles that have been pricked, few have burst more spectacularly than the reputation of economy itself. A few years ago, the dismal science was being acclaimed as a way of explaining even more forms of human behaviour, from drug dealing to sumo wrestling. And at the public stage, economists were seen as far more trustworthy than politicians.” Dawn il-kliem juru b’mod mill-iktar ċar li persuni fl-ekonomija kienu għadhom ma fehmux kemm kienu żbaljati f’numru ta’ punti li kienu qed jippropagaw.

4. L-agħar f’dan kollu hu li nbniet il-propaganda li dawk li qegħdin fid-dinja ta’ l-ekonomija għandhom xi kwalità superjuri għad-deċiżjonijiet u għas-suċċess minn persuni li jservu fil-politika. Tant ilhom is-snin itambru fuq dan, li kellu jkun diżastru ekonomiku bħal dak li għaddejjin minnu, biex fehmu kemm m’għandhomx raġun. Persuni fil-politika għandhom fuqhom responsabbiltajiet ferm ikbar milli wieħed jikkonsidra. Dan għax mhux biss jaraw l-aspett umanitarju, tas-suq, imma jqegħdu fil-kalatura l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-ħajja soċjali tan-nies, il-valuri, l-familja, l-kultura u diversi uċuħ oħra ta’ dak li jikkomponi pajjiż. Ir-riżultat tad-deċiżjonijiet huwa parti minn dan il-bilanċ neċessarju li, jekk ma jinżammx, ikisser kollox. Min jaħseb li tista’ tmexxi soċjetà mingħajr id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali jkun qed jiżbalja bil-kbir.

5. Fuq dan ukoll, l-“Economist” għandu tort. Persuni li huma għas-servizz tal-poplu fl-istituzzjonijiet demokratiċi għandhom linja ta’ aġir li huwa iktar affidabbli u kontrollabbli. Il-poplu jaf li huwa sindakabbli u miftuħ għall-iskrutinju, mentri min qiegħed fl-ekonomija m’għandux neċessarjament dan, għalhekk hemm differenza. Biss dan il-ġurnal, minkejja d-disfatta ekonomika li ġiebet ħafna konsegwenzi iebsa u xejn desiderabbli, tant indottrinaw lilhom infushom li xorta waħda ma jistgħux jaċċettaw li kienu effettivament żbaljati. Fl-istess editorjal kompla ngħad: “And if economies, as a broad discipline deserves a robust defence, so does the full-market paradigm. Too many people, especially in Europe equate mistakes made by economists with a failure of economic liberalism. Their logic, seems to be that if economists got things wrong, then politicians will do better. That is a false-and-dangerous conclusion”.

6. Huwa ovvju minn dan il-kliem li l-verità qed isibuha diffiċli sabiex jaċċettawha. Ma jistgħux jifhmu li l-kapitaliżmu mhux kontrollat u miftuħ għall-iskrutinju huwa sempliċement biljett lejn il-preċipizzju għalihom u għal parti importanti fis-soċjetà. Dan għax meta l-ekonomija li tkun tħalliet għall-persuni fiha tfalli, wara għandek lill-politiċi li jridu jaraw kif isalvaw. Din hija ġlieda li trid tkompli ssir mill-politiċi, l-ewwel dik li tfiehem lil kulħadd li l-ekonomija taf issir żiemel sfrattat mingħajr liġijiet tajba; u t-tieni, li l-politiċi jassiguraw aktar ħidma sabiex jiggarantixxu l-fiduċja li l-pajjiż ikollu bżonn. L-ekonomisti huma rilevanti ħafna, però m’għandhomx jaħsbu li huma superjuri għal xi ħadd, anzi tajjeb li japprezzaw il-ħidma tajba u għaqlija li ssir mill-politiċi.

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Illum tas-27 ta’ Settembru 2009.

23.9.09

PAJJIŻ GĦANDU JKUN MAGĦQUD

1. Il-jum ta’ l-Indipendenza għandu jibqa’ dejjem wieħed ta’ ferħ. Fiħ aħna l-Maltin ħadna f’idejna t-tmexxija ta’ poplu. Għalhekk żgur li għandna naħdmu u naħsbu biex il-pajjiż kollu għandu jħares lejn din il-ġurnata b’sens ta’ kburija li mhux is-soċjetà kollha tħossha biżżejjed magħquda fih. Għad hemm popli mad-dinja li anke jekk għandhom jum wieħed nazzjonali, ġurnata waħda li jistgħu jidentifikaw rwieħhom magħha legalment u kostituzzjonalment, biss f’qalbhom għadhom ma jħossuhomx magħquda f’daqqa. Hemm qasma antika li l-fatti juru li baqgħet tinġarr mas-sekli mingħajr bidla.

2. F’pajjiżna, li ma kellniex stati fi stati imma konna maħkuma minn oħrajn, fortunatament dak li jinsab f’ġirien u membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, hawn ma jeżistix.
Imma għad hemm diffikultajiet fostna li ġejjin minn apparetenenzi politiċi. Għad għandna għeruq antiki li qishom ma hemmx li jisparixxu minn wiċċ ix-xenarju politiku. Il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem favur l-indipendenza ta’ pajjiżna, anki qabel it-twelid tal-Partit Laburista, għadha twassal għal diffikultajiet, ostakli mentali sabiex tiġi aċċettata.

3. Pożittivament għandna ngħidu li kontra dan hemm proċess ta’ għaqda li qed isseħħ ma’ kull ġenerazzjoni biċċa biċċa, fejn fih l-akkaniment u ostilità inutili ta’ ċertu laburiżmu qiegħed jonqos. Iktar segwaċi warajh, persuni li jintrebħu mir-raġuni. Dan huwa tajjeb ħafna u ċert li fis-snin li ġejjin il-gvern ikollu iktar segwaċi warajh. Naħseb li għandna naċċettaw li l-festi nazzjonali tagħna huma bilanċjati bejn dawk li wasslu għall-indipendenza u dawk li seħħew in konsegwenza tagħha. Jum ir-Repubblika, Jum il-Ħelsien u l-jum li fih dħalna fl-Unjoni Ewropea kollha setgħu jiġu ċelebrati għax ħadna l-Indipendenza.

4. Il-pajjiż ħa nifs kbir nhar il-21 ta’ Settembru 1964 proprju għax seta’ jħares ‘il quddiem lejn futur li jista’ jiddeċiedi huwa għalih innifsu u mhux ħaddieħor għalih. Għax meta pajjiż jieħu t-tmexxija tal-poter f’idejh permezz tad-demokrazija jkun qiegħed jakkwista l-valur tal-futur. Il-valur li jħares ‘il quddiem, li joħlom kif irid jibdel is-soċjetà, l-ambjent, li jista’ jkollu l-qafas legali u kostituzzjonali li jrid hu, li ma għandux xkiel sabiex iħares fit-tul u m’għandux limitazzjonijiet. Il-libertà li wieħed jista’ jimraħ għal rasu m’hemmx prezz għaliha. Għax biha għandna dejjem il-prospett li nibdlu u ninbidlu.

5. It-twelid legali tagħna jibda minn dik il-ġurnata tal-21 ta’ Settembru 1964, għalkemm irridu nirreġistrat li aħna konna ilna s-sekli nikkunsidraw irwieħna poplu separat minn oħrajn. Is-sabiħ tagħna huwa li biddilna x-xenarju ta’ taħt fuq, proprju minħabba l-abbiltajiet tagħna bħala bnedmin fuq dawn il-gżejjer. Dawwarna għax, l-ewwel, minn poplu kważi abbandunat sar wieħed li sab lilu nnifsu mmexxi minn forma ta’ elite Ewropea taħt il-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann u kważi preċiż wara taħt l-Ingliżi li kienu r-renjanti emerġenti fl-espansjoni imperjali tagħhom għall-illum il-ġurnata wieħed li jista’ jinfluwenza l-eventi f’soċjetajiet Ewropej oħra. Hemm sens ta’ ġustizzja f’dan li aħna li qattajna tant snin dominati minn oħrajn qegħdin hemm b’sehem attiv, kapaċi nbiddlu t-toroq ta’ l-oħrajn minkejja ċ-ċokon tagħna.

6. L-Indipendenza m’għandha qatt tkun partiġġjana u ħidmitna fil-politika għandha tkun immirata f’dik id-direzzjoni. L-għaqda fost il-poplu tikber meta jonqos atrit inutli. Huwa żball soċjali u, f’ċertu sens, ekonomiku li jibqa’ jkun hemm diffikultajiet fuq l-importanza ta’ dan il-jum. M’hemmx dubju li meta George Borg Olivier għadda mill-passjoni tan-negozjati, dan għamlu għall-ġid. Dan għamlu għall-ġid tal-pajjiż kollu u fl-interess nazzjoni, għax emmen li minn hemm nistgħu naqbdu t-triq li tagħmel suċċess għalina. Veru li kien Prim Ministru li ġej mill-Partit Nazzjonalista, però telaq f’din it-triq għax kien Malti, u kburi li kien hekk. Illum, wara ħamsa u erbgħin sena hemm bżonn li jasal il-messaġġ li għandna nkunu lkoll magħquda u d-diviżjoni partiġġjana tispiċċa darba għal dejjem.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-20 ta’ Settembru 2009.

L-ARTI U L-KULTURA GĦODOD IMPORTANTI

1. F’dawn l-aħħar jiem qisna erġajna deħlin biċċa biċċa lura lejn ir-rutina tax-xogħol. Qed inħallu warajna s-sajf bir-ritmu tiegħu u nduru biex ngħarfu li ż-żmien tal-mistrieħ daqt ikun għalaq definittivament. Dan ix-xahar ta’ Settembru għandu wkoll dan id-dmir – li jdawwarna u jfakkarna li hemm bżonn indawru r-ritmu u r-rotta tal-ħajja. U rrid ngħid li dan jirnexxilu jwettqu tajjeb ħafna. Mingħajr ma tagħraf kif, tidħol għall-ħarifa ħelu ħelu mal-kliem tal-poeta Ingliż John Keats.


2. Id-dinja ta’ l-arti ma toqgħodx lura minn din il-ġibda naturali tas-sensi. Għal ħafna f’dan il-pajjiż, jerġgħu jqumu l-artisti, dawk li jħallu lilhom infushom isegwu dak li hemm fihom mingħajr ma jistaqsu kif u sa fejn ser jaslu biex fl-aħħar iwelldu barra dak li jkollhom ġewwa. Il-bniedem għandu fih din il-ġibda, għal uħud li jkunu krejaturi, għal oħrajn sabiex jammiraw dak li jiġi fid-dawl tax-xemx mill-artist, kbir jew żgħir. L-ispirtu liberu tal-bniedem iċaqlaqna lejn fruntieri li ftit qatt setgħu jipprevedu. Anzi, s-sabiħ tagħna huwa proprju li m’aħniex inqas minn popli oħra, huma fejn huma mxerrda fid-dinja. Aħna konna minn żmien il-qedem u bqajna marbutin fuq naħa u xhieda, eżempju fuq l-oħra.

3. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet kellna eżempji ċari ta’ dan f’erba’ okkażjonijiet interessanti. Il-ftuħ ta’ Villa Francia, bidu ta’ wirja ta’ pittura ta’ Esprit Barthet u Antoine Camilleri, il-ftuħ ta’ “The Malta Cyprus Ceramic Exhibition 2009” u l-ftuħ uffiċjali tar-Rotta ta’ l-Arti. Huma erba’ mumenti importanti għall-kultura u l-arti Maltija. Wirjiet li huma miftuħa beraħ għalina sabiex narawhom u nammirawhom. Għax is-snin li għaddew minn fuqna sarrfu sabiex kibru l-artisti u kibru sew l-ammiraturi tagħhom. Dawn huma esposti għalina u, fl-istess ħin, mogħtija sabiex jagħtu xhieda ta’ dak li aħna. Juru l-abbiltà li dejjem kien hemm u fortunatament baqa’ jkollna mument li bih nistgħu iktar niftakru meta niċċelebraw għada l-indipendenza unika tagħna.

4. Meta taqra fuq l-arti, fuq il-materjal li l-bniedem fis-sekli uża sabiex jesprimi ruħu, mingħajr ma rridu waqt li nkunu qed nammirawhom inkunu wkoll qed nirriflettu li huma sinjali ta’ ċiviltà. Terġa’ meta nieħdu l-fuħħar, napprezzaw dan ferm u ferm iktar. Id-dinja hija miżgħuda b’oġġetti minn kull seklu u minn kull rokna fiha. F’dawn hemm il-kreattività umana preżenti, prinċipalment f’oġġetti marbuta mal-użu utilitarju ta’ kuljum imma f’ċerti istanzi jiġik ukoll id-dubju kemm kienu limitati hemm. Fl-Amerika t’Isfel, ta’ Fuq u tan-Nofs, fil-Mediterran, fl-Oċeanja, fl-Afrika, fiċ-Ċina hemm oġġetti li nħadmu u baqgħu bil-forom varji u “strambi” tagħhom, xhieda ta’ persuni li kienu kapaċi jittrasformaw b’idejhom u bl-għajnuna ta’ diversi proċessi, rikordji tagħhom. Anzi nafu wkoll li għandna oġġetti li nħadmu b’teknika li llum m’għadhiex aktar possibbli li terġa’ tirrepeti ruħha.

5. L-impatt tagħhom huwa qawwi f’dan is-seklu mimli bi bnedmin li jridu jimirħu barra mill-fruntieri tagħhom. Kif stajt nikkonstata f’wirja ta’ ċeramika interessanti ħafna mtellgħa bejn ġabra ta’ ħbieb Maltin u Ċiprijotti, fejn ma’ kull sena qed isir avvanz ‘il quddiem. Fil-kumpannija ta’ Maltin ta’ qalb kbira u ġeneruża bħal ta’ Charles Sammut, Mario Sammut, Valerio Schembri, Raymond Abela, Joseph Agius, Julie Apap, Antoine Paul Camilleri, Sina Farrugia Micallef, Neville Ferry, Kenneth Grima, Paul Haber, Sue Mifsud u George Muscat tħoss iktar id-demm ħaj u jbaqbaq tagħhom. Quddiem il-ħidma ta’ jdejhom tifhem li ċ-ċeramika m’għandhiex limiti ta’ żmien jew fruntiera ġeografika, anzi hija ċelebrazzjoni ta’ proċess li ma jridx jieqaf.

6. Mingħajr ma trid tħossok imkaxkar b’dak li Maltin bħalna kapaċi jagħtu. Il-poplu, għalkemm kibirlu l-għarfien, tajjeb li jitqegħdulu iktar u iktar appuntamenti bħal dawn quddiemu. Veru li jista’ jkun hemm min ma japprezza xejn, biss nemmen li ftit spjegazzjoni, qtar żgħar ta’ informazzjoni jagħmlu d-differenza. Nemmen li dan il-poplu tagħna għandu ġewwa fih dik ir-rabta qawwija bejn l-arti, il-kultura u ħajtu. Il-kultura hija tastiera importanti għad-dinjità ta’ kull persuna u aħna ma għandna xejn inqas. Tajjeb li nħajru aktar bnedmin imorru jaraw dawn il-wirjiet, inħeġġuhom jiskopruhom, isiru jafu għala u kif isiru. Nuża hawn il-kliem ta’ Albrecht Durer li kien qal quddiem iċ-ċeramika ta’ l-Azteki: “In all my life I have never seen anything that rejoiced my heart so much, I have found an admirable art in them and I have been astonished by the subtle spirit of the men of these strange countries.”

7. L-artist, ħafna drabi jsib ruħu fis-solitudni, m’għandux biżżejjed min irid jidħol fi djalogu miegħu sabiex japprezzah. Hemm proċess importanti li għandu jsir. L-ispirtu liberu ta’ l-artist ma jistax dejjem jiġi apprezzat, però min jidħol fil-linja tat-trasformazzjoni tal-fuħħar fiċ-ċeramika jgħin lilu nnifsu stess meta jiddiskutih. Għax l-arti hija sinjal ta’ ċiviltà. Sinjal ċar li hawn min jifhem li d-dinjità umana mhix materjaliżmu utilitarju, iżda ferm iktar. Dak huwa parti mill-patrimonju sħiħ tagħna u nagħmlu tajjeb jekk flok noqogħdu lura nkomplu nkabbruh. L-arti u l-kultura huma għodod importanti li nagħmlu tajjeb li nkomplu nsostnu.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-20 ta’ Settembru 2009.

16.9.09

GĦADNA PAJJIŻ KOMPETITTIV


1. Ċerti drabi hemm min jaħseb li għax ikun l-ewwel fix-xena politika għandu l-vantaġġ li jilħaq jagħti impressjoni tal-fatti lill-poplu u għalhekk jimpressjonahom. Ovvjament, l-impressjoni mhix il-verità. Biss, il-mekkaniżmu tal-medja jinkwadra ruħu aktar fuq il-linji kummerċjali, tas-suq milli dak marbut mal-bżonn ta’ divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni. F’ċertu sens hemm preżentement żewġ effetti negattivi. L-ewwel, disprezz lejn il-valur tal-verità fis-sens li hemm min jaħseb li ma tiġbidx waħedha attenzjoni u għalhekk huwa leġittimu li tibdilha, tgħawwiġha u ma tħallihiex waħdeha. It-tieni, nuqqas ta’ ċerti persuni li jirrappurtaw, li jmorru lejn it-toroq il-qosra li permezz tagħhom taħrab mid-diffikultà li trid tikteb u tikseb il-fatti kollha. Is-sabiħ tal-ħajja jibqa’ li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.

2. Ma rridx nagħmel xi attakk fuq dan, imma tajjeb li wieħed jirrifletti kemm huwa kontro-produċenti li jkollok mezzi tax-xandir li ripetutament jkunu jridu jpinġu stampa sewda ta’ dak li għaddej. Li tara l-iżvantaġġi huwa tajjeb, però li telimina l-vantaġġi jew li tipprova ddawwarhom il-ħin kollu l-kontra ma tantx huwa daqshekk korrett. L-istampa għandha tkun ċara u m’hemmx bżonn daqshekk dlam, swidija anke jekk hemm min jista’ jħossu iktar ġustifikat għax ġie nieqes il-mibki Mike Bongiorno li kien isejjaħ regolarment għall-“Allegrija!”

3. Dan kien wisq evidenti din il-ġimgħa meta ġejna biex nanalizzaw dak li l-“World Economic Forum” qal fuq il-“Competitiveness Ranking” ta’ mija u tlieta u tletin (133) pajjiż. L-għajta ta’ naħa mix-xenarju politiku, mhux tagħna, kienet li Malta ġiet biss fit-tnejn u ħamsin (52) post, qisu qegħdin lura jew li qisu morna lura minn dak li konna. Smajna ħafna, b’dikjarazzjonijiet kontinwi fuq kemm qisu hawn dlam ċappa fl-ekonomija tagħna. Fil-fatt, il-verità hija li pajjiżna żamm il-pożizzjoni li kellu s-sena ta’ qabel u issa għandna l-Italja – li huwa pajjiż fost l-iktar tmienja żviluppati – li qiegħed erba’ pożizzjonijiet qabilna.

4. Mhux biss, pajjiżna huwa aqwa mil-Litwanja (53 post), l-Ungerija (62 post), ir-Rumanija (68 post), il-Greċja u l-Bulgarija, li kollha ġew warajh u barra l-aħħar pajjiż kollha tilfu mill-pożizzjoni li kellhom qabel. Issa, meta tikkunsidra d-diffikultajiet finanzjarji li għaddew minnhom oħrajn tara kemm aħna rnexxielna nżommu l-pożizzjoni tajjeb. Ma morniex lura, marru diversi oħrajn però li żgur li ser taffettwa ħażin l-ekonomija tagħhom. Biss, fir-realtà dan iżomm l-aspettativi li organizzazzjonijiet oħra bħal “Standards & Poor” żammew l-istess pożizzjoni li kellna qabel.

5. L-argumenti favur l-ottimiżmu hemm qegħdin. Dan għax mhux “Standards & Poor” biss żammewna fl-istess pożizzjoni li kellna, iżda anke Fitch, Moodys u anke l-International Monetary Fund li wkoll għamlu l-istess. Ma naħsibx li dawn ma jafux x’inhuma jagħmlu, anzi huma korpi finanzjarji ta’ prestiġju li għamlulna ċertifikati tajbin ħafna. Il-verità hija li dan kollu żammna pajjiż miftuħ għall-investiment, art fertili. Anki, kif qal tajjeb il-Prim Ministru, hemm u baqa’ jkun hemm interess sod ta’ investiment. Il-fatti huma li minkejja dak li ġara barra minn xtutna bqajna nżommu l-pożizzjoni tagħna.

6. Dawn il-fatti huma minnhom infushom pożittivi. Magħhom però komplejna nagħfsu ‘l quddiem. Nisħqu sabiex inkomplu nżommu ruħna kalamiti għall-investiment u fl-istess ħin kapaċi nħarsu ‘l quddiem. Din il-ġimgħa l-Prim Ministru ndirizza aktar dan billi saħaq li rridu nagħmlu r-riformi li hemm bżonn, inżidu l-produttività u l-effiċjenza, filwaqt li nibqgħu nħarsu u nassiguraw id-drittijiet tal-ħaddiema. Il-verità hija li l-par idejn sodi tat-tmexxija tal-Gvern żammewna pajjiż kompetittiv. Wieħed kapaċi jiġġenera l-ekonomija mingħajr ma jitlef il-valur tal-ġustizzja soċjali.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd, 13 ta’ Settembru 2009.

IL-KAŻ GĦAT-8 TA’ SETTEMBRU

1. F’dan il-pajjiż, fortunatament, għandek ħafna karatteristiċi li huma tagħna biss. Poplu bħal tagħna sab ruħu dominat minn pajjiżi oħra kif kienet f’ċertu sens il-loġika. Dik li titlaq mill-ħsieb li gżejjer m’għandhomx ħajja waħedhom iżda flimkien ma’ pajjiżi akbar. Iddur fejn iddur, ibda mill-Mediterran, issib dan il-mekkaniżmu mħaddem. Tant huwa qawwi li ħafna drabi l-kultura, l-forma mentali ta’ ħafna fuq dawn it-tip ta’ gżejjer hija ta’ dipendenza. Iridu minn ċentru politiku ieħor u jikkundizzjonaw ruħhom fih, għax kważi jemmnu li ma kienux kapaċi jfendu waħedhom.

2. Ma nafx kif, biss hawn fuq dawn il-gżejjer l-għaġna kienet kompletament differenti. Jista’ jkun hemm diversi fatturi li wasslu għal dan. Il-bnedmin li kienu hawn qabilna, f’mument fil-ħajja ta’ dawn il-gżejjer, inbidlu. Il-passaġġ tagħna minn Kartaġni għal Ruma jidher li sar fil-linja li ċ-ċentru tal-poter kien inbidel u allura kien hemm bżonn li nsegwu, biss lejn l-aħħar tas-sistema fewdali u l-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, xi ħaġa daret. Forsi l-kwalità tal-persuni, forsi l-ambjent sħiħ tagħna jew xi fattur separat u distint ġieb mentalità ta’ indipendenza u kunfidenza fl-abbilità li jmexxu mingħajr il-bżonn ta’ ħadd. Jidher mill-ewwel għall-istoriċi li kien hemm kuraġġ ta’ bnedmin li riedu jimxu għal rashom.

3. Huwa minnu li l-Assedju l-Kbir tal-1565 kien determinanti fl-istorja politika Maltija u Ewropea però kien hemm elementi varji li ngħaqdu f’dik il-vittorja. Fit-8 ta’ Settembru niċċelebraw it-tmiem ta’ dak l-assedju verament kbir u iebes. Il-kavallieri, ma hemmx dubbju, kienu il-kalamita li ġibdu lit-Torok hawn imma l-qlubija ma kenitx tagħhom biss. Kienu l-Maltin li sabu ruħhom f’sitwazzjoni li qatt qabel ma kellhom. F’ħafna sens, li kieku ma ġietx l-Ordni, assedju ma kienx ikollna. Kienu huma li bil-preżenza tagħhom biddlu l-gżejjer innokwi f’minaċċja militari. It-Torok fehmu li bil-kavallieri hawn allura kienu qed jissugraw il-kummerċ marittimu tagħhom u d-dominanza li kellhom. Għalhekk daħlu għal din il-manuvra li switilhom qares.

4. F’ħafna sens dak li seħħ f’dak is-sajf ta’ erbgħa mija u erbgħa u erbgħin sena ilu reġa’ ġie f’tiegħu fit-Tieni Gwerra Mondjali. Il-preżenza Ingliża hawn ġibdet l-attakk ta’ l-għadu u għalkemm fl-ewwel assedju, f’ċertu mumenti nkun konvint li ma kienx ikun hemm konflitt kieku ma konniex dominati, fit-tieni ngħid li xorta konna naraw lill-Ġermaniżi u lit-Taljani ma’ xtutna. Li hu ċert huwa li għaż-żewġ kunflitti kienu hemm il-Maltin u l-Għawdxin li biddlu x-xejra ta’ l-eventi. Biddluhom b’żewġ fatturi: l-ewwel, id-determinazzjoni u perseveranza li jibqgħu jissieltu sal-aħħar, mingħajr ma jagħtu spazju lill-avversarji, u t-tieni bil-fidi tagħhom fir-reliġjon Kattolika.

5. Tista’ taħseb li kollox huwa koinċidenza b’xi forma ta’ mentalità li temmen li l-bniedem ma jistax jibdel l-eventi tad-dinja u li ma tistax tittama fl-intervent Divin, biss id-dinja tal-verità hija differenti għax ma jistax ikun li proprju fit-8 ta’ Settembru kellna t-tmiem ta’ dawn l-eventi, proprju f’dik il-festa tat-twelid ta’ Marija Santissima li ilha tiġi ċelebrata f’pajjiżna. Kull min jaqra jaf li ċ-ċelebrazzjoni tal-Bambina hija anzi parti sħiħa minna l-poplu ta’ dawn l-gżejjer. Din hija r-realtà, l-verità tal-fatti u dan huwa aktar ċar meta wieħed jikkonsidra li għandna erba’ parroċċi jiċċelebraw dan f’daqqa. Għandek l-belt Sengleana, dik Naxxarija, dik tal-Mellieħa u tax-Xagħra f’Għawdex.

6. Popli oħra li stinkaw għall-indipendenza tagħhom, għall-unifikazzjoni tal-pajjiż rabtu l-vuċi tal-libertà ma’ jum partikolari, ma’ monument storiku, ma’ innu li jesprimi dan is-sentiment. Pajjiżna, li għalkemm għandu ħafna li jkantaw tajjeb naħseb li ngħaqad ma’ dan il-jum bħala espressjoni nazzjonali. Il-formazzjoni kulturali ta’ dawk li daħlu fil-Parlament Malti fl-1921 lejn hemm ġibdet u aħna l-membri tal-Kamra rridu naċċettaw li dawk li ġew qabilna kellhom formazzjoni intelletwali aqwa minn tagħna u dawn ħarsu lejn it-tmienja bħala l-jum nazzjonali tagħhom.

7. Fil-fatt kienu l-ewwel leġislaturi li mexxew sabiex il-Profs. Antonio Sciortino jiġi nkarigat sabiex isir monument li jfakkar l-Assedju l-Kbir. Proprju l-Ħadd, 8 ta’ Mejju 1927 fl-10:30 ta’ filgħodu mal-ġenb tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġie inawgurat dak il-monument tant sabiħ u majestuż. Jingħad li saret festa kbira. Kien hemm Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Sir Ugo Mifsud li ppresjeda l-attività u fih kien hemm żewġ diskorsi importanti tal-Prim Imħallef, Sir Arturo Mercieca u tal-Professur Patri Karmelitan Atanasju Cuschieri li għamel diskors bil-Malti fuq “L-Istorja Glorjuża ta’ Pajjiżna”. Hemm baqa’ dak iċ-ċentru tar-rabta ta’ bejn pajjiżna u l-istorja. Missirijietna ħarsu qabel it-Tieni Gwerra Mondjali lejn dak il-jum u dan huwa evidenti mid-diskorsi li saru dakinhar. Il-komunikazzjoni kienet maqsuma f’ħarsa lejn il-passat imma b’dikjarazzjonijiet ċari lejn il-futur. Asserzjoni diretta ta’ dak li riedu jilħqu u x’jemmnu li huma kapaċi li jwettqu.

8. Meta tikkunsidra li l-effett tat-Tieni Gwerra Mondjali ma kienx dak li jneħħi mill-importanza ta’ dak il-jum iżda li jikkargah iktar, wieħed japprezza aktar kemm it-8 ta’ Settembru huwa jum verament nazzjonali. Dan aktar u aktar meta tqiegħed fih il-fatt li l-Knisja tiċċelebra f’erba’ parroċċi li m’humiex marbuta ma’ lokalità imma mxerrda mal-gżejjer. Il-monument ta’ Sciortino li jinsab kuljum fi triqitna jgħid ħafna għalina. Huwa jirrapreżenta s-saħħa tagħna, jiċċelebra li aħna ħassejna dejjem li għandna l-kapaċità mmexxu ‘l quddiem. Dan il-jum huwa vera wieħed li ħaqqu dejjem iktar jiġi ċelebrat bid-dinjità sħiħa li għandu. Wieħed li tajjeb li jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd, 13 ta’ Settembru 2009.

10.9.09

LEJN L-INDIPENDENZA

1. Kif jaqleb it-temp u minn Awwissu nidħlu f’Settembru, immissu ma’ xahar mimli storja. Sija it-tmienja kif ukoll il-wieħed u għoxrin huma jiem miżgħuda bl-importanza għalina l-Maltin, liberi u indipendenti, u ġustament għandna nieqfu nikkommemorawhom. Biss hemm jiem oħra li għalkemm ma nieqfux f’festi nazzjonali, għandhom huma wkoll is-sehem tagħhom. Hemm it-2 ta’ Settembru li fih niftakru kif il-Maltin fl-1798 qamu kontra l-Franċiżi li ppruvaw ibiegħu deheb, fidda, tapizzerija u ħwejjeġ sagri oħra minn kunventi mill-Imdina u r-Rabat. Jew il-ħamsa ta’ Settembru meta fl-1800 il-Franċiżi ċedew u ffirmaw il-ftehim li bih telqu minn pajjiżna. Jew l-14 ta’ Settembru 1998 meta pajjiżna ippreżenta formalment it-talba tiegħu sabiex terġa’ tinfetaħ l-interess ta’ pajjiżna li jsir membru tal-Unjoni.

2. Biss, it-8 tibqa’ l-jum l-iktar miżgħud u maħbub. Dan għax fih, fl-1565, spiċċa l-assedju wara t-telfa li ġarrbet il-flotta Torka; fl-1775 meta kien hemm l-irvell ta’ Dun Gejtano Mannarino kontra l-kavallieri fejn ittelgħet il-bandiera Maltija u l-1943 meta l-Italja faxxista ċediet l-armi u waslet flotta f’pajjiżna. Numru ta’ drabi nispiċċaw ma narawx dawn il-mumenti importanti, biss hemm qegħdin għad-disposizzjoni tagħna sabiex inżommu quddiem għajnejna li servewna għall-awtonomija u t-teħid tal-poter f’idejna.

3. Irnexxielna nuru li aħna għandna xi parti mid-DNA tagħna speċjali. Anzi naħseb li huwa tajjeb li jingħad li fil-ħamsa u erbgħin anniversarju qegħdin nipprovaw dak li missierijietna dejjem sostnew. Verament interessanti li wieħed jara kemm fil-fatt il-Maltin ta’ kull żmien kellhom fi ħdanhom persuni li emmnu li nistgħu nkunu indipendenti u nfendu għal rasna. F’dawn is-snin urejna li dak il-poter, dak id-dritt tas-self-determination, użajnieh tajjeb ħafna. Ċert li dawk li illum ma għadhomx magħna jifirħu jaraw li aħna kapaċi niddeċiedu u nżommu lilna nfusna sodi mingħajr ma nitilfu rasna.

4. Il-festi tal-Indipendenza jibqgħu dejjem speċjali. Mhux biss għax niċċelebraw il-jum, imma aktar lilna nfusna, il-karattru sod u determinat tagħna. F’din il-gżira għandna għaġna ta’ ħsiebijiet li huma kompletament separati u distinti minn ta’ ħaddieħor. Vera li hemm min iħares lejn l-iswed kontinwament pero` l-maġġoranza jifhmu li dan huwa kollu parti minn wirt soċjali tagħna. Hemm bżonn li l-messaġġ ta’ dak li aħna u tal-valur sħiħ tagħna għandu jixxandar.

5. Ċerti drabi niltaqa` ma’ bnedmin li qishom jimmaġinaw li f’din id-dinja tista tgħix mingħajr problemi. Jew aħjar, li jista’ jkun hemm xi Gvern f’pajjiżna jew f’xi rokna tal-univers, li fih isolvilek il-problemi kollha ta’ ħajtek. Ir-realta` mhux dik. Il-fatti huma prova li ma tistgħax tingħaleb meta wieħed jara dak li għaddew minnu pajjiżi oħra, għandna nindunaw kemm qegħdin verament aħjar. Dan għax dan huwa pajjiżi li, għalkemm għandu min jipprova jmaqdru, sija barra minn xtutna u sfortunatament anki ġewwa darna, huwa mimli b’mexxejja kapaċi jmexxu ‘l quddiem.

6. Dan ix-xahar tal-Indipendenza għandu jservi sabiex il-pajjiż japprezza, l-ewwel, li aktar ma jkun magħqud aktar jista’ jagħmel ġid u t-tieni, li n-negattiviżmu, tgergir eseġerat u sabutaġġ intellettwali huma kontro-produċenti. Dawn il-gżejjer għandhom vantaġġi li ma għandhomx jitilfu. Dan jistgħu jkomplu jagħmluh billi jiċċaqalqu ‘l quddiem fis-sewwa. Ikomplu jaħdmu mingħajr ħmerijiet u b’lealta’. Aħna konna, għadna u nibqgħu kapaċi, rridu nemmnu fina nfusna u nnaqsu milli inħarsu lejn żokortna fix-xejn. L-Indipendenza ħaditna fejn qatt ma ħsibna li ser naslu. Inkomplu, mhux billi nieqfu mill-progress tagħna iżda billi nkomplu nimxu determinati ‘l quddiem.


Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Il-Mument tas-6 ta’ Settembru 2009.

TRATTAT LI WASSAL GĦAL TRAĠEDJA

1. Din il-ġimgħa bdejna xahar ieħor, dak li fih din is-sena hemm sfortunatament wieħed mill-ikreħ anniversarju. Proprju fl-1 ta’ Settembru d-dinja rat għadejja sebgħin sena sħaħ minn dak il-ftehim li wassal għal konsegwenzi tant diżastrużi. F’dak ta’ l-1 ta’ Settembru 1939, il-Ġermanja Nażista u r-Russja Sovjetika ġabu fis-seħħ dak li ffirmaw fit-23 ta’ Awwissu tal-1939, meta qasmu l-Polonja fi tnejn u fetħu l-bieb għat-tieni gwerra mondjali beraħ. Iż-żewġ arkitetti ta’ dan il-palazz, illum imfarrak kompletament, kienu Molotov u Ribbentrop. Il-patt ta’ bejniethom kien jindika fejn u sa fejn pajjiż jista’ jinvadi fil-ftehim, li jaqsmu imma ma jiġġieldux bejniethom.

2. F’dik il-ġurnata stess il-Ġermanja Hitlerjana avvanzat b’attakki qawwija mill-ajru, mill-art u mill-baħar fuq il-Polonja. L-aġir Tedesk kien rappreżentat bħala forma ta’ rivendikazzjoni ta’ kif ġew imfassla l-fruntieri wara t-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija. Dak il-konflitt kien ħalla dak il-pajjiż umiljat u għalhekk kien hemm il-bżonn li l-unur jerġgħa jiġi rivendikat proprju fuq il-povri Pollakki. Ir-Russja Sovjetika hija wkoll, ġimgħatejn wara, fis-sbatax, qabdet it-triq biex jieħdu f’idejhom huma wkoll il-parti tagħom tal-isfera ta’ influenza li kienu jippretendu.

3. L-aġir ta’ dawn iż-żewġ potenzi militari kien sorpriża għad-diversi li kienu għadhom jilludu ruħhom l-ewwel, li l-paċi kienet għadha possibbli, u t-tieni, li kien impossibli sabiex il-komunisti u n-nażisti jiftehmu u mhux jiġġieldu kontra ta’ xulxin. Biss kien ċar u ovvju li l-intenzjonijiet tedeski ma kienux paċifiċi xejn. L-invażjoni kienet devastanti u l-Pollakki ma setgħux jirreżistu għal forzi numerużi u għas-superjorita’ fl-armamenti. Illum wara l-proċessi ta’ Nuremberga għandna xhieda u fatti ta’ kif svolġew l-eventi. Il-Pollakki ma kienux proprju l-aħjar fil-kamp tal-battalja u d-direzzjonijiet tattiċi kienu kompletament żbaljati. Ħasbu li l-allejati setgħu jintervjenu malajr u allura l-Ġermanja tiġi kkontrollatha, pero’ fil-fatt dawn kellhom id-diffikultajiet tagħhom u sabu ruħhom waħedhom bil-Ġermanja tużhom bħala l-ewwel eżami militari tagħha.

4. Minn dik il-ġurnata bdew jinxterdu l-eventi li ġiebu konflitt mill-aktar terribbli. Id-dinja f’dak il-mument ma kelliex quddiemha dak li setgħa jseħħ, imma rat biss il-bidu. Fir-rejalta’ l-Pollakki l-aktar li bgħattew għax il-Ġermaniżi kellhom il-kwistjonijiet li ħarġu mill-ftehim ta’ paċi ta’ Versailles, u r-Russi dawk tat-trattat ta’ Riga tal-1921. F’dak it-trattat ta’ Riga, il-Pollakki kienu ħadu dak kollu li riedu f’territorju, biss is-Sovjetiċi baqgħu qatt ma tilfu dan minn moħhom. Għalhekk il-Patt Molotov – Ribbentrop kien qiegħed jassigura l-pretenzjonijiet ta’ żewġ pajjiżi f’daqqa għas-skapitu ta’ ieħor.

5. F’dan kollu hemm l-ikkunsmar tat-traġedja Pollakka. Poplu liberu, kattoliku li sab ruħu tradut bejn żewġ forzi li ma tawħx spazju. Is-sofferenza kompliet, sija matul il-konflitt b’diversi Pollakki li sabu kenn fl-Ingilterra. Iġġieldu mal-allejati fl-ajru kif ukoll fil-kampanja fl-Italja b’mod partikolari f’Monte Cassino. Ħafna tilfu ħajjithom, sija barra l-pajjiż kif ukoll mad-diversi uffiċjali tal-armata fil-Polonja kollha u speċjalment il-Lhud fir-reżistenza tagħhom f’Varsavja. Anqas it-tmiem tat-tieni gwerra ma kien biżżejjed, baqgħu dominati mill-potenza li kienet ħatfithom fil-ftehim li wassal għat-traġedja.

6. Fil-kommemorazzjoni f’Danzika (dik il-belt libera li l-ġermaniżi riedu akkost ta’ kollox u li l-allejati kienu jsostnu li hija belt għall-kummerċ marittimu Pollak) nġabru diversi mexxeja preżenti. Ftakkru f’dak l-iżball politku li żamm l-Ewropa u d-dinja weqfin għal sitt snin. Illum hemm min għadu qed jitkellem u jiddibatti min huwa l-iktar responsabbli jew jekk kienux biss l-ġermaniżi, imma r-realta’ hija li t-tnejn għandhom sehem. Ma hemmx dubju li dan jibqa’ biss għall-akkademja storika għax nafu li r-Russja tilfet miljuni ta’ bnedmien kif tilfu ukoll il-ġermaniżi. L-effett tal-ftehim kien traġedja sħiħa. Pero’ għandna nirreġistraw li kien posittiv kliem Putin li f’dawn il-jiem kiteb ‘The Russian – German partnership has became an example of reaching out to one another, of looking to the future while paying attention to past memories.... I am sure that Russian – Polish relations will sooner or later attain the same level’.

7. Dak li deher bħala pass ta’ avvanz materjali sewa biss għat-tkissir tiegħu. Il-belliġeranza, il-gwerer ma jwasslu għall-imkien. Dmirna illum huwa li nifhmu li aħna għandna patrimonju ta’ snin li fih għexna fil-paċi u ma għandniex nitilfuh. Il-paċi seħħet għax ħaddanna d-demokrazzjoni u ħadna ħsieb li nibnu qafas legali fejn id-drittijiet fundamentali huma protetti. Ir-regola li l-liġi tirrenja u mhux il-kapriċ tal-bniedem għandha tkompli tissodana. Dak hu li jagħmel id-Demokrazzija u dan hu li għandna inkomplu nsostnu.

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Illum tas-6 ta’ Settembru 2009.

2.9.09

TINGĦALAQ PARTI MILL-ISTORJA

1. Waqt li kont għaddej indur id-diversi awli tal-qrati tagħna li, fortunatament, parti minnhom ġew mogħtija lura d-dinjita` li ħaqqhom, reġa’ ġie quddiem għajnejja s-Senatur Amerikan Edward Kennedy. Mewtu kienet għadha kif tħabbret u mingħajr ma ridt erġajt mort lura lejn il-periodu ta’ ħutu l-President John Kennedy u Robert Kennedy. Sibtni lura fis-snin sittin fil-jum meta bdiet mewġa ġdida ta’ ideat u mod kompletament differenti ta’ kif tagħmel il-politika.

2. Kennedy kelli ammirazzjoni lejhom. Niftakar li meta daħal l-ewwel darba t-televiżjoni f’darna u ġie mixgħul, l-ewwel stampa li dehret kienet proprju tiegħu. John Kennedy, għalkemm sab ħafna min ipprova jmaqdru, kien jirrappreżenta d-dinja Kattolika fix-xenarju politiku Amerikan. Hija realta` unika li waħda mill-ostakli l-kbar li tqegħdet quddiem il-kanditatura tiegħu kienet il-fatt li huwa ma kienx Protestant. Anzi kien hemm ħafna xettiċiżmu mill-politiċi Amerikani fuq kemm ser jirnexxilu jiġi elett.

3. Pero`, John mhux biss ġie maħtur President tal-Istati Uniti u xejjen kull argument li sar kontra tiegħu li huwa ser jibda jieħu l-ordnijiet mill-Papa f’Ruma. Meta kien għadu Senatur kien qal hekk” Without reference to the Presidency, I believe as a Senator that the separation of Church and State is fundamental to our American concept and heritage and should remain so”. Kif ukoll aktar tard, “I am a strong Catholic and I came from a strong Catholic family, but I regret the fact that some people get the idea that the Catholic Church favors a Church-State tie”. Tul iż-żmien li okkupa dik il-kariga qabel inqatel f’Dallas fit-22 ta’ Novembru 1963, wera li kien wieħed mill-aqwa politiċi li d-dinja setgħet rat.

4 Il-ħamsa u tletin President fetaħ it-triq għal aktar politiċi Kattoliċi kif ukoll għal tnejn minn ħutu. Robert, ħuh, kien elett Senatur u kien kandidat għall-Presidenza. Biss, il-biża’ li Kennedy ieħor jerġa’ jservi, wassal għall-assassinju tiegħu fil-5 ta’ Ġunju 1968. Għad għandi ċara quddiem għajnejja x-xena tiegħu mal-art bil-kuruna tar-rużarju f’idejh. Mill-aħwa baqa’ ż-żgħir, Edward, li ġeneralment imsejjaħ Teddy.

5 Ma kienx faċli għalih. Ried iżomm għoli l-opinjoni tajba li kellu l-poplu tal-familja Kennedy. Huwa daħal fix-xenarju b’piż kbir fuq daru, biss għalkemm bi sfortuna ma rnexxielux ikun il-kandidat demokratiku għall-Presidenza, kien wieħed mill-aktar Senaturi b’saħħithom politikament. Kellu l-abbilta` li jressaq diversi liġijiet ta’ natura soċjali intenzjonati sabiex iżidu l-ġustizzja soċjali u kien ħadem sabiex iż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu aħjar bejniethom. Baqa’ magħruf kemm kien irnexxielu jċaqlaq ‘il quddiem l-aġenda politika demokratika anke taħt presidenzi repubblikani.

6 Il-mewt ta’ dan l-aħħar rappreżentant tal-familja Kennedy jagħlaq kapitlu. Wieħed ta’ tama, kuraġġ u tiġdid li kien irnexxielu jibda kontra kull kurrent John Kennedy. Id-dinja politika Amerikana għandha persuna anqas, tilfet wieħed mill-aħjar elementi li kellha. Barack Obama għandu issa fuqu dan il-piż ukoll li jirnexxielu jegħleb d-diffikultajiet li s-soċjeta` Amerikan għandha u jżomm għoli l-valuri demokratiċi, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li kellha. Ingħalqet parti mill-istorja tagħna.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd 30 t’Awwissu 2009.

TIĠDID TAL-ISPIRTU KOSTITUZZJONALI

1. Ftit xhur ilu l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fid-diskors tas-Sette Giugno għamel numru ta’ punti li għadhom jimmeritaw attenzjoni aktar milli ħadu. Huwa minnu li aħna pajjiż li għandu storja unika. Din swiet u tkompli sabiex fid-diversi mumenti li fihom nieqfu nirriflettu fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Inżommu quddiem għajnejna li mhux biss aħna għandna l-linja partikolari tagħna imma wkoll li għandna missjoni. Ma hemmx dubju li għalkemm niġu kkonsidrati differenti minn pajjiżi oħra, l-festi nazzjonali jservu wkoll biex isiru diskorsi li fihom l-aspett kostituzzjonali tagħna jiġi studjat mill-ġdid.

2. Għax huwa verament interessanti għal dan il-baħar tal-Mediterran li għandna sistema legali unika, distinta u separata. Numru ta’ pajjiżi jsibu lilhom infushom fid-diffikulta` sabiex jifhmu kif fuq dawn il-gżejjer hawn stat separat u distint. Tinduna kontinwament li politiċi f’postijiet oħra ma japprezzawx li aħna għandna indipendenza legali, soċjali u ekonomika li gżejjer oħra bħal Korsika jew Sardenja jew oħrajn ma għandhomx. Ir-riżultat huwa kumulu ta’ ħafna snin u jrid jiġi enfazizzat li għalkemm kien hemm min seta’ beża` meta ħadna l-Indipendenza tagħna, il-fatt li aħna separati swietna mhux biex niċkienu iżda sabiex nikbru.


3. F’ċertu sens l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali għandha turi kemm meta tiddeċentralizza l-poter jikber il-ġid. Illum għandna diversi lokalitajiet li kibru fl-isbuħija għax għandhom Sindku u Kunsilliera ddedikati sabiex jibdlu u jġibu għad-dawl tax-xemx il-patrimonju li għandhom. Għalhekk pajjiżna rnexxilu jikber proprju għax min jgħix fih għandu l-interess dirett li jħaddmu tajjeb. Il-politiku, l-persuna li ġiet mogħtija l-inkarigu li jmexxi għandu l-amor proprju li jagħmel l-affarijiet sewwa u għall-ġid tal-oħrajn u t-tieni, irid jagħti kont elettorali lura lil min ivvutalu ta’ ħidmietu.

4. Il-kliem tajba u meqjusa tal-ispeaker Dr Louis Galea f’dak il-jum jindikaw bl-akbar mod ċar li hemm bżonn ta’ iktar riflessjoni sabiex inħarsu lejn il-futur. F’mument minnhom huwa jgħid “ Illum ilkoll qed ngħixu f’dinja u ħajja totalment differenti, b’ġenerazzjonijiet fil-poplu tagħna li, għall-grazzja t’Alla, issawwru fi żmenijiet ta’ sliem, li ftit li xejn jafu x’jiġifieri l-ġuħ u l-għaks, bil-bibien ġeneralment ugwalment miftuħa għall-edukazzjoni, saħħa u xogħol, b’qafas ta’ servizzi soċjali ħafna minnhom b’tifsila personali, u f’ambjent ta’ splużjoni ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni disinjati u mibnija skond it-teknoloġija rivoluzzjonarja tal-informatika u l-elettronika”. Dan il-paragrafu jkompli f’aktar dettal meta jgħid “F’din id-dinja l-proċess ta’ bidla kontinwa biss hu ċert, fenomenu li minnu nniffsu joħloq l-inċertezza, li llum hi komplikata sew mill-kriżijiet internazzjonali fl-oqsma ekonomiċi, finanzjarji, ambjentali u mill-gwerer u konflitti f’ħafna partijiet tad-dinja li qed iġibu magħhom migrazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ bnedmin lejn kull naħa li jistgħu jsibu l-kenn u l-ħarsien”.

5. Ħassejt li għandi nikkwota fit-tul għax dawk il-kliem ma kienux marbuta f’perijodu speċifiku ta’ żmien, iżda għadhom applikabbli sal-lum. Hemm il-bżonn li naraw x’ qed jiġri fis-soċjeta` tagħna u kif nistgħu nħarsu lejn dak li ser jolqotha fis-snin li ġejjin. Ngħid dan għax numru ta’ drabi jkun hemm min jaħseb li hemm xi mewġa inevitabbli ta’ tnaqqis fil-valuri tas-soċjeta`, ta’ degrad komplet tal-mod ta’ kif il-bnedmin iġibu ruħhom. Mentri r-realta` kontinwa hija differenti. Ma hemmx xi sitwazzjonijiet li ser jiżviluppaw fis-soċjeta` tagħna li ma jistgħux jiġu kontrastati u kombattuti.

6. Id-diffikulta` qiegħda f’kemm dak li jkun huwa ppreparat li flok “jirrassenja” ruħu u konsegwentament iċedi li jikkumbatti anki kontra dak li jista’ jaħseb li huwa kbir wisq għalih. Hemm il-bżonn li nħarsu lejn numru ta’ sitwazzjonijiet fil-ħajja soċjali u ekonomika tagħna. Jekk ma naqbdux lura l-valuri tal-ġustizzja u l-liberta`, nitilfu. Nitilfu għax il-ġlieda bejn dak li huwa sewwa u dak li ma huwiex ma tieqafx. Jew tiġi kombattuta, inkella tintilef awtomatikament. Hija diffiċli żgur mhux forsi li ċċaqlaq lura sabiex il-bilanċ neċessarju bejn il-liberta` u l-ġustizzja jintlaħaq, pero` jkun żbaljat jekk ma jsirx.

7. L-isfida l-kbira għaż-żmien li ġej għal dan is-seklu li aħna bdejna u ħaddieħor ikompli warajna, hija propju din. L-abbilta` li nħarsu lura, nitgħallmu mill-iżbalji li saru u nibnu qafas kostituzzjonali differenti milli għandna. Il-kummenti li l-kapitaliżmu jxandar fuq il-prodotti materjali, fuq oġġetti, ma għandhomx jiġu trasferiti lejn dawk tal-persuna umana. Il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji kummerċjali mhix l-istess bħal dik bejn il-bnedmin. Meta tiltaqa’ ma dikjarazzjonijiet bħal dawk li għamel ċertu Jeremy Harding fl-artiklu fil-London Review of Books “ethical products, like principles, are more expensive, and less profitable, than off-the-shelf alternatives”, tinduna kemm hemm x’tikkumbatti. Għax ħafna drabi narmu barra l-verita` u l-bżonn tagħha. L-influwenza tal-bejgħ, tal-abbilta` li tippromwovi prodott, ġiebet li anki bejnietna huwa leġittimu li wieħed mhux jgħid il-verita` imma l-impressjoni ta’ dik li tista’ tiġi kkonsidrata bħala s-sostitut tagħha.

8. It-tiġdid tal-ispirtu u l-qafas kostituzzjonali li Dr Louis Galea, bħala Speaker, sejjaħ għalih, ma għandux jaqa’ fuq widnejn torox. Hemm lok għal dibattitu tiegħu fi ħdan il-kumitat magħżul tal-Kamra tad-Deputati, pero` jista’ ma jiġix limitat għalih, iżda miftuħ aktar. Ir-realta` hija li ma kull jum nispiċċaw nikkummentaw fuq dak li nkunu għaddejin minnu mingħajr ma nħarsu fit-tul. Dibattitu fuq dan is-suġġett għandu jiftaħ aktar l-orizzonti u jippermetti li nagħtu għal ġenerazzjonijiet futuri, qafas soċjali ferm aktar qawwi milli għandna llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 30 t’Awwissu 2009.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...