6.9.22

FORMOLARJU TAL-MEDIĊINI GĦAS-SAĦĦA MENTALI B’XEJN

  

 

1940. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta s-Sertraline u Xanax se jiddaħħlu fil-Formolarju tal-mediċini li jingħataw b’xejn , liema mediċini jintużaw ta’ kuljum minn ħafna pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

 

22/06/2022

 

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern għandu pjan miftiehem mal-professjonisti speċjalisti fil-psikjatrija biex il-Mediċini li jintużaw fis-saħħa mentali jiddaħħlu fuq il-formularju fis-snin li ġejjin skont il-prijorità klinika deċiża mill-istess speċjalisti. 

 

Seduta  25 

05/07/2022

MARSASKALA - POPOLAZZJONI.

  

 

1939. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jindika l-aħħar statistika li għandu dwar in-numru ta’ residenti li jgħixu fil-lokalità ta’ Marsaskala u l-etajiet tagħhom?

 

22/06/2022

 

  ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar estimi tal-popolazzjoni ta’ Marsaskala, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għandu, hi dik sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-popolazzjoni ta’ Marsaskala hija stmata  għal 15,579, li minnhom 7,239 nisa u 8,340 irġiel. 

 

Seduta  25 

05/07/2022

MARSASKALA – ĦADDIEMA TA’ L-ISKEMA TAL-KOMUNITÀ

  

 

1938. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1172, jista’ l-Kunsill Lokali jindika x’tip ta’ xogħol qed iwettqu s-16-il ħaddiem li huma allokati f’Marsaskala?

 

22/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala illi x-xogħlijiet huma varji u jinkludu fost oħrajn:- tindif u manutenzjoni ta’ latrini, tindif ta’ ġonna, manutenzjoni ta’ toroq u bankini, manutenzjoni tal-ħadid u railings u bankijiet tal-promenade.

 

Seduta  25 

05/07/2022

 

MARSASKALA - TINDIF TAT-TOROQ

 

1937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tindif qed isir, inkluż knis u ħasil ta’ bankini u toroq fil-lokalità ta’ Marsaskala, u kull meta jsir dan ix-xogħol? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm u skeda ta’ dawn ix-xogħlijiet? 

 

22/06/2022

 

  ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħasil tal-promenade ta’ Marsaskala jinqasam f’żewġ partijiet - kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu kmieni. Din l-iskeda tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Settembru (kull ġimgħa kif spjegat). 

 

Seduta  25 

05/07/2022

FGURA - TRIQ IL-KAMPANELLA – ŻBROFF TA’ DRENAĠĠ

  

 

 

1936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1195, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema passi ttieħdu u lil liema entitajiet ġie mgħoddi dan l-ilment u dan bit-tama li x-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

 

22/06/2022

 

 

 

 

 

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 1195.

 

Seduta  25 

05/07/2022

 

FGURA: TRIQ IL-KAMPANELLA – ŻBROFF TA’ DRENAĠĠ.

 

1935. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra liema huma l-entitajiet li qed isiru t-taħdidiet magħhom u jekk il-pjan ta’ tħejjija ġiex finalizzat sabiex ix-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

 

22/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiddiskuti proġetti fl-area indikata ma’ Infrastructure Malta prinċipalment. F’dan l-istadju l-Korporazzjoni qiegħda f'diskussjoni biex tiffinalizza skeda ta' interventi ppjanati li jidħlu fil-proġett ippjanat ta' Infrastructure Malta.

 

Seduta  25 

05/07/2022

Viti, skorfini u turnaviti.

 

1.      Kull Gvern jiġi elett biex jagħmel il-ġid lill-poplu kollu.  Jiġi elett, ċertament, għax jivvutawlu parti minnu, imma wara jrid iwettaq għal kull persuna.  Irid jisma’ u jagħraf dak li għaddej fis-soċjetà, u jimxi b’attenzjoni.  Meta Gvern jitlef l-umiltà u jintilef fis-suppervja u wara fl-arroganza, ma jkunx wieħed ta’ kull ċittadin.  Ikun, anzi, tiegħu nnifsu, li jrid li tgħaddi tiegħu.  Meta, fit-triq żbaljata li jaqbad, jitlef is-smigħ u ma jagħtix widen għal dak li jkun għaddej fis-soċjetà.  L-opinjonijiet varji tal-bnedmin.  Meta l-ideat li wħud għandhom u jsostnu b’argumenti tajba, bażati fuq ir-raġuni jispiċċaw skartati, hemm jiżbalja. 

 

Umiltà

 

2.      Carofiglio Gianrico jgħid li dan huwa proċess importanti fi Gvern: “il passaggio nel quale deferisce proprio la disponibilità all’ascolto come un vero e proprio atto di coraggio.”.  U Enrico Letta, fuq dan jgħid: “Ha ragione ascoltando gli altri siamo disponibili a mettere in discussione noi stessi, noi ci facciamo intrappolare dal nostro ego, non ci perdiamo cavalcando l’onda e rinchiuderci nella bolla.”  Din l-għodda ta’ tmexxija tajba tal-Istat bħalissa hija, iktar minn qatt qabel, mitlufa u skartata.  Sirna iktar pajjiż fejn ftit iridu jisimgħu lill-oħrajn.  Sar kważi kkunsidrat żball politiku li tisma’ lil ħaddieħor.

 

Fil-pajjiż tal-estremi

 

3.      Qegħdin dejjem iktar, fil-pajjiż, fejn trid tkun jew naħa jew oħra.  Kif ngħidu: jew viti, jew skorfini.  Proċess li qiegħed jikber iktar f’dan iż-żmien ta’ dan is-sajf.  Proċess fejn qed ngħixu iktar f’borma tagħli.  Fuq  naħa għandna pajjiż li qiegħed maħkum minn mewġa ġdida ta’ pandemija.  Fuq in-naħa l-oħra, il-Gvern jgħid kemm kollox huwa għan-normal.  Fuq l-oħra, kwantità ta’ bnedmin imsakkra lura f’darhom wara li ġew mill-ġdid infettati.  Fuq naħa oħra, il-Gvern li jgħid kemm kollox miexi tajjeb, u kemm hemm sinjali pożittivi fl-ekonomija.  Fuq l-oħra, poplu li qiegħed iħoss, jum wara jum, il-ħajja togħla.  Fuq naħa, il-Gvern jiddikjara kemm kollox huwa normali fil-ħajja, fuq l-oħra l-pajjiż li jmur il-baħar u jsibu mimli bram bi kwantitajiet qawwija.

 

Reazzjonijiet

 

4.      Is-sitwazzjoni ħierġa sew mill-idejn.  Dak li seħħ f’Kemmuna narah li qiegħed jiġi  njorat, imma huwa parti minn dawn ir-reazzjonijiet.  Dawk li jitolbu aktar attenzjoni.  Għax illum, il-politika t-tajba qed tiġi abbandunata.  Minflok, qed naraw iktar lil dawk li jaqbdu u jitkellmu fuq il-mezzi soċjali.  Fejn hemm, sentenza tinkiteb f’daqqa, kif ħarġet mill-qalb, u l-approvazzjoni ta’ min jaraha tittieħed fi tmien sekondi.  Hemm mewġa qawwija ta’ nuqqas ta’ fiduċja.  Mewġa ta’ bnedmin li jridu jaraw l-affarijiet aħjar milli qed isiru lejn il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni.  Bnedmin li qed jitolbu iktar moderazzjoni u l-kapaċità ta’ mexxejja politiċi li jkunu kapaċi jkunu tornaviti li jgħaqqdu tajjeb, kif għandhom, il-viti mal-iskorfini.

 

Issikkati

 

5.      Imma l-Gvern mhuwiex interessat li jkollu l-pajjiż warajh f’dak li jwettaq.  Huwa iktar li jifred il-viti mill-iskorfini, u fejn kienu diġà magħquda, jara kif jissikkahom sabiex ma jifilħux lilhom infushom.  Hemm varjetà ta’ pożizzjonijiet f’dan.  Bnedmin li mhux ġejjin mill-istess partiti, imma jaqblu fuq prinċipji importanti.  Hemm diversi persuni fis-soċjetà li tkellmu kontra parti mill-aħħar emendi li saru mill-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.  Hemm Laburisti u Nazzjonalisti, mhux ilkoll viti, u anqas, jekk irridu, skorfini.  Nies li jaħsbu u li kitbu u tkellmu għala dak li qiegħed jidħol fil-liġi huwa perikoluż.

 

Vuċijiet importanti

 

6.      Biss, meta titlef l-umiltà li tisma’, tispiċċa tinjora sezzjonijiet kbar fis-soċjetà, ħafna bnedmin intelliġenti u razzjonali.  Tispiċċa, minflok, takkuża biex iċċekken lil ħaddieħor li huwa fundamentalista, mentri inti tkun qiegħed issir forsi ferm iktar massimalista milli tkun qed tinduna.  Tispiċċa ma tagħtix każ rapporti u dokumenti li ġew ippreparati, bħal dawk li l-Knisja Kattolika ppreżentat u ppubblikat.  Tispiċċa tinjora għaqdiet fis-soċjetà ċivili, li għandhom segwitu xejn żgħir.  Tispiċċa ġġib pożizzjonijiet li l-konsegwenzi tagħhom huma qawwija, u daqshekk ieħor iktar kumplikati biex teħodhom lura.  Għax kif nafu, meta tissikka żżejjed, tispiċċa li ma tistax tifred lura l-viti mill-iskorfini, u magħhom, taqla’ l-pjanċa.

 

Kuxjenza nazzjonali

 

7.      Jekk hemm diġà numru ta’ kumplikazzjonijiet ħerġin mill-ħidma ta’ din il-liġi, għaliex għandna nikkumplikawhom iżjed?  Iktar u iktar meta hemm min studja, u jaf li hawn m’għandniex niġru u nipperikolaw. Nissugraw bħala soċjetà li “noħolqu” bnedmin li qegħdin, mill-bidu nett, niskartaw fil-ġenb għax iddeċidejna li huma “inadegwati”.  Persuni bħalna li, terġa’, qed niffriżawhom għall-eternità għax nafu li ebda ġuf m’hu lest li jilqagħhom fih.  Pożizzjoni li ssir illum, imma ser tixħet piż kbir fuq il-kuxjenza nazzjonali.

 

Tornaviti

 

8.      F’dan kollu, huwa ċar kristall li l-Gvern tilef l-abbiltà li jkun dik l-għodda li jifhem fejn, u sa fejn, għandu jasal.  M’għadux, u mhuwiex aktar kapaċi jkun dak it-tornavit li jagħraf iġib lill-partijiet f’daqqa.  Li jagħraf li għandu jgħaqqad is-soċjetà, mhux jifridha.  Li jagħraf li m’għandux jissikka żżejjed.  Tista’ tkun fundamentalista, imma meta ssir massimalista tiżbalja aktar.  Ċertament, il-poplu jippretendi mill-Gvern nazzjonali li t-tmexxija tiegħu la tkun naħa, u anqas oħra.

 

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...