28.12.16

Il-Milied Huwa Jum mill-Isbaħ.


 
1.     Il-Milied huwa jum mimli b’messaġġ qawwi ta’ ferħ.  Hemm min jagħti kas tiegħu u hemm min, għal raġuni jew oħra, le.  Ħafna ma jifhmuhx, oħrajn jintilfu fid-direzzjonijiet tagħhom tiegħu.  Biss, huwa mument fejn hemm min ikollu ftit tal-ħin jaħseb.  Jirrifletti fuq dak li huma għalih il-ferħ, il-ħajja u l-verità.  Bħal dawk li jieqfu japprezzaw u jirringrazzjaw dak li ngħatalhom fl-esperjenza u l-ħajja, u dawk li moħħhom f’dak li m’għandhomx, li jonqoshom u għalhekk iridu aktar.  Għal dawk li, mingħajr ma jindunaw tant jintilfu li anqas għandhom ħin jifhmu dak li għandhom f’idejhom diġà, il-Milied huwa għajnuna.

Pjaċir sempliċi

2.     Il-Milied huwa ferħ, fuq kollox, meta wieħed jorbtu ma’ dak li huwa.  Ma jifirdux mill-bażi, mill-għeruq, mill-fonti nisrani tiegħu.  Ta’ dak il-proċess li bih wieħed jaqta’ barra lilu nnifsu mill-passat, mill-preżent u anki mill-futur veru u sħiħ.  Ma jintilifx f’dak li m’għandux ikun jew dak li jagħraf diġà mill-bidu li ser jidħol għalih u joħroġ minnu b’togħma morra.  Ikliet, festini, rigali, xorb u gula jibnu t-triq lejn iktar distanza minn dak li huwa verament il-pjaċir sempliċi u mingħajr kumplikazzjonijiet tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Sehem attiv

3.     Il-Milied huwa mimli sens u sustanza iktar u iktar ma wieħed jipprepara ruħu għalih.  Iktar ma wieħed jieħu sehem attiv fl-aspett ċentrali tiegħu, dak li jinbena jum wara l-ieħor fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jsiru f’kull rokna ta’ pajjiżna.  X’xorti għandna f’idejna li nistgħu ninġabru f’riflessjonijiet sodi bażati fuq ir-raġuni li jmexxuna lejn għarfien mill-aqwa ta’ dak li aħna u l-iskop sħiħ tagħna.  Fejn iddur fejn iddur issib presepji, wieħed isbaħ mill-ieħor, li jfakkruk u jħajruk tifhem aħjar.  Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna, imma fl-għażliet, fil-lista tal-prijoritajiet nibqgħu nħarsu iktar lejn dak li huwa apparenti milli dak li huwa veru.

Dritt tagħna

4.     Il-Milied huwa wkoll il-mument meta nistgħu napprezzaw li qed ingawdu mid-dritt tal-libertà reliġjuża.  Id-dritt li nistgħu, f’din is-soċjetà demokratika, neżerċitaw liberament il-fidi nisranija tagħna.  Punt li ma nagħtuhx piż kif għandna, f’dinja li qed tara persekuzzjonijiet ġodda li  minnhom irridu nifhmu kemm aħna aħjar.  Għax biżżejjed inħarsu lejn dak li qiegħed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq biex nifhmu li għaddejja gwerra kontra dan id-dritt fundamentali tal-bniedem.  Li saċerdoti, nsara qed jiġu arrestati, vjolentati, maqtula f’mewġa biex teqred u tbeżża’.  Il-forza tal-ħażen tisserva b’dawn l-istrumenti biex taqta’ qalb u kuraġġ is-sewwa.  Biss, tkun xi tkun il-qilla, dejjem hemm is-saħħa tat-tama li tegħleb.

Forza ta’ tama

5.     Il-Milied huwa f’dan għalhekk dejjem forza ta’ tama, anki fl-iktar mumenti li wieħed ikun inklinat jaqta’ qalbu.  Kif jgħallem f’dawn il-jiem saċerdot kattoliku Sirjan Jacqes Mourad, li ġie maħtuf u miżmum minn Daesh (ISIS).  Wara li bl-għajnuna ta’ ħbieb ħarab, qal hekk: “For 83 days, my life hung in the balance.  I feared every day would be my last.  On the 8th day, the governor of Raqqa came to my cell and invitedme to consider my captivity a kind of spiritual retreat.  These words had a great effect on me; I was astonished to see God was able to use even the heart of a high official of ISIS to deliver a spiritual message to me.  This encounter marked a change in my inner life and helped me throughout my imprisonment”.

Semgħu u ma fehmux

6.     Il-Milied iwassal il-messaġġ sħiħ tiegħu bl-għajnuna tagħna.  Hemm esperjenzi iebsa li ngħaddu minnhom li jwassluna iktar viċin.  Hemm ukoll il-frott li wieħed jista’ jirċievi billi jaqra u jgħarbel riflessjonijiet u jifhem l-esperjenzi umani tal-oħrajn.  Diversi jqattgħu parti mill-ftit ħin li jkollhom bi ktejjeb li jdaħħalhom lura fl-ispirtu u jgħallimhom.  Ifissrilhom aħjar il-kitbiet tal-evanġelisti.  Jiftħilhom għajnejhom u widnejhom għal dak li semgħu fil-passat, imma ma fehmux.  Hemm f’din il-parteċipazzjoni ħajja attiva, libera u reliġjuża tal-bniedem f’din is-soċjetà moderna tagħna.

Il-volontà tagħna

7.     Il-Milied m’għandux bżonn ħafna għalhekk biex jiġi apprezzat, biex wieħed igawdi mill-ferħ tiegħu.  Irid il-volontà tagħna, il-parteċipazzjoni sħiħa.  Mourad magħluq fid-dlam fejn ma jridx jingħalaq, kontra l-volontà tiegu sab però d-dawl f’dak li ried fil-libertà tiegħu.  Bħalma fuq in-naħa l-oħra hemm dawk li volontarjament jingħaqdu biex jingħalqu fil-klawsura sabiex isibu l-ferħ, l-iskop u l-paċi tagħhom.  Il-kunventi varji tal-klawsura tas-sorijiet f’pajjiżna huma xiehda ħajja għad-dispożizzjoni tagħna ta’ dawk li jfittxu din it-triq.  Jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà reliġjuża billi jidħlu fejn ikollhom inqas libertà fiżika imma ferm iktar libertà umana.  Dik li fid-dlam tal-jum biha tagħraf iktar il-ferħ jiddi li l-jum tat-twelid ta’ Sidna jwassalna għalih.

Misteru mimli għerf

8.     Il-Milied jibqa’ misteru mimli b’għerf u aktar ma naqrawh, ma mmissuh, iktar jimlina f’dan il-lejl qaddis.  Kif Qaddis Sirjan ta’ sekli ilu, San Efrem, f’kitbietu għandu siltiet twal u sbieħ proprju b’dan.  Kull sentenza twaqqfek taħseb.  Bħal meta jgħid: “Even the Pharisees, sons of darkness, were awake an entire night; the dark ones kept vigil to conceal the incomprehensible light.  Keep vigil as bright oneson this bright night; for even if its colour is black, still it is splendid in its power.  One who splendidly watches and prays in the darkness is wrapped in hidden brilliance in the midst of this visible darkness”.

Tradizzjoni ħajja

9.     Il-Milied huwa wkoll ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet ħajja tagħna.  Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna li għandna nagħmlu ħilitna biex ma nitilfuhx.  Għandna nkunu xhieda ma’ oħrajn biex il-wirt li rċevejna ngħadduh tajjeb lil dawk li ġejjin warajna.  F’dan għalhekk nittama li waqt li intom qegħdin taqraw din il-kitba, diġà smajt il-kant tat-tfal għaddejjin fil-purċissjoni lis-soċjetà tal-MUSEUM jorganizzaw tant tajjeb u li lħaqt ipparteċipajt fil-quddies ta’ nofs il-lejl li s-soriejiet tereżjani jaqsmu.  F’dan, u b’dan l-ispirtu nsellem u nawgura minn qalbi l-Milied u s-Sena t-Tajba lilek Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna u dawk kollha li jsostnu l-ħidma u l-qari ta’ kitbietna.

        

22.12.16

Problemi Soċjali.


 
1. Wasalna issa lejn tmiem sena li timmarka l-aħħar tar-raba’ waħda minn din l-legislatura. Warajna għandna xhur li tagħhom din l-amministrazzjoni għandha l-piz tar-responsabbilità tagħhom. Kemm għandha għarfien ta’ dak li huwa għaddej minnu l-poplu, diversi għandhom id-dubbji tagħhom. Hemm figuri ekonomiċi li ħadd ma jipprova jmerihom u fuq n-naħa l-oħra qed naraw iktar komplikazzjonijiet soċjali milli kellna qabel. Id-differenza bejn min għandu u min m’għandux qed tinbidel u tikber. Jidher ċar li m’aħniex nifhmu biżżejjed il-qies u l-effett ta’ dak kollu li għaddejjin minnu.

Diskors presidenzjali
2. F’din il-ġimgħa kellna diskors proprju fuq dan f’Jum ir-Repubblika. Wieħed li fih iktar piż u qawwa minn qabel mill-President tar-Repubblika.  Diskors immirat sabiex imiss direttament mal-problemi u l-kwistjonijiet soċjali li qegħdin jiġu ffaċċjati mill-pajjiz fil-mument tal-lum. Dak li qalet il-President għandu forza morali li ċaqlaq diversi biex jaqblu u fl-istess ħin japprezzaw li għad hawn vuci għolja li tagħti każ. Tagħti każ ta dak li qed jinħass kull ġurnata minn ħafna li qegħdin fil-parti t’isfel fis-soċjeta. Minn dak li smajt u qrajt ma nistax ma naqbilx mal-kontenut tiegħu.

Mhux konvenjenti
3. Saru numru ta’ passi mis-soċjetà ċivili sabiex min huwa fil-faqar jew qiegħed imiss jingħata għajnuna. Saru proposti. Fuq kollox tqajjmu punti li matul il-ġimgħa l-mezzi tal-aħbarijiet ma tantx ikunu interessati jsemmgħu. Biss anki jekk m’huwiex konvenjenti xorta dawn l-problemi hemm jinsabu. Għax fir-realtà miżuri leġislattivi sodi li jbiddlu l-perkors tal-eventi ma għandniex. Qegħdin minflok naraw kif ħaġa qed ġġib lill-oħra. Kif min jaħdem qiegħed isib ruħu f’sitwazzjoni fejn il-paga minima jew taħt tiegħu titnaqqar. Il-ħajja qed tgħola fil-mekkaniżmi soliti tagħha. Is-suq f’dan qiegħed isir iktar wieħed indirizzat li jservi u jwieġeb għall-bżonnijiet ta’ dawk li għandhom u li jifilħu jixtru.

Repubblika ġusta
4.Fost  dan id-diskors laqatni partikolarment l-attenzjoni li l-President tat fil-konfront ta’ min għandu bżonn saqaf fuq rasu. Hija qalet hekk “Ħolqa importanti fil-katina tal-ġustizzja soċjali hija l-akkomodazzjoni. Repubblika ġusta ma tittollerax sitwazzjonijiet fejn familji differenti jiċċaħħdu mill-privatezza tagħhom għax ikollhom jgħixu flimkien, għax il-kirja hija għolja wisq għalihom jew, agħar minn hekk, fejn familji jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.” Din m’hix fantażija. Hija r-realtà. Bil-miżuri politiċi li ttiehdu f’dawn is-snin qed naraw żieda qawwija fil-kirjiet. Is-suq ġie liberalizzat u fuqu dan żdiedu l-piżijiet fuq dawk l-iktar l-isfel li jkollhom bżonn jikru. Il-prezzijiet ogħolew direttament sija bl-iskema tal-bejgħ tac-cittadinanza kif ukoll bit-tassazzjoni diretta.

Realtà ġdida
5. Għandha raġun il-President ħafna qed isibu li minn sittin sa sebgħin fil-mija tas-salarju tagħhom qiegħed xahar wara xahar jgħaddi għand idejn sid il-kera. Qed jintlaqtu diversi setturi soċjali f’dan fosthom dawk li għal raġuni jew oħra spiċċaw żgumbrati minn darhom, dawk li qed jgħixu għal rashom, u speċjalment dawk li huma separati. Ir-realtà ġdida hija li s-suq tal-kirjiet sar nieqes minn ruħ soċjali. Mhux biss, imma diversi fejn l-ispazju jippermetti qed jerġgħu jmorru lura jgħixu mal-ġenituri rispettivi tagħhom. Il-liberaliżmu tas-suq tal-kera waħdu diġà diffiċili imma b’dak li wettaq dan i-Gvern mar fid-direzzjoni li jgħakkes lil min m’għandux.

Kontro-miżuri
6. Dan aggrava iktar f’dawk il-mijiet ta’ persuni li sabu ruħhom bl-għajnuna soċjali li kienu jirċievu maqtugħa u terġa bl-aggravju li l-appelli tagħhom għadhom pendenti. Il-forzi li daħlu fl-operazzjoni kontra dawk li kienu jgħixu f’postijiet zgħar ħafna b’dawn l-kirjiet fix-xahar huma ferm kbar. Ferm iktar qawwija mill-kontro-miżuri l-ewwel ta’ sussidji għola jew inkella tal-ħolma ta’ sidien li jidħlu għall-kuntratt ta’ seba snin biex jitilfu iktar mid-dħul ċert li għandhom illum. Dawn m’ humiex sitwazzjonijiet li ser isolvu ruħhom jew li t-trapass taż-żmien ser itaffi. Li huwa żgur huwa li l-pressjoni soċjali qed tikber u m’ hemmx dak is-sens urġenti da parti tal-Gvern biex din tonqos.

Sejrin lura
7.  Morna u sejrin lura għal dak li kellna sekli qabel meta l-problemi marbuta mas-suq tal-kirjiet kienu kbar. Hemm lezzjonijiet passati li ġew injorati kompletament u issa ngħidu x’ngħidu daqt jerġgħu jiġu f’idejna biex l-intoppi tal-lum jiġu konfrontati bil-mod li ġew qabel.  Il-punt tat-tluq għall-liberalizzazzjoni kien b’reazzjoni għal dak li kien hemm tul seklu preċedenti. Fejn wasalna huwa lura fejn konna qabel bdejna. F’dan kollu miżuri ġodda differenti li jgħinu lil min huwa min taħt m’aħniex naraw. Ma hemmx żiediet fil-pagi jew fil-benefiċċji kif hemm verament bzonn tagħhom. Minflok qed naraw zieda qawwija fil-kirjiet fejn hemm min qiegħed jirraguna li l-kaxxa ta’ pajjiżna qed tieħu parti sew minnha.

Iktar serjetà
8. Biex inżidu u nifhmu iktar il-gravità tal-pożizzjoni rridu nsemmu żgur li kellna persuna li m’hix Maltija li kienet qedha tgħix barra u tilfet ħajjitha. Ħafna semmgħu leħinhom ġustament fuq dan għax għal snin twal minkejja il-komplikazzjonijiet li kellna, każ bħal dan ma rajniex. Id-dinja tibqa però ddur. U fl-aħħar ta’ din is-sena ngħalquha f’kampanji varji biex niġbru għal skop jew għal ieħor. Ngħalquha wkoll b’riflessjoni fuq ġrajjet il-Milied Imqaddes. Fejn nerġgħu nismgħu l-vanġeli fil-quddies. Fejn niftakru u f’dan nikkunslaw ukoll li missierna San Ġużepp huwa u jdur b’mara li waslet fl-aħħar tat-tqala tagħha sab diversi bibien magħluqin. Fejn beda l-ħajja tal-familja f’għar miftuħ għall-elementi.

Inħarsu l-quddiem u nittamaw li fis-sena li ġejja dawn l-problemi soċjali jittieħdu b’iktar serjetà.       

15.12.16

Ta’ Taħt Fuq.


1.      Ma’ kull ġimgħa nsibu biċċiet ta’ informazzjoni interessanti.  Fatti u analiżi tagħhom li jafu jgħinuna niddixxernu aħjar.  Nifhmu iktar dak li qed inwettqu u r-riżultati tagħhom.  Minnhom, f’numru sew ta’ drabi, insibni nkejjel u nara li qisna rridu naqilbu d-dinja ta’ taħt fuq.  Flok nimxu bl-ordni soċjali naturali u normali rridu nimponu ordni materjali u ekonomiku li huwa kontra l-bniedem.  Nivvintaw sistemi ġodda, ħafna drabi bbażati fuq intenzjonijiet li jidhru retti li fil-prattika, però, iservu sabiex iġibu fis-seħħ il-kuntrarju ta’ dak li trid sewwasew is-soċjetà tagħna. Fir-realtà nara li ħafna jinjoraw snin ta’ esperjenzi umani u jaħsbu li qed jivvintaw ir-rota mill-ġdid.


L-importanza tal-familja



2.      F’dan il-mod partikolari qed naraw kif l-importanza tal-familja qegħda tmur lura.  Il-prijoritajiet soċjali tagħna hawn qed iċedu lura għal oħrajn, bażati fuq prinċipji totalment ekonomiċi.  Flok noħolqu strutturi diretti biex isostnu ‘l-koppji li jridu li jkollhom u jrabbu l-ulied huma, qed immorru minflok f’miżuri li jħajruhom ma jkollhomx tfal.  Il-messaġġ huwa li ma jaqbillekx tibni familja u li jkollok it-tfal.  F’rapport reċenti tal-Eurostat dwar il-faqar fis-soċjetà tagħna ġie rappurtat hekk: “Fil-fatt ir-rapport jgħid li għal kull tarbija addizzjonali li jkollha l-familja, iċ-ċans li l-mara jew agħar minn hekk il-familja kollha tispiċċa fil-faqar dejjem jiżdied.  Dan jiġi kkawżat mill-fatt li fil-familja tidħol persuna oħra li trid tiġi mitmugħa, iżda jonqos iċ-ċans tal-mara biex tmur taħdem”.  Kliem li jitkellmu waħedhom u juru d-direzzjoni li sfortunatament qbadna.



Għaqda u stabilità



3.      Dan huwa messaġġ li jistona u jmur kontra l-ħajja u t-tagħlim ta’ missirijietna.  Ngħid dan għax ta’ qabilna fil-Kodiċi Ċivili tagħna, fit-tieni artikolu tiegħu, u għalhekk fuq quddiemnett, b’viżjoni ċara jiddikjara li l-liġi għandha tippromwovi l-għaqda u l-istabilità fil-familja.  Mentri b’dak li qed naraw qed ngħidu li l-bnedmin m’għadhomx hemm biex jibnu familja, imma biex iservu bħala strumenti ekonomiċi.  Għalhekk, b’dak li qed isir, il-mara qed naraw biss kif inħajruha li jaqblilha biss toħroġ taħdem.  Għalhekk, fl-istess ħin qed nara li qed nibgħatulha l-messaġġ li m’għandhiex ikollha tfal, li għalhekk huma ġustifikati miżuri li jwaqqfu, jew agħar, joqtlu fil-ġuf u li m’għandhiex tkun preżenti biex trabbi.



In Family Benefit



4.      Din l-esperjenza umana turi li huwa żbaljat u għandna nibnu minflok strutturi u miżuri li jmorru l-kontra.  Għax l-esperjenza umana f’dawn il-gżejjer, u anki barra, turi li l-istabilità u l-għaqda fil-familji l-ġid lill-bnedmin u lis-soċjetà jagħmlu.  Għax dawn huma prinċipji, valuri nsara, però huma wkoll universali għax diversi huma l-komunitajiet u reliġjonijiet oħra fid-dinja li jaqblu magħhom perfettament.  Fejn ikun hemm familji stabbli, ikun hemm iktar paċi fis-soċjetà u inqas problemi oħra li jmorru l-kontra.  Proprju għalhekk li għandna nibnu benefiċċji u assistenzi li jissudaw lill-familja.  Miżuri li bihom is-soċjetà tgħaddi pakketti aktar ġenerużi f’għajnuna soċjali lil min għandu t-tfal f’forom ta’ In Family Benefits.  Fejn il-prijorità tkun fl-għarfien tal-valur tal-familja u tat-trobbija tal-ulied, huma kemm huma.

Il-miżuri attwali



5.      Quddiem dan però, ċertament b’intenzjonijiet tajba imma mhux neċessarjament b’sens tajjeb tal-pedamenti etiċi li jwettqu s-sewwa, għandna miżuri ġoda li jsir diskors varju fuqhom.  Waħda hija ċ-childcare centres li m’għandhomx bżonn spjegazzjoni, u l-oħra dik imsejħa “In Work Benefit”.  Hemm koppja tirċievi assistenza mill-Istat sakemm hija taqla’ bejn 10,000 u 24,000 ewro u fejn l-inqas waħda ddaħħal 3,000 ewro u jkollhom tfal taħt it-23 sena.  Sistema li hija bażata fuq il-ħsieb li jekk il-mara, flok toqgħod id-dar trabbi ‘l-ulied toħroġ taħdem, allura tiġi benefikata minn ammonti li jvarjaw bejn 100 sa 1,200 ewro.  Minnha jidher li hemm 1,600 persuna li bbenefikaw bi ħlas komplessiv ta’ 1,800,000 ewro li juru li kellha ċertu effett. Però, minn dak li smajt direttament jidher, l-ewwel li l-għajnuna mhix adegwata biżżejjed, u t-tieni mhix qegħda tasal għand iktar persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tal-pajjiż u li, terġa’, ma jistgħux joħorġu jaħdmu.



Fejn qed jinħoloq ix-xogħol



6.      Il-prinċipju li nisimgħu li qed imexxi dawn il-miżuri huwa li huma ġustifikati fuq il-bżonn li noħorġu iktar nisa, sija jekk miżżewġa, sija jekk le, jaħdmu.  Kemm dan qed jirnexxi, ma naqbilx ma l-istampi daqshekk sbieħ li jingħadu mill-Gvern tal-ġurnata.  Effetti kellu, biss mhux kif qed jiġi mpinġi.  Ngħid dan għax għandi dubju fuq kemm mit-23,300 post full-time li ġew irrappurtati li l-ekonomija ġġenerat, dawn inħolqux għall-Maltin, jew aqwa, għan-nisa.  Dan quddiem il-fatt li kellna żieda qawwija ta’ ħaddiema barranin ta’ minn madwar 8,000 fl-2012 għal 31,500 llum.  Li hemm iktar ċar huwa li għandna żieda fil-part-timers fejn numru ta’ rapporti jindikaw li dawn huma postijiet okkupati min-nisa fl-iskali l-inqas għolja.



Pressjonijiet ekonomiċi



7.      F’dan hemm, fil-ħajja ta’ kull ġurnata r-realtà li l-koppji llum, sija miżżewġa, kif ukoll le, qed isibu iktar pressjonijiet ekonomiċi fuqhom.  Għandna iktar ħaddiema li m’humiex jaqbżu l-paga minima nazzjonali, u li jridu jidħlu għal iktar xogħol part-time biex ikampaw.  Fl-istess ħin għandhom diffikultà biex isibu fejn jgħixu.  Il-kirjiet ilkoll nafu li żdiedu għal raġunijiet varji, l-iktar għax daħlu miżuri fiskali li fihom il-kont għadda f’ħoġor l-inkwilin.  Inqas persuni fuq naħa ma jistgħux ilaħħqu ma’ self bankarju, u fuq l-oħra għandhom il-kuraġġ jidħlu għalih.  Fl-istess ħin qed isibu li b’dak li jaqilgħu ma jistgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kull ġurnata, li lkoll jipproduċu ukoll inqas stabilità fis-soċjetà, iktar separazzjonijiet, divorzji, persuni li jippreferu ma jkollhomx ulied u oħrajn li jgħixu għal rashom.



Fejn qed nikkonċentraw?



8.      F’dan għandna nieqfu naħsbu u nistaqsu jekk kemm-il darba d-direzzjoni tal-Istat hix waħda li tolqot fis-sewwa.  Għandna, quddiem dawn ir-riżultati, nibdlu l-prijoritajiet u naraw jekk flok nassiguraw li nagħmlu iktar pressjoni fuq il-koppja billi ninsistu li l-mara toħroġ taħdem bilfors, jew għandna nikkonċentraw biex ngħinu iktar lill-koppji biex jibnu u jrabbu aħjar il-familja tagħhom?  Nafu lkoll li l-esperjenza fid-dinja u f’dan il-poplu hija kostantement pożittiva meta l-ulied ikollhom il-ġenituri iktar id-dar magħhom fit-trobbija u li jiġbruhom u jilqgħuhom lura wara l-iskola.



Naraw id-dinja f’dik li hi



9.      Proprju f’jum iċ-ċelebrazzjoni tal-Immakulata Kunċizzjoni, insostni iktar li dawn l-esperjenzi m’għandniex naħirbuhom, imma nibnu u nsostnu iktar fuqhom.  Dawn huma l-pedestalli soċjali li m’għandniex inżarmaw.  Il-familja, mill-esperjenza umana tibqa’ waħda determinanti għall-għaqda u l-istabilità fis-soċjetà fis-setturi kollha tagħha.  Nagħmlu tajjeb jekk ngħinu u ninvestu iktar fiha u nibdew ngħaddu benefiċċju soċjali għal min jibqa’ d-dar jieħu ħsieb il-kura u l-kustodja taċ-ċittadini futuri tagħna.  Nerġgħu nibdew naraw id-dinja f’dik li hija trid, u mhux inkomplu naqilbuha ta’ taħt fuq.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...