6.12.16

Il-Vot Kattoliku


 
1.      Diversi għadhom, sallum għadhom ma jistgħux jifhmu kif fl-aħħar tal-ġurnata ġie elett Donald Trump bħala President futur tal-Istati Uniti tal-Amerika.  Inkitbu u ser jibqgħu jinkitbu artikoli.  Saru diversi dibattiti u diskussjonijiet f’pajjiżna, kif ukoll rajna u smajna din il-ġimgħa.  L-animi jitqanqlu u l-bnedmin jerġgħu jwieġbu għas-sejħiet primordjali tagħhom.  Biss, hemm diversi elementi li tressqu quddiem oġġettivament, mingħajr il-passjonijiet.  Fost dawn ħareġ b’mod mill-iktar ċar li Trump irnexxielu jikseb iktar minn Hillary Clinton il-vot kattoliku.

Żball strateġiku

2.      Fil-fatt, irnexxielu jerġa’ jiġbed lura dak li Barack Obama kien ħa lura mingħand George Bush qablu.  F’dak il-poplu, fejn il-bidu tiegħu kien mimli b’denominazzjonijiet protestanti varji, illum il-ġurnata l-kattoliċi żdiedu sew.  Proprju għalhekk li x’qal Trum dwar il-kwistjoni verament taħraq tal-abort jidher ċar li ġie apprezzat ferm iktar minn dak l-elettorat mill-indifferenza u r-ras iebsa ta’ Clinton.  Jidher ċar mir-riżultati li fl-istrateġija tal-Partit Demokratiku, il-vuċi u l-opinjoni tal-vot kattoliku ma ġewx apprezzati biżżejjed.  F’dak il-pajjiż avvanzat, għal min isegwi, hemm għaddejja ġlieda favur il-valuri nsara li kien żball strateġiku li ġiet skartata.

Abbandun tal-pedamenti

3.      Il-ġlieda għall-valuri nsara mhix f’din id-dinja tal-lum faċli.  Biss, għal min jiddikjara ruħu li jemmen jaf ukoll li jrid iwettaqha.  Jaf li jrid ikun skomdu u jqajjem kwistjonijiet marbuta mal-familja, maż-żwieġ, mal-abort u diversi suġġetti oħra attwali.  Anzi, kif qed naraw, ħafna qed jesprimu l-opinjoni li l-mezzi tradizzjonali li kienu qabel jgħarfu din il-pożizzjoni llum tbiddlu u minflok qed jaġixxu l-kontra.  Kontra li jagħtu widen lill-vuċi kattolika, u kompletament il-kontra tal-valuri kattoliċi.  Hemm għeluq ta’ bibien, kif ukoll tkasbir lejn min jesprimi ruħu fil-bżonn tas-sewwa u li ma jiġux abbandunati l-pedamenti li jagħmlu s-soċjetajiet demokratiċi tagħna wkoll.

Konfużjoni liberali

4.      Il-partiti Ewropej li qabel kienu jirrappreżentaw il-vuċi kattolika rajnihom jgħaddu minn ħafna.  Uħud sparixxew.  Oħrajn naqqsu mill-kunsensi popolari tagħhom.  Dawk li baqgħu partiti li fihom hemm rikonoxximent u attenzjoni tal-valuri nsara u ma marrux għall-forom varji ta’ pragmatiżmu liberali, fil-fatt żammew.  L-isfida wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin nafu li kienet kibret, biss il-pożizzjoni għadha f’ħafna sens l-istess illum.  Dan għax il-kurrenti fil-gazzetti qed iwasslu lil xi wħud jaħsbu li jekk ma jmorrux lejn il-konfużjoni tal-liberaliżmu, mhux ser iżidu fil-voti.  Mentri l-affarijiet huma proprju l-kontra, kif l-istess elezzjoni amerikana turi.  Għax aktar ma partit jibqa’ sħiħ u ċar f’dak li jemmen, iktar jibqa’ sod f’għajnejn l-elettorat, sija dak li jaqbel miegħu fuq kollox, kif ukoll le.

Kunsens popolari

5.      F’pajjiżna, is-sitwazzjoni elettorali mhix wisq ‘il-bgħid.  Fuq dawn il-gżejjer għad hawn maġġoranza li trid u tippretendi li partit politiku ikun parti u jħaddan il-valuri nsara.  Għax dawn il-valuri ma jiċċaqilqux.  Valuri li ma jinxtrawx.  Jista’ jkun hemm min f’għemilu jew fil-ħidma politika tiegħu jinjorahom, biss dan ma jfissirx li nbidlu jew saru irrelevanti.  Għad hawn votanti li jħarsu lejn il-fatt li hemm liġi iktar suprema minn dik tal-bniedem, li forsi mhix miktuba fil-kotba tal-liġi imma li tinsab f’qalbu.  Kull liġi, biex tirnexxi trid tiġi aċċettata, trid li jkollha warajha l-kunsens popolari.  Meta dan ma jkunx hemm, allura jibqa’ jkun hemm reżistenza qawwija għaliha.  Kif jidher ċar li hawn preżentement għal numrut a’ liġijiet li qed jitressqu.

M’għandux jiġi injorat

6.      Minn dak li l-poplu jiddikjara, jidher ċar li għalih il-Gvern preżenti qiegħed juri b’azzjonitu li l-vot kattoliku m’huwiex importanti għalih.  Qiegħed jiġi injorat u f’ħafna mumenti hemm min qiegħed iħoss li qiegħed jiġi mkasbar u mżeblaħ.  Li anzi ma jistax jitkellem għax il-maġġoranza parlamentari saret waħda li tmur il-kontra ta’ dawn il-valuri.  Mexxejja u partiti oħra għamlu dan qabel.  Illum qegħdin barra mill-poter proprju għax il-vot kattoliku mar deċiżament kontra tagħhom.  Dak li għadda minnu l-Partit Soċjalista Spanjol, dak li għadda minnu l-Partit Demokratiku Amerikan huwa eżempju ċar.  Ir-realtà politika hija dik u jkun żball jekk jiġi njorat.

Vot determinanti

7.      F’dawn is-snin, fil-Kamra tad-Deputati ħadt ħsieb li dawn il-lezzjonijiet ma ninjorahomx.  L-ewwel għax kont, għadni u beħsiebni nibqa’ demokratiku kristjan.  It-tieni, għax il-formazzjoni politika tajba li kelli urietni li fiż-żmien dak kollu li sar u ġie bbażat minni jew minn oħrajn fuq il-prinċipji etiċi nsara rnexxa u baqa’ jwettaq il-ġid sallum.  It-tielet, għax minn qari tal-istorja tal-ħajja tal-bniedem, taċ-ċiviltajiet varji, dawn il-prinċipji baqgħu uniċi, sodi u li jibqgħu jagħtu direzzjoni.  Din l-esperjenza personali u diretta mhix tiegħi biss, mhix unika għalija, anzi kif nara u nisma’ hija hekk għal diversi oħra.  M’għandix dubju li ser ikun huwa li ser jiddeċiedi.  Daqshekk ieħor għalhekk għandu joqgħod attent min qed jaħseb żbaljatament li fl-elezzjoni li ġejja dan kollu mhux ser ikun determinanti.  U jekk il-Gvern qiegħed jinjora l-vot kattoliku, aħna mhux biħsiebna nagħmlu dan.



1 comment:

Unknown said...

I totally agree with all that has been said here .
We need people like you to keep the PN the Christian Democratic Party it has always been , and not allow it to be hi-jacked by the neo-liberal elements within .
You and others who share your values , are our only hope in a country which gas become increasingly hostile to Christianity and its values .
Keep up your good work , and be assured of our prayers so that Malta will remain a country blessed by Our Lady as it has always been till now , for our children and future generations .

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...