28.12.16

Il-Milied Huwa Jum mill-Isbaħ.


 
1.     Il-Milied huwa jum mimli b’messaġġ qawwi ta’ ferħ.  Hemm min jagħti kas tiegħu u hemm min, għal raġuni jew oħra, le.  Ħafna ma jifhmuhx, oħrajn jintilfu fid-direzzjonijiet tagħhom tiegħu.  Biss, huwa mument fejn hemm min ikollu ftit tal-ħin jaħseb.  Jirrifletti fuq dak li huma għalih il-ferħ, il-ħajja u l-verità.  Bħal dawk li jieqfu japprezzaw u jirringrazzjaw dak li ngħatalhom fl-esperjenza u l-ħajja, u dawk li moħħhom f’dak li m’għandhomx, li jonqoshom u għalhekk iridu aktar.  Għal dawk li, mingħajr ma jindunaw tant jintilfu li anqas għandhom ħin jifhmu dak li għandhom f’idejhom diġà, il-Milied huwa għajnuna.

Pjaċir sempliċi

2.     Il-Milied huwa ferħ, fuq kollox, meta wieħed jorbtu ma’ dak li huwa.  Ma jifirdux mill-bażi, mill-għeruq, mill-fonti nisrani tiegħu.  Ta’ dak il-proċess li bih wieħed jaqta’ barra lilu nnifsu mill-passat, mill-preżent u anki mill-futur veru u sħiħ.  Ma jintilifx f’dak li m’għandux ikun jew dak li jagħraf diġà mill-bidu li ser jidħol għalih u joħroġ minnu b’togħma morra.  Ikliet, festini, rigali, xorb u gula jibnu t-triq lejn iktar distanza minn dak li huwa verament il-pjaċir sempliċi u mingħajr kumplikazzjonijiet tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Sehem attiv

3.     Il-Milied huwa mimli sens u sustanza iktar u iktar ma wieħed jipprepara ruħu għalih.  Iktar ma wieħed jieħu sehem attiv fl-aspett ċentrali tiegħu, dak li jinbena jum wara l-ieħor fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jsiru f’kull rokna ta’ pajjiżna.  X’xorti għandna f’idejna li nistgħu ninġabru f’riflessjonijiet sodi bażati fuq ir-raġuni li jmexxuna lejn għarfien mill-aqwa ta’ dak li aħna u l-iskop sħiħ tagħna.  Fejn iddur fejn iddur issib presepji, wieħed isbaħ mill-ieħor, li jfakkruk u jħajruk tifhem aħjar.  Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna, imma fl-għażliet, fil-lista tal-prijoritajiet nibqgħu nħarsu iktar lejn dak li huwa apparenti milli dak li huwa veru.

Dritt tagħna

4.     Il-Milied huwa wkoll il-mument meta nistgħu napprezzaw li qed ingawdu mid-dritt tal-libertà reliġjuża.  Id-dritt li nistgħu, f’din is-soċjetà demokratika, neżerċitaw liberament il-fidi nisranija tagħna.  Punt li ma nagħtuhx piż kif għandna, f’dinja li qed tara persekuzzjonijiet ġodda li  minnhom irridu nifhmu kemm aħna aħjar.  Għax biżżejjed inħarsu lejn dak li qiegħed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq biex nifhmu li għaddejja gwerra kontra dan id-dritt fundamentali tal-bniedem.  Li saċerdoti, nsara qed jiġu arrestati, vjolentati, maqtula f’mewġa biex teqred u tbeżża’.  Il-forza tal-ħażen tisserva b’dawn l-istrumenti biex taqta’ qalb u kuraġġ is-sewwa.  Biss, tkun xi tkun il-qilla, dejjem hemm is-saħħa tat-tama li tegħleb.

Forza ta’ tama

5.     Il-Milied huwa f’dan għalhekk dejjem forza ta’ tama, anki fl-iktar mumenti li wieħed ikun inklinat jaqta’ qalbu.  Kif jgħallem f’dawn il-jiem saċerdot kattoliku Sirjan Jacqes Mourad, li ġie maħtuf u miżmum minn Daesh (ISIS).  Wara li bl-għajnuna ta’ ħbieb ħarab, qal hekk: “For 83 days, my life hung in the balance.  I feared every day would be my last.  On the 8th day, the governor of Raqqa came to my cell and invitedme to consider my captivity a kind of spiritual retreat.  These words had a great effect on me; I was astonished to see God was able to use even the heart of a high official of ISIS to deliver a spiritual message to me.  This encounter marked a change in my inner life and helped me throughout my imprisonment”.

Semgħu u ma fehmux

6.     Il-Milied iwassal il-messaġġ sħiħ tiegħu bl-għajnuna tagħna.  Hemm esperjenzi iebsa li ngħaddu minnhom li jwassluna iktar viċin.  Hemm ukoll il-frott li wieħed jista’ jirċievi billi jaqra u jgħarbel riflessjonijiet u jifhem l-esperjenzi umani tal-oħrajn.  Diversi jqattgħu parti mill-ftit ħin li jkollhom bi ktejjeb li jdaħħalhom lura fl-ispirtu u jgħallimhom.  Ifissrilhom aħjar il-kitbiet tal-evanġelisti.  Jiftħilhom għajnejhom u widnejhom għal dak li semgħu fil-passat, imma ma fehmux.  Hemm f’din il-parteċipazzjoni ħajja attiva, libera u reliġjuża tal-bniedem f’din is-soċjetà moderna tagħna.

Il-volontà tagħna

7.     Il-Milied m’għandux bżonn ħafna għalhekk biex jiġi apprezzat, biex wieħed igawdi mill-ferħ tiegħu.  Irid il-volontà tagħna, il-parteċipazzjoni sħiħa.  Mourad magħluq fid-dlam fejn ma jridx jingħalaq, kontra l-volontà tiegu sab però d-dawl f’dak li ried fil-libertà tiegħu.  Bħalma fuq in-naħa l-oħra hemm dawk li volontarjament jingħaqdu biex jingħalqu fil-klawsura sabiex isibu l-ferħ, l-iskop u l-paċi tagħhom.  Il-kunventi varji tal-klawsura tas-sorijiet f’pajjiżna huma xiehda ħajja għad-dispożizzjoni tagħna ta’ dawk li jfittxu din it-triq.  Jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà reliġjuża billi jidħlu fejn ikollhom inqas libertà fiżika imma ferm iktar libertà umana.  Dik li fid-dlam tal-jum biha tagħraf iktar il-ferħ jiddi li l-jum tat-twelid ta’ Sidna jwassalna għalih.

Misteru mimli għerf

8.     Il-Milied jibqa’ misteru mimli b’għerf u aktar ma naqrawh, ma mmissuh, iktar jimlina f’dan il-lejl qaddis.  Kif Qaddis Sirjan ta’ sekli ilu, San Efrem, f’kitbietu għandu siltiet twal u sbieħ proprju b’dan.  Kull sentenza twaqqfek taħseb.  Bħal meta jgħid: “Even the Pharisees, sons of darkness, were awake an entire night; the dark ones kept vigil to conceal the incomprehensible light.  Keep vigil as bright oneson this bright night; for even if its colour is black, still it is splendid in its power.  One who splendidly watches and prays in the darkness is wrapped in hidden brilliance in the midst of this visible darkness”.

Tradizzjoni ħajja

9.     Il-Milied huwa wkoll ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet ħajja tagħna.  Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna li għandna nagħmlu ħilitna biex ma nitilfuhx.  Għandna nkunu xhieda ma’ oħrajn biex il-wirt li rċevejna ngħadduh tajjeb lil dawk li ġejjin warajna.  F’dan għalhekk nittama li waqt li intom qegħdin taqraw din il-kitba, diġà smajt il-kant tat-tfal għaddejjin fil-purċissjoni lis-soċjetà tal-MUSEUM jorganizzaw tant tajjeb u li lħaqt ipparteċipajt fil-quddies ta’ nofs il-lejl li s-soriejiet tereżjani jaqsmu.  F’dan, u b’dan l-ispirtu nsellem u nawgura minn qalbi l-Milied u s-Sena t-Tajba lilek Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna u dawk kollha li jsostnu l-ħidma u l-qari ta’ kitbietna.

        

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...