6.12.16

Kattoliċi u Luterani.





1.      Għalkemm għaddew is-sekli, il-bnedmin għadhom weqfin marbuta ma’ pożizzjonijiet reliġjużi.  Nuqqas ta’ qbil reliġjuż li sfortunatament welled u għadu sallum kaġun ta’ gwerer, konflitti u nuqqas ta’ ftehim.  L-Ewropa kellha l-esperjenzi iebsa u koroh tagħha.  F’pajjiżi oħra, kif qed naraw, hemm min qiegħed f’dan l-istat għax is-Sunni u x-Xiiti jibqgħu ma jaqblux.



2.      Ftit jiem ilu rajna quddiemna ċerimonja li għal uħud għaddiet mingħajr ma tawha wisq importanza, li però hija pass kbir għall-umanità.  Dan il-Papa Franġisku, fil-ħidma dinamika u kostanti tiegħu, mar fl-Isvezja ġewwa Malmö.  Dan sabiex jiċċelebra u jieħu sehem flimkien mal-Knisja Luterana fil-ħames mitt anniversarju mir-riforma luterana.



3.      F’dawn l-aħħar ħamsin sena, proprju mill-Konċilju Vatikan it-Tieni, beda proċess differenti.  Minn Knisja Kattolika li kienet deċiżament il-kontra rapport iktar mill-qrib ma’ dawk il-knejjes l-oħra li twieldu mir-riforma għal waħda li riedet dan.  Niftakru f’dak li l-Papa Piju XI, f’Mortalium Animos kien qal: “Thus Venerable Brethren, it is clear why this Apostolic See has never allowed its subjects to take part int he assemblies of non-catholics.  There is but one way in which unity of Christians may be fostered and that is by furthering the return to the one true Church of those who are separated from it.  For it is from that one true Church that they have fallen away”.  Għalhekk, dak li bdew il-Papiet Ġwanni XXIII u Pawlu VI ma kenitx bidla faċli li però, għax kienet u għadha fl-ispirtu li wieħed ifittex iktar dak li jgħaqqad milli dak li jifred, saru passi ‘l quddiem.



4.      F’dawn is-snin rajna flok ġlied u nuqqas ta’ għarfien ta’ xulxin, dikjarazzjonijiet li mexxew lejn iktar paċi u kollaborazzjoni.  Għalhekk rajna qbil fuq żewġ dokumenti importanti ħafna: l-ewwel, ‘l hekk imsejħa “Joint Declaration on the Doctrine of Justification” tal-1999; u t-tieni, “Shared History of the Reformation 2013.  From Conflict to Comunion”.  Bihom, u issa bil-preżenza tal-Papa fl-Isvezja, inqabdet triq li qegħda twassal għat-tneħħija ta’ diżgwid inutli.



5.      Kif qal tajjeb f’diskorsu l-Papa: “We have the opportunity to mend a critical moment of our history by moving beyond the controversies and disagreements that have often prevented us from understanding one another”.  Għax nafu li kellna gwerer li nibtu minn dawk li kienu favur ir-riforma ta’ Luteru u dawk li baqgħu parti mill-Knisja Kattolika, fejn diversi tilfu ħajjithom.  Kif nafu wkoll li kien hemm perjodu twil fejn id-djalogu u l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat ma kinux jeżistu.  Mentri llum, b’din il-linja nfetħu bibien li għenu u wasslu lejn iktar komprensjoni u għarfien ta’ dak li ż-żewġ naħat jirrappreżentaw u jistgħu jinfluwenzaw lura.



6.      Laqatni iktar diskors Franġisku meta, l-ewwel qal: “Our separation has been an immense source of suffering and misunderstanding, yet it has also led us to recognise honestly that without Jesus we can do nothing, in this way it has enabled us to understand better some aspects of our faith”.  U wara, iktar dirett: “Martin Luther, “with the concept by grace alone” reminds us that God “always takes the initiative, prior to any human response, even as he seeks to awaken that response.  The doctrine of justification thus expresses the essence of human existence before God”.



7.      Dawn il-kliem huma xhieda li fejn ikun hemm bnedmin ta’ rieda tajba li jiltaqgħu u jiddiskutu tibda paġna ġdida fl-istorja tal-bniedem.  Waħda li minnha ż-żewġ naħat qed jafdaw iktar lil xulxin u huma deċiżi li jimxu flimkien lejn pożizzjonijiet iktar magħquda.  Proprju minħabba f’dan li ż-żewġ naħat, sija l-Knisja Kattolika u l-Luteran World Federation qed jaħdmu fuq proġetti li jippromwovu d-dinjità umana u l-ġustizzja soċjali, speċjalment fl-għalqa fertili tal-immigrazzjoni irregolari.



8.      Wara dawn is-snin nistgħu naqblu ma’ dak li kien kiteb Hans Kung, li waqt il-Konċilju kien kiteb: “The churches and their theologies have travelled a long way from denunciation and inquistion to communication and discussion, from denominational coexistence to ecumencial cooperation”.  Passi li jgħinu liż-żewġ knejjes jifhmu iktar lil xulxin u jimxu t-tnejn ‘il quddiem.  Passi li, iktar minn hekk, qegħdin iġibu iktar paċi u stabilità fid-dinja.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...