22.12.16

Problemi Soċjali.


 
1. Wasalna issa lejn tmiem sena li timmarka l-aħħar tar-raba’ waħda minn din l-legislatura. Warajna għandna xhur li tagħhom din l-amministrazzjoni għandha l-piz tar-responsabbilità tagħhom. Kemm għandha għarfien ta’ dak li huwa għaddej minnu l-poplu, diversi għandhom id-dubbji tagħhom. Hemm figuri ekonomiċi li ħadd ma jipprova jmerihom u fuq n-naħa l-oħra qed naraw iktar komplikazzjonijiet soċjali milli kellna qabel. Id-differenza bejn min għandu u min m’għandux qed tinbidel u tikber. Jidher ċar li m’aħniex nifhmu biżżejjed il-qies u l-effett ta’ dak kollu li għaddejjin minnu.

Diskors presidenzjali
2. F’din il-ġimgħa kellna diskors proprju fuq dan f’Jum ir-Repubblika. Wieħed li fih iktar piż u qawwa minn qabel mill-President tar-Repubblika.  Diskors immirat sabiex imiss direttament mal-problemi u l-kwistjonijiet soċjali li qegħdin jiġu ffaċċjati mill-pajjiz fil-mument tal-lum. Dak li qalet il-President għandu forza morali li ċaqlaq diversi biex jaqblu u fl-istess ħin japprezzaw li għad hawn vuci għolja li tagħti każ. Tagħti każ ta dak li qed jinħass kull ġurnata minn ħafna li qegħdin fil-parti t’isfel fis-soċjeta. Minn dak li smajt u qrajt ma nistax ma naqbilx mal-kontenut tiegħu.

Mhux konvenjenti
3. Saru numru ta’ passi mis-soċjetà ċivili sabiex min huwa fil-faqar jew qiegħed imiss jingħata għajnuna. Saru proposti. Fuq kollox tqajjmu punti li matul il-ġimgħa l-mezzi tal-aħbarijiet ma tantx ikunu interessati jsemmgħu. Biss anki jekk m’huwiex konvenjenti xorta dawn l-problemi hemm jinsabu. Għax fir-realtà miżuri leġislattivi sodi li jbiddlu l-perkors tal-eventi ma għandniex. Qegħdin minflok naraw kif ħaġa qed ġġib lill-oħra. Kif min jaħdem qiegħed isib ruħu f’sitwazzjoni fejn il-paga minima jew taħt tiegħu titnaqqar. Il-ħajja qed tgħola fil-mekkaniżmi soliti tagħha. Is-suq f’dan qiegħed isir iktar wieħed indirizzat li jservi u jwieġeb għall-bżonnijiet ta’ dawk li għandhom u li jifilħu jixtru.

Repubblika ġusta
4.Fost  dan id-diskors laqatni partikolarment l-attenzjoni li l-President tat fil-konfront ta’ min għandu bżonn saqaf fuq rasu. Hija qalet hekk “Ħolqa importanti fil-katina tal-ġustizzja soċjali hija l-akkomodazzjoni. Repubblika ġusta ma tittollerax sitwazzjonijiet fejn familji differenti jiċċaħħdu mill-privatezza tagħhom għax ikollhom jgħixu flimkien, għax il-kirja hija għolja wisq għalihom jew, agħar minn hekk, fejn familji jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.” Din m’hix fantażija. Hija r-realtà. Bil-miżuri politiċi li ttiehdu f’dawn is-snin qed naraw żieda qawwija fil-kirjiet. Is-suq ġie liberalizzat u fuqu dan żdiedu l-piżijiet fuq dawk l-iktar l-isfel li jkollhom bżonn jikru. Il-prezzijiet ogħolew direttament sija bl-iskema tal-bejgħ tac-cittadinanza kif ukoll bit-tassazzjoni diretta.

Realtà ġdida
5. Għandha raġun il-President ħafna qed isibu li minn sittin sa sebgħin fil-mija tas-salarju tagħhom qiegħed xahar wara xahar jgħaddi għand idejn sid il-kera. Qed jintlaqtu diversi setturi soċjali f’dan fosthom dawk li għal raġuni jew oħra spiċċaw żgumbrati minn darhom, dawk li qed jgħixu għal rashom, u speċjalment dawk li huma separati. Ir-realtà ġdida hija li s-suq tal-kirjiet sar nieqes minn ruħ soċjali. Mhux biss, imma diversi fejn l-ispazju jippermetti qed jerġgħu jmorru lura jgħixu mal-ġenituri rispettivi tagħhom. Il-liberaliżmu tas-suq tal-kera waħdu diġà diffiċili imma b’dak li wettaq dan i-Gvern mar fid-direzzjoni li jgħakkes lil min m’għandux.

Kontro-miżuri
6. Dan aggrava iktar f’dawk il-mijiet ta’ persuni li sabu ruħhom bl-għajnuna soċjali li kienu jirċievu maqtugħa u terġa bl-aggravju li l-appelli tagħhom għadhom pendenti. Il-forzi li daħlu fl-operazzjoni kontra dawk li kienu jgħixu f’postijiet zgħar ħafna b’dawn l-kirjiet fix-xahar huma ferm kbar. Ferm iktar qawwija mill-kontro-miżuri l-ewwel ta’ sussidji għola jew inkella tal-ħolma ta’ sidien li jidħlu għall-kuntratt ta’ seba snin biex jitilfu iktar mid-dħul ċert li għandhom illum. Dawn m’ humiex sitwazzjonijiet li ser isolvu ruħhom jew li t-trapass taż-żmien ser itaffi. Li huwa żgur huwa li l-pressjoni soċjali qed tikber u m’ hemmx dak is-sens urġenti da parti tal-Gvern biex din tonqos.

Sejrin lura
7.  Morna u sejrin lura għal dak li kellna sekli qabel meta l-problemi marbuta mas-suq tal-kirjiet kienu kbar. Hemm lezzjonijiet passati li ġew injorati kompletament u issa ngħidu x’ngħidu daqt jerġgħu jiġu f’idejna biex l-intoppi tal-lum jiġu konfrontati bil-mod li ġew qabel.  Il-punt tat-tluq għall-liberalizzazzjoni kien b’reazzjoni għal dak li kien hemm tul seklu preċedenti. Fejn wasalna huwa lura fejn konna qabel bdejna. F’dan kollu miżuri ġodda differenti li jgħinu lil min huwa min taħt m’aħniex naraw. Ma hemmx żiediet fil-pagi jew fil-benefiċċji kif hemm verament bzonn tagħhom. Minflok qed naraw zieda qawwija fil-kirjiet fejn hemm min qiegħed jirraguna li l-kaxxa ta’ pajjiżna qed tieħu parti sew minnha.

Iktar serjetà
8. Biex inżidu u nifhmu iktar il-gravità tal-pożizzjoni rridu nsemmu żgur li kellna persuna li m’hix Maltija li kienet qedha tgħix barra u tilfet ħajjitha. Ħafna semmgħu leħinhom ġustament fuq dan għax għal snin twal minkejja il-komplikazzjonijiet li kellna, każ bħal dan ma rajniex. Id-dinja tibqa però ddur. U fl-aħħar ta’ din is-sena ngħalquha f’kampanji varji biex niġbru għal skop jew għal ieħor. Ngħalquha wkoll b’riflessjoni fuq ġrajjet il-Milied Imqaddes. Fejn nerġgħu nismgħu l-vanġeli fil-quddies. Fejn niftakru u f’dan nikkunslaw ukoll li missierna San Ġużepp huwa u jdur b’mara li waslet fl-aħħar tat-tqala tagħha sab diversi bibien magħluqin. Fejn beda l-ħajja tal-familja f’għar miftuħ għall-elementi.

Inħarsu l-quddiem u nittamaw li fis-sena li ġejja dawn l-problemi soċjali jittieħdu b’iktar serjetà.       

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...