20.8.15

Kwistjoni ta’ prinċipju.


1.      F’dawn il-jiem niċċelebraw, u fl-istess ħin niftakru f’dak li għaddew minnu missirijietna tul it-Tieni Gwerra mondjali.  Pajjiżna kien fiċ-ċentru f’kull sens ta’ konflitt determinanti għall-ħajja tal-bnedmin fil-Mediterran, fl-Ewropa u fid-dinja.  Bit-tmiem tad-dittatura tal-lemin ġie affermat u konsolidat ir-renju tad-demokrazija u dak tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Mingħajr dik il-ġlieda, fejn diversi taw ħajjithom b’sagrifiċċju għall-oħrajn, illum ma aħniex ngħixu fis-soċjetà li għandna.  Issieltu kontra forzi iktar b’saħħithom minnhom imma kienu ispirati mill-bżonn li jżommu sodi l-prinċipji nsara li fuqhom is-soċjetà tagħna hija mwaqqfa.

2.      Il-konvoj ta’ Santa Marija waħdu u fih innifsu huwa xhieda ċara ta’ dik l-esperjenza mill-iktar iebsa u diffiċli.  Kull min f’xi mument ta’ ħajtu sab ruħu fiċ-ċimiterji varji fuq dawn il-gżejjer jaf kemm persuni ħallew ħajjithom f’dak il-kunflitt.  Għal min ma qarax jew ma jafx, dawk il-lapidi huma fihom infushom xhieda impressjonanti.  Żgur mhux forsi, missirijietna ġġieldu sabiex jippreservaw lil dawn il-gżejjer mill-atroċitajiet li twieldu mill-ideat materjalisti, li l-faxxiżmu u n-nażiżmu welldu.  L-atejiżmu tal-istat wassal għal dan ukoll.  Wassal għat-telf tad-dinjità tal-persuna, għar-repressjoni tal-libertà u t-tmiem tal-ġustizzja.

3.      Quddiem dan però wieħed irid jgħid li din il-ġenerazzjoni mhux dejjem tifhem dak li għaddew minnu u f’mumenti nibża’ li mhix tapprezza biżżejjed dik l-esperjenza.  Meta nisma’ ċertu diskors nifhem iktar dan.  Forsi tort tal-fatt li hawn inqas li qegħdin jaqraw, jew iktar dawk li qegħdin jibbumbardjaw il-kontra, jew għan-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dak li għax kien huwa illum illum għalina.  Ngħid dan għal numru ta’ raġunijiet.  Biss naħseb li missirijietna kienu jgħidu kelma jew tnejn kontra ċerti kurrenti li twieldu mill-ħsieb politiku żbaljat li soċjetà tista’ timxi ‘l quddiem jekk tibni qafas legali fejn bniedem ikollu iktar libertà u ebda responsabbiltà.

4.      Ngħid dan proprju f’dan iż-żmien meta għandna min irid idaħħal, jibdel u jittrasforma dak li huwa inġust u żbaljat f’legali u aċċettabbli.  Is-soċjetà li ssieltu għaliha ta’ qabilna ma riedux li ulied jiġu maqtula fil-ġuf fuq is-“suppost” dritt tal-omm.  Għax ma nemminx li soċjetà timxi ‘l quddiem jew tavvanza f’xi progress jekk tippermetti li nħalu diversi tfal jinqatlu fil-ġuf.  Mhix kwestjoni ta’ libertà, iżda ta’ repressjoni tagħha ma’ dawk li huma l-iktar debboli u vulnerabbli.  Il-pajjiż tagħna għandu jibqa’ jżomm lilu nnifsu f’linja li ma tippermettix att ta’ barbarja u li tixhed biss tkissir fit-tessut tal-valuri fundamentali tagħha.  Id-dinjità ta’ kull persuna umana hija kolonna li tippreserva s-sewwa fis-soċjetà tagħna u trid tiġi mħarsa.  Dawk li qabel iġġieldu sabiex tiġi preservata l-ħajja żgur ma japprovawx il-kontra.

5.      Fuq linja differenti għax il-piż huwa verament differenti fl-importanza u prijorità li però finalment hija wkoll indikattiva tal-istess fonti hija dik marbuta ma’ dawk li jridu jdaħħlu l-ħsieb li soċjetà tikber għax wieħed ikun jista’ jweġġa’, jgħajjar u jkasbar ir-reliġjon.  It-tgħajjir huwa ħażin minnu nnifsu.  Li wieħed jonqos lill-ieħor u jipprova jċekknu, jittrasformalu l-ħajja tiegħu f’miżerja billi jgħid u jivvinta ħwejjeġ li ma għandux dwaru hija, ilkoll nafu, żbaljata.  Kull persuna għandha l-libertà li tgħid li trid, tikteb li trid, però fortunatament hemm il-liġi li tidħol meta wieħed jgħid u jikteb dak li m’għandux.  Nafu lkoll proprju mil-libelli li jiġu ppreżentati l-ħin kollu li kull persuna, ġejja minn fejn hi ġejja tħoss li għandha d-dritt għad-dinjità tagħha u għandha għalhekk id-dritt li tipproteġiha b’kull mezz.  Għalija huwa att ta’ nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn il-bniedem, ta’ dak li huwa għażiż għalih li tħajjar u tagħmel legali it-tkasbir tar-reliġjon.

6.      Ngħaqqad dan ma’ żewġ punti li fiż-żewġ Ħdud li għaddew smajt jingħadu fuq il-mezzi tax-xandir għax għalkemm il-kuntest huwa manifestament differenti però jixhed l-istess linja u ħsieb politiku.  L-ewwel smajt dak li qal żbaljatament li l-ekonomija hija kreatura separata u distinta mill-politika.  L-ekonomija mhix hekk.  L-ekonomija għandha żewġ effetti: jew tittrasformaha għall-ġid tal-bnedmin inkellajekk tippermettilha tinħakem u tneħħi kull dinjità fil-bniedem.  Meta dan id-diskors jingħad, dan juri biss li l-prinċipji politiċi li qed imexxu lil din l-amministrazzjoni m’humiex l-istess li nħaddnu jew li ħaddnu missirijietna.

7.      It-tieni waħda, proprju f’kuntrast ma’ dak li għidt qabel fuq dak li uħud iridu jagħmlu, smajt dak li wissa li huwa ser jieħu passi kontra min, fl-opinjoni tiegħu, qed jipprova jħammeġ u jtebba’ ħidmet il-Gvern.  Dan huwa ftit aktar indikattiv tal-istat tal-affarijiet.  Għax kif qiegħed jara l-poplu, il-Gvern qiegħed jassigura li jħammeġ lilu nnifsu.  L-iskandli li ħerġin qed isiru minnu.  Għalhekk, jekk diġà jinsab fl-istat imtebba’, kif jista’ ħaddieħor iwassal għall-istess riżultat?  Però, flok wieħed jaffronta fil-verità il-problema, qiegħed jaqleb il-pożizzjoni u jagħti x’wieħed jifhem li dak li seħħ huwa biss frott tal-immaġinazzjoni ta’ oħrajn.  Amministrazzjoni li tħares li tassigura s-sewwa trid tħaddan il-verità u tikkumbatti l-kontra.  Kwistjoni ta’ prinċipju etiku fundamentali li missirijietna ħaddnu u ġġieldu għalih li issa qiegħed jiġi manifestament abbandunat.

8.      Is-soċjetà tagħna ma tikbirx meta tarmi s-sewwa li għandha fi ħdanha.  Tmur biss lura.  Dak li ħadem, dak li ta riżultati ma hemmx bżonn li jinbidel.  Hemm anzi l-bżonn li jiġi ssudat u konsolidat.  Il-prinċipji li ġġieldu għalihom u taw ħajjithom missirijietna fl-aħħar gwerra jridu jibqgħu jiġu protetti għax fuqhom wieħed jassigura li f’soċjetà jkun hawn il-paċi, il-libertà vera u l-ġustizzja.

L-interess nazzjonali fis-sħana qawwija.





1.     It-temp barra ma kienx mill-aqwa fl-aħħar jiem.  Sħana għandna kemm trid u riħ isfel minn dawk li jwaħħal ukoll.  Għal dawk li baqgħu joħorġu jafu kemm it-temperatura baqgħet iktar qawwija mis-soltu.  Iż-żmien hu li hu.  L-istaġun ukoll.  Irridu nilmentaw però fl-istess ħin inkomplu nbatu b’dak li ma nistgħux nikkontrollaw.  Nistgħu biss inħarsu ‘l quddiem meta jistaġun jinbidel.

2.     F’dan però u żgur l-agħar jibqa’ li t-temperatura politika baqgħet hija wkoll tielgħa ‘l fuq.  Għax fejn is-soltu mal-waqfien tas-seduti parlamentari tonqos id-doża, f’dan iż-żmien baqgħet għaddejja.  Baqgħet hekk proprju għax hemm wisq punti f’linja sħiħa ta’ amministrazzjoni xejn korretta li titlob mill-Oppożizzjoni li ġġibhom għall-attenzjoni.  Dmir li jrid jiġi eżegwit, inkella nkunu parti minn dak li m’aħniex.  F’dan hemm il-polemiċi.  Dak qal ħaġa, u l-ieħor qal oħra.  Ma naqblux u l-pajjiż irid jisma’, jaħseb u jagħżel.

3.     Biss hemm diversi fatti, ċari u tondi li ħadd ma jista’ jmerihom.  Dawn jitolbu żewġ passi: l-ewwel, għarfien tagħhom, wara deċiżjonijiet.  Tant hemm f’daqqa kumulu ta’ dnubiet mortali li biex tinżamm il-kredibilità politika tal-pajjiż iridu jittieħdu passi.  Hemm l-aspett purament politiku bejn iż-żewġ partijiet fejn fuq dawn l-iżbalji l-oppożizzjoni qegħda tikber, per hemm dak nazzjonali.  Dak fejn il-poplu tagħna jitlef mill-prestiġju li jgawdi li jmiss ma’ kollox.

4.     Ma hemmx xi fond infinit tal-avvjament tagħna u proprju għalhekk li rridu kuljum nikkoltivawh.  Nikkumbattu għalih u ninsistu sabiex fil-letarġija sajfija ta’ ħaddieħor, il-vuċi tas-sewwa tinstemgħa.  Għax tant hawn skandli kbar u ħoxnin għaddejjin, għax tant hawn sitwazzjonijiet ta’ libertà assoluta fl-użu tal-poter mingħajr forom sempliċi ta’ responsabbiltà fejn min għandu l-poter f’idejh għaddejj jgħaffeġ, jimxi biex jissoda politika ta’ pjaċiri, inġustizzji u ebda konsiderazzjoni tar-regoli fundamentali li kull amministrazzjoni li tipprova tkun tajba trid iżżomm.

5.     Ma’ kull jum naħsbu li wasalna fil-qiegħ biex l-għada niskopru oħrajn ġodda.  Hemm telf ta’ prestiġju però hemm fuq kollox wieħed ta’ kontroll u dixxiplina interna.  Jidher ċar li s-sitwazzjoni qegħda tant ikkumplikata, mħawda, fejn il-poter weħel ma’ idejn li ma kellux jeħel magħhom u li jekk ma jittieħdux deċiżjonijiet politiċi tul dan is-sajf, meta niġu lejn l-aħħar tas-sena ser naraw iktar temperatura għolja.  Nafu li hemm ministri u segretarji parlamentari li qed jippruvaw jaħdmu b’mod korrett u attent, però sfortunatament hemm wisq oħrajn li m’humiex.  Il-ħsara li qegħda ssir minn dawn hija verament qawwija u f’ħafna irreparabbli.

6.     Jista’, diversi fit-triq qed jistaqsu, kollox jibqa’ għaddej?  Bit-temperatura tibqa’ għolja u l-poter jibqa’ mwaħħal f’idejn min żbalja u qed ikompli jiżbalja?  Għax nafu li sakemm dak li ma għandux isir joħroġ hemm proċess, però meta wieħed jibqa’ lura wara allura l-kumplikazzjonijiet jikbru sew.  Biċċa biċċa f’dawn l-aħħar xhur hemm tant truf u għeqiedi li jekk ma jkunx hemm min jaqta’ barra dak li ma ħadimx tajjeb s’issa ma jkunx jista’ jiddritta l-affarijiet.

7.     L-interess nazzjonali jitlob li wieħed jiċċaqlaq.  Għax li tiżbalja wieħed jifhem għax omm il-ġifa biss ma tagħlix.  Biss, meta jkollok min verament u mhux apparentement żbalja u jibqa’ jinsisti li ma għamel xejn ħażin, allura hemm konsiderazzjonijiet oħra.  Il-pajjiż huwa issa fortunatament parti mill-Unjoni Ewropea.  U f’demokrazija moderna bħal tagħna, oġġettivament titlob li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata.  Hemm wisq punti jiġru barra mas-saqajn ta’ dak li ingħad pubblikament u dak li jingħad fit-triq min-nies li hemm min issa, iktar minn qatt qabel, qiegħed jiddubita fuq it-tmexxija tal-pajjiż.

8.     Il-kelma fi ħdan u f’ħalq il-moderat hija proprju, l-ewwel, li min jaħtar jagħmel dan għax ikollu fiduċja f’dak li jkun; u t-tieni, li meta jkollu quddiemu dak li hawn illum u jibqa’ hekk statiku, allura jaħseb li mhix biss kwistjoni ta’ fiduċja.  Jieqaf jaħseb fil-progress u l-meritokrazija u jibda jifhem u jirraġuna f’termini ta’ rigress u bażużliżmu.  Il-poplu japprezza u jifhem li t-temp barra ma jgħinx lil kulħadd biex jaħseb tajjeb, biss l-interess nazzjonali jitlob li d-deċiżjonijiet it-tajbin jittieħdu u malajr, fl-arja kondizzjonata.

Altru tgħid u altru twettaq





1.      F’dawn ix-xhur diversi huma dawk li qed jaraw li l-Partit Laburista wiegħed, iddikjara ħafna li llum m’huwiex qiegħed iwettqu.  Hemm żona griża fil-politika bejn dak li l-politiku jgħid, jintrabat li jagħmel u dak li l-poplu lest li jaċċetta.  Żona li fiha hemm min huwa lest jagħlaq għajn għal dak li ma jkunx jista’ jseħħ minkejja l-volontajiet tajba jew le ta’ dak li jkun.  Hemm min jiddikjara ġenwinament dak li jixtieq li jseħħ, però meta jidħol fil-Gvern isib lilu nnifsu f’pożizzjonijiet fejn sforz iċ-ċirkostanzi, tibdiliet u nuqqas ta’ għarfien tal-fatti, ma jistax.  Dan diversi f’dan il-pajjiż jaċċettaw.

2.      Biss hemm sitwazzjonijiet fejn il-poplu jsibha diffiċli ħafna biex jibla’.  Sitwazzjonijiet li fihom il-partit fil-Gvern daħal għalihom b’ħidmiethu, tort u responsabbiltà unika tiegħu.  Sar diskors żejjed.  Kritika inġusta u bla sens.  Fl-aħħar tal-ġurnata lkoll nafu li dak li tgħid fil-politika Maltija, il-poplu jippretendi li twettqu.  Proprju għalhekk li s-sitwazzjoni għall-amministrazzjoni tal-ġurnata qegħda biċċa biċċa tersaq iktar lejn it-tarf.  Il-pajjiż, sforz il-propaganda qawwija li kien hemm fl-aħħar ħames snin, kien konvint li l-Gvern Nazzjonalista kien inkompetenti u li kien ser itella’ wieħed mimli bl-effiċjenza, responsabbiltà, onestà u trasparenza.

3.      Tul dawn il-jiem l-affarijiet marru verament għall-agħar għal dan il-Gvern.  Ftit forsi huma dawk li qed jifhmu li issa l-pajjiż qiegħed jifhem li preparazzjonijiet ma kienx hemm.  Qed imissu b’idejhom li ftit mill-ministri għandhom l-abbiltajiet li jifhmu l-problemi u jikkontrollaw dak li huwa għaddej taħthom.  Mhux ser noqgħod nippunta naħa jew oħra sabiex ma jkunx hemm min jieħu għalih, però s-sitwazzjoni fit-traffiku tal-pajjiż marret verament il-baħar f’dawn il-jiem tas-sajf.  Id-diversi persuni li daħlu ġodda ġodda f’pożizzjonijiet naħa u oħra, flok saru sabiex naraw bidliet sarrfu biex morna lura.

4.      It-trasport pubbliku ma jistax jieħu r-ruħ.  It-traffiku fil-pajjiż jinsab imwaħħal jum wara jum u iktar ma jgħaddu l-ġranet, is-sitwazzjoni qegħda teħżien.  Il-verità hija li l-kumplikazzjonijiet kibru.  Il-pajjiż ma jistax jaħdem tajjeb jekk ma jkollux sistema tajba tat-traffiku.  It-trasport pubbliku huwa m od u dak privat ieħor. Żgur mhux forsi, diversi qed jiddependu mit-trasport tagħhom sabiex imorru għax-xogħol u għall-qadjiet tagħhom.  Mhux biss, imma lkoll nafu li inċident tat-traffiku naħa tal-pajjiż jagħlaq u jwaqqaf it-traffiku f’diversi bnadi oħra.  Hemm konsegwenzi li jitwieldu minn dan.  Għalhekk, kull gvern li għandu idea tal-affarijiet jifhem li ma jistax ma jagħtix attenzjoni massima għal dan kollu.  Minflok, kif qed naraw, altru dak li qalu li se jwettqu qabel l-elezzjoni u altru dak li qed jiġri llum.

5.      Rajna xeni li verament, bi ftit għaqal u sens komun setgħu faċilment jiġu evitati.  Il-pajjiż għaddej minn mument ikrah fuq dan u żgur li mhux ser jinsa minn dak li għadda.  Anke jekk l-affarijiet għada pitgħada jiġu għan-normal, xorta l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ preparazzjoni ħarġu fil-beraħ.  Il-kuntrast huwa evidenti.  Bħalma huwa wkoll ċar li t-tmexxija fil-Gvern mhix qegħda toqgħod attenta sabiex iżomm l-indafa u t-trasparenza.  Ma’ kull ġurnata qed naraw b’diversi stejjer ta’ aġir li, biex ngħidu l-inqas, huma dubjużi.  Kull min qeigħed fit-triq m’huwiex jemmen dak li qed jingħadlu mill-Gvern.  Proprju għax qiegħed iqabbel bejn dak li ngħadlu, dak li kellu u dak li għandu llum.

6.      Tant hawn każijiet li huma minnhom infushom tal-mistħija, tant għandna eżempji ta’ kif ma għandekx taġixxi fit-tmexxija tal-pajjiż, li ħafna qed jaraw ferm iktar ċar minn qatt qabel il-piż veru tal-Gvern.  Il-bużżieqa verament qegħda tinfaqa’ waħda u sewwa.  Il-Gvern Nazzjonalista ma kienx żgur perfett, biss kien superjuri għal dan fl-għaqal u fl-attenzjoni tiegħu.  Proprju għalhekk li ħafna qed jaraw li dan ma huwiex il-Gvern li vvutaw għalih.  Proprju għalhekk li diversi qed iħossu li kien hemm dożi qawwija ta’ daħk fil-wiċċ.  Hemm forom varji ta’ rabji li qed jinġabru u jikbru.  Ta’ dawk li jħossu li ma kellhomx jiġu ngannati kif ġew.

7.      L-aħgar f’dan kollu huwa li flok hemm aċċettazzjoni ta’ dan, hemm minflok min għadu jiċħad, jinnega u jaħrab mill-problemi.  L-Eżekuttiv huwa maqsum bejn ftit li jridu li l-affarijiet isiru sewwa u l-maġġoranza li tilfet rasha fil-kampanja ta’ min jagħmel l-iktar pjaċiri.  Jekk ġewwa l-kurituri tal-poter dan il-messaġġ, din is-sitwazzjoni mhix qegħda tasal, allura hemm gravità mod.  Jekk qegħda tasal u mhux qed jittieħdu passi, allura dħalna fi traġedji ikbar.  Il-Partit Nazzjonalista jista’ jiggwadanja elettoralment, però l-pajjiż qiegħed jitlef.  Telf li lkoll nafu li rridu nħallsu għalih u finalment jerġa’ jiġi lura f’ħoġorna li għada pitgħada nkunu rridu niddrittaw u nirranġaw.

6.8.15

MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR - ĦADDIEMA INGAĠĠATI.




17670. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar: Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

07/07/2015

  ONOR. CHRIS CARDONA:  Ninforma lil Onorevoli interpellant li ħaddiema fuq bażi ta’ self-employed ma jiġux ingaġġatifil-Ministeru jew fid-dekasteri varji tiegħu. Persuna li taħdem fuq bażi ta’ self-employed toffri s-servizzi tagħha bi qbil, jew kuntratt ta’ servizz, dwar in-natura ta’ xogħol jew servizz u titħallas skond is-servizzi li toffri.

Seduta  292
17/07/2015