20.8.15

Kwistjoni ta’ prinċipju.


1.      F’dawn il-jiem niċċelebraw, u fl-istess ħin niftakru f’dak li għaddew minnu missirijietna tul it-Tieni Gwerra mondjali.  Pajjiżna kien fiċ-ċentru f’kull sens ta’ konflitt determinanti għall-ħajja tal-bnedmin fil-Mediterran, fl-Ewropa u fid-dinja.  Bit-tmiem tad-dittatura tal-lemin ġie affermat u konsolidat ir-renju tad-demokrazija u dak tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Mingħajr dik il-ġlieda, fejn diversi taw ħajjithom b’sagrifiċċju għall-oħrajn, illum ma aħniex ngħixu fis-soċjetà li għandna.  Issieltu kontra forzi iktar b’saħħithom minnhom imma kienu ispirati mill-bżonn li jżommu sodi l-prinċipji nsara li fuqhom is-soċjetà tagħna hija mwaqqfa.

2.      Il-konvoj ta’ Santa Marija waħdu u fih innifsu huwa xhieda ċara ta’ dik l-esperjenza mill-iktar iebsa u diffiċli.  Kull min f’xi mument ta’ ħajtu sab ruħu fiċ-ċimiterji varji fuq dawn il-gżejjer jaf kemm persuni ħallew ħajjithom f’dak il-kunflitt.  Għal min ma qarax jew ma jafx, dawk il-lapidi huma fihom infushom xhieda impressjonanti.  Żgur mhux forsi, missirijietna ġġieldu sabiex jippreservaw lil dawn il-gżejjer mill-atroċitajiet li twieldu mill-ideat materjalisti, li l-faxxiżmu u n-nażiżmu welldu.  L-atejiżmu tal-istat wassal għal dan ukoll.  Wassal għat-telf tad-dinjità tal-persuna, għar-repressjoni tal-libertà u t-tmiem tal-ġustizzja.

3.      Quddiem dan però wieħed irid jgħid li din il-ġenerazzjoni mhux dejjem tifhem dak li għaddew minnu u f’mumenti nibża’ li mhix tapprezza biżżejjed dik l-esperjenza.  Meta nisma’ ċertu diskors nifhem iktar dan.  Forsi tort tal-fatt li hawn inqas li qegħdin jaqraw, jew iktar dawk li qegħdin jibbumbardjaw il-kontra, jew għan-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dak li għax kien huwa illum illum għalina.  Ngħid dan għal numru ta’ raġunijiet.  Biss naħseb li missirijietna kienu jgħidu kelma jew tnejn kontra ċerti kurrenti li twieldu mill-ħsieb politiku żbaljat li soċjetà tista’ timxi ‘l quddiem jekk tibni qafas legali fejn bniedem ikollu iktar libertà u ebda responsabbiltà.

4.      Ngħid dan proprju f’dan iż-żmien meta għandna min irid idaħħal, jibdel u jittrasforma dak li huwa inġust u żbaljat f’legali u aċċettabbli.  Is-soċjetà li ssieltu għaliha ta’ qabilna ma riedux li ulied jiġu maqtula fil-ġuf fuq is-“suppost” dritt tal-omm.  Għax ma nemminx li soċjetà timxi ‘l quddiem jew tavvanza f’xi progress jekk tippermetti li nħalu diversi tfal jinqatlu fil-ġuf.  Mhix kwestjoni ta’ libertà, iżda ta’ repressjoni tagħha ma’ dawk li huma l-iktar debboli u vulnerabbli.  Il-pajjiż tagħna għandu jibqa’ jżomm lilu nnifsu f’linja li ma tippermettix att ta’ barbarja u li tixhed biss tkissir fit-tessut tal-valuri fundamentali tagħha.  Id-dinjità ta’ kull persuna umana hija kolonna li tippreserva s-sewwa fis-soċjetà tagħna u trid tiġi mħarsa.  Dawk li qabel iġġieldu sabiex tiġi preservata l-ħajja żgur ma japprovawx il-kontra.

5.      Fuq linja differenti għax il-piż huwa verament differenti fl-importanza u prijorità li però finalment hija wkoll indikattiva tal-istess fonti hija dik marbuta ma’ dawk li jridu jdaħħlu l-ħsieb li soċjetà tikber għax wieħed ikun jista’ jweġġa’, jgħajjar u jkasbar ir-reliġjon.  It-tgħajjir huwa ħażin minnu nnifsu.  Li wieħed jonqos lill-ieħor u jipprova jċekknu, jittrasformalu l-ħajja tiegħu f’miżerja billi jgħid u jivvinta ħwejjeġ li ma għandux dwaru hija, ilkoll nafu, żbaljata.  Kull persuna għandha l-libertà li tgħid li trid, tikteb li trid, però fortunatament hemm il-liġi li tidħol meta wieħed jgħid u jikteb dak li m’għandux.  Nafu lkoll proprju mil-libelli li jiġu ppreżentati l-ħin kollu li kull persuna, ġejja minn fejn hi ġejja tħoss li għandha d-dritt għad-dinjità tagħha u għandha għalhekk id-dritt li tipproteġiha b’kull mezz.  Għalija huwa att ta’ nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn il-bniedem, ta’ dak li huwa għażiż għalih li tħajjar u tagħmel legali it-tkasbir tar-reliġjon.

6.      Ngħaqqad dan ma’ żewġ punti li fiż-żewġ Ħdud li għaddew smajt jingħadu fuq il-mezzi tax-xandir għax għalkemm il-kuntest huwa manifestament differenti però jixhed l-istess linja u ħsieb politiku.  L-ewwel smajt dak li qal żbaljatament li l-ekonomija hija kreatura separata u distinta mill-politika.  L-ekonomija mhix hekk.  L-ekonomija għandha żewġ effetti: jew tittrasformaha għall-ġid tal-bnedmin inkellajekk tippermettilha tinħakem u tneħħi kull dinjità fil-bniedem.  Meta dan id-diskors jingħad, dan juri biss li l-prinċipji politiċi li qed imexxu lil din l-amministrazzjoni m’humiex l-istess li nħaddnu jew li ħaddnu missirijietna.

7.      It-tieni waħda, proprju f’kuntrast ma’ dak li għidt qabel fuq dak li uħud iridu jagħmlu, smajt dak li wissa li huwa ser jieħu passi kontra min, fl-opinjoni tiegħu, qed jipprova jħammeġ u jtebba’ ħidmet il-Gvern.  Dan huwa ftit aktar indikattiv tal-istat tal-affarijiet.  Għax kif qiegħed jara l-poplu, il-Gvern qiegħed jassigura li jħammeġ lilu nnifsu.  L-iskandli li ħerġin qed isiru minnu.  Għalhekk, jekk diġà jinsab fl-istat imtebba’, kif jista’ ħaddieħor iwassal għall-istess riżultat?  Però, flok wieħed jaffronta fil-verità il-problema, qiegħed jaqleb il-pożizzjoni u jagħti x’wieħed jifhem li dak li seħħ huwa biss frott tal-immaġinazzjoni ta’ oħrajn.  Amministrazzjoni li tħares li tassigura s-sewwa trid tħaddan il-verità u tikkumbatti l-kontra.  Kwistjoni ta’ prinċipju etiku fundamentali li missirijietna ħaddnu u ġġieldu għalih li issa qiegħed jiġi manifestament abbandunat.

8.      Is-soċjetà tagħna ma tikbirx meta tarmi s-sewwa li għandha fi ħdanha.  Tmur biss lura.  Dak li ħadem, dak li ta riżultati ma hemmx bżonn li jinbidel.  Hemm anzi l-bżonn li jiġi ssudat u konsolidat.  Il-prinċipji li ġġieldu għalihom u taw ħajjithom missirijietna fl-aħħar gwerra jridu jibqgħu jiġu protetti għax fuqhom wieħed jassigura li f’soċjetà jkun hawn il-paċi, il-libertà vera u l-ġustizzja.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...