29.7.09

IL COLORE DEL SOLE

1. Ma nkunx żbaljat ngħid li Andrea Camilleri, il-kittieb Sqalli, rnexxielu jżomm tradizzjoni li dik il-gżira ilha tara. Luigi Pirandello, Giovanni Verga, Leonardo Sciascia huma fost l-ismijiet li l-letteratura Taljana u mondjali taf tajjeb. Hallew warajhom kitba mill-isbaħ, sija fil-mod ta’ kif irnexxielhom jużaw il-kelma sabiex jesponu ċar ħsibijiethom, kif ukoll fil-proġett sħiħ li ktieb jagħti. Ftit huma dawk li qraw kitbiethom mingħajr ma baqgħu mmarkati fil-mod ta’ kif iħarsu lejn il-ħajja. Tibqa’ tiftakar xi qrajt anke jekk jgħaddu s-snin minn fuqek.

2. Għal dawk li għadhom ma nxteħtux jaqraw, nistedinhom mill-qalb sabiex jidħlu għal dan il-proċess mentali u kulturali. Hemm x’tifhem sija f’dak li huma l-ġirien tagħna, però hemm ukoll id-dimensjoni tal-effett li huma kellhom fuqna. Aħna m’aħniex maqtugħa mid-dinja tal-qari u l-kitba t-tajba anzi għandha sens qawwi ta’ dak li huwa ta’ valur u dak li m’huwiex. Biss irrid nirreġistra li l-maġġoranza tagħna fuq dawn il-gżejjer ma jarawx li huwa bżonn, parti mill-element vitali li jagħmlek persuna umana, li wieħed jaqra.

3. Hemm il-perċezzjoni li l-qari qiegħed hemm għal dawk li għandhom il-ħin x’jaħlu jew għal dawk li huma għorrief, għax huma biss jistgħu jifhmu l-kotba. Ma hemmx dubju li ebda ktieb ma huwa neċessarjament faċli sabiex tifhem il-kontenut tiegħu. Hemm dawk ċari u hemm dawk l-ikkumplikati. Dan ma jfissirx, madanakollu, li m’għandniex nagħrfu l-istat tal-affarijiet u naġixxu l-kontra. Għandna nwasslu l-bżonn li nifhmu kemm huwa faċli taqra u kemm dan jagħmillek ġid.

4. Naħseb li ftit huma dawk li jafu bil-kittieb li bdejt dan l-artikolu bih. Andrea Camilleri għandu llum warajh numru nteressanti ta’ kotba. Kotba li huma faċilment maqsuma f’żewġ kategoriji, dawk li huma marbuta mal-Kummissarju Montalbano, il-persunaġġ li jsolvi l-każijiet ta’ omiċidji, serq ġewwa l-gżira ta’ Sqallija u dak li huwa opri ta’ inġenwità. Montalbano m’għandux bżonn ta’ ħafna introduzzjoni għal dawk li jsegwu l-mezzi tax-xandir Taljan. Dan għax il-kotba marbuta miegħu minn “Un mese con Montalbano” sa “La Paura di Montalbano” sabu ruħhom programmi f’sensiela li ma hemmx li tieqaf issaħħar lil min isegwi każijiet bħal dawn.

5. Is-sabiħ ta’ Camilleri huwa proprju l-fatt li huwa kapaċi jittrasmetti l-ħsieb tiegħu b’sempliċità kbira. Il-kitba mhix direttament komplikata, hija l-istorja li tkun hekk, imma tant huwa faċli sabiex tifhem dak li jkun għaddej li tinħakem faċilment fih. Għandu tnejn minnhom, wieħed “La Scomparsa di Patò” u l-ieħor “La concessione telefonica” li jaħkmuk u wara jħalluk togħmod tajjeb storja inġenjuża u frott ta’ moħħ komplikat Sqalli li jittrasmetti ruħu b’mod ċar kristall. Nistedinkom taqrawhom għax huma verament sbieħ u ma jiddispjaċikomx.

6. Ħadt pjaċir reċentement insib għall-bejgħ, waqt li kont ser naqbad ajruplan minn Zurich, wieħed mill-aħħar kotba ta’ Camilleri bl-isem ta’ “Il colore del Sole”. Dan il-librett jagħmlilna l-ġieħ għax jorbot lil pajjiżna u Sqallija mal-pittur famuż Caravaggio. Ix-xenarju huwa mill-isbaħ, marbut mas-sejba misterjuża ta’ karteġġ mill-pinna ta’ Caravaggio, miktub b’sempliċità kbira. Huwa jirnexxilu jinseġ storja fl-istorja. Fir-realtà huwa riklam kbir għal pajjiżna, sija fil-kitba kif ukoll fir-ritratti ta’ numru ta’ pitturi tal-Caravaggio. Kull min jaqra dan il-ktieb ser isib lilu nnifsu maħkum mill-kurżità li jiġi jarahom b’għajnejh stess.

7. Ma nafx jekk dan il-kittieb ġiex ġewwa dawn il-gżejjer, almenu mhux uffiċjalment. Jista’ jagħmel sens li jinġieb hawn sabiex dan il-ktejjeb jingħata aktar importanza fuq naħa, u fuq l-oħra wieħed jagħti l-opportunità lid-diversi studenti li qed jaqraw kitbietu li jiltaqgħu miegħu. Illum bid-dinja tal-komunikazzjoni daqshekk miftuha ma għandux ikun daqshekk diffiċli sabiex jinġieb. Anzi, hemm numru ikbar ta’ awturi fid-dinja li anqas huma ma jkun żbaljat li jiġu. Jinġiebu hawn, f’dawn il-gżejjer fejn hemm preżenti “Il Colore del Sole” sabiex jiġu apprezzati.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju 2009.

27.7.09

Ħsibijiet għas-Sajf

1. Bħali naħseb li hemm ħafna li jħarsu ‘l quddiem lejn ix-xhur tas-sajf. Inqatta’ s-sena nemmen li ser insib ftit tal-ħin fejn nistrieħ u naġġorna ruħi mad-diversi kotba li nkun xtrajt jew qlajt matul il-bqija tas-sena però ma jirnexxilix. Waħda mill-ikbar diffikultajiet li kelli meta sirt student universitarju kienet dik li kien spiċċali l-ħin li naqra l-volumi li kien jirnexxieli qabel dħalt. Fil-fatt għadni niftakar kważi l-kotba kollha li kont wara qrajt f’dak ix-xahar li l-kors ta’ dak iż-żmien kien jippermettili.

2. Illum nerġa’ nsib din il-barriera. Mhux biss il-ħin dedikat għal xogħol li ma jieqafx, imma dejjem iktar bżonn ta’ attenzjoni fuq setturi ġodda. Għax independentement minn dan, il-qari huwa tajjeb. Għodda essenzjali għal min irid iżomm lilu nnifsu għaddej. Il-bniedem mingħajr dan ix-xorb, mingħajr ma jsaħħaħ id-dimensjoni kulturali tiegħu jsib li qed jonqos. Mhux kull persuna tagħraf dan, però hemm dejjem il-bżonn li wieħed iressaq ‘il quddiem l-argument, is-suġġett quddiem il-poplu ta’ kemm wieħed għandu jħajjar għall-qari.

3. Ngħid dan għax fil-pajjiż tagħna mhux dejjem naraw żieda fil-bnedmin li jaqraw u anqas insibu ruħna mfakkra b’kampanja iktar sistematika ta’ kemm huwa ta’ benefiċċju l-qari. Hemm dejjem f’dan differenzi fil-mod ta’ kif inhuwa magħġun poplu minn ieħor. L-introduzzjoni f’pajjiżna ta’ libreriji pubbliċi hija parti mill-wirt li ħallew hawn l-Ingliżi. Kienu huma li bdew bil-Biblijoteka Nazzjonali fil-Belt, mibnija bil-volumi ta’ kotba li diversi kavallieri ħallew warajhom apposta għal-librerija li baqgħu ma fetħux.

4. Hawn min ġie mgħallem mill-iskejjel tagħna sabiex imur fil-libreriji pubbliċi sija dawk ċentrali kif ukoll dawk reġjonali u lokali, imma għad għandna volum ta’ persuni li ma jersqux lejhom. F’dan id-dipartiment tal-libreriji pubbliċi għandu servizz verament tajjeb li qiegħed għad-disposizzjoni ta’ kulħadd, biss ftit huma dawk li jafu bih u li qatt marru sabiex jissellfu ktieb. Hemm bżonn ta’ attenzjoni lill-pubbliku ta’ dak li wieħed jista’ juża sabiex iżid fl-għerf u jagħraf iktar kemm hemm x’titgħallem.

5. Dan ix-xenarju jiżdied fl-importanza meta wieħed jikkunsidra kemm għandna kotba bil-Malti li huma fuq l-ixkafef jistennew li jinqraw. Ma hemmx mistrieħ, fortunatament f’dan għax il-kotba qegħdin il-ħin kollu jiġu stampati u maħruġa għal min jinteressah. L-aħħar wieħed ta’ Oliver Friggieri, per eżempju, iżommok siegħat sħaħ tiflih biċċa biċċa. Jgħinek tirrifletti fuq il-ħajja u, fl-istess ħin, jagħtik kwantità kbira ta’ informazzjoni li diffiċli li ssib min jaqbad u jgħaddihielhek fil-mod li hu jirnexxilu tant tajjeb li jagħmel. Anke l-aħħar ta’ Lino Spiteri fihom ħafna x’tomgħod. Huma wkoll miżgħuda b’eventi umani mħawrin tajjeb li kull min jindenja ruħu jaqrahom jieħu minnhom ideat.

6. Hemm ferm iktar li qiegħed viċin ħafna ta’ idejna li, sfortunatament, ma mmorrux għalih. F’mument ngħid li dawk bħali li jippruvaw jgħaddu ftit ħsibijiet kull nhar ta’ Ħadd qed nonqsu minn dmirna li ma nħajrux iktar. Hemm diversi metodi. Ħafna drabi għandek min jimmaġina li ktieb huwa dejjem wieħed bi kwantità ta’ paġni li ma jispiċċaw qatt u aħna ma mwasslux kemm huwa faċli li ssib kitba li mhix twila u xorta timlik. Veru li hemm lok għal min iħajjar sabiex dawk il-bnedmin jissuperaw dawn l-oktakli interni tagħhom.

7. Riċentement rajt żewġ intervisti interessanti, waħda ma awtur Ġappuniż li ma lħaqtx ismu u l-oħra mat-Taljan Andrea Camilleri. It-tnejn enfasizzaw kemm il-qari kien pedament għal ħajjithom. Anzi, l-ewwel wieħed stqarr li fil-kultura Ġappuniża hemm ferm iktar persuni li jissellfu kotba minn kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja u dan huma jattribwuh għall-fatt li huwa ferm iktar faċli li taqra l-Ġappuniż minn lingwi oħra. Ovvjament Camilleri wkoll kien interessanti bir-referenzi tiegħu lejn Luigi Pirandello u Leonardo Sciascia, b’mod partikolari imma huwa rreġistra wkoll kemm il-frekwenza tal-appuntament mal-kotba sawritu tant tajjeb.

8. Is-sajf jiġi, jgħaddi u ma ġġibux lura. Tista’ tqattgħu l-baħar, id-dar, barra mal-ħbieb u tista’ tagħtih parti li tkun parti li tkun marbuta mal-qari. Nemmen li aktar ma poplu jaqra iktar ikun kapaċi jagħżel, jifhem u jiddeċiedi. Il-politika t-tajba f’pajjiżna tiddependi fuq kemm dan isisr u jsir b’assidwità. Aktar ma l-elettorat ikun edukat, aktar ma jkun kulturalment preparat u ffurmat, tant aħjar. Din hija ċ-ċavetta għall-futur tad-demokrazija f’pajjiżna għax iktar ma jkollna poplu li jaqra, aktar aħjar. Dan messaġġ li rari jingħad li però tajjeb li jiġi enfassizzat. Pajjiżna għandu bżonn iktar bnedmin li jaqraw.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal In-Nazzjon tas-Sibt, 25 ta’ Lulju 2009.

23.7.09

Mill-Parti ta’ Fuq

1. Trid tiġi fil-parti ta’ fuq tal-Unjoni Ewropeja biex tmiss ma’ realtà kompletament differenti minn tagħna. Id-dinja ta’ hemm fuq għandha illum lezzjonijiet li jekk ma tmissx sewwa magħha mhux neċċessarjament tifhimhom jew teħodhom. Kelli din l-opportunità din il-gimgħa waqt li kont ġewwa l-belt ta’ Talinn fl-Estonja, ndur fi ftit siegħat l-irkejjen u t-toroq akkumpanjat minn storiku Estoni Juri Kuuskumaa li huwa il-Kuratur tal-Mużew ta’ l-Arti Kadriorg nara l-influwenzi varji li il-poplu Estoni, prevalentement luteran, ra b’għajnejh.


2. Bejn post storiku u ieħor intlift niddibatti diversi punti. Il-perjodu tat-Tieni Gwerra Mondjali bil-preżenza tal-Ġermanja Nażista sabet ruħha komparata f’diversi mumenti ma’ dik tar-Russja Sovjetika. Kemm qatlu Estoni n-Nażisti u kemm il-komunisti, x’kienet l-attitudni ta’ wieħed fil-konfront ta’ l-ieħor. Bnedmin li sabu ruħhom iridu jgħixu ma’ min kien deċiż li ma tantx jittollerahom. Sibtni quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru, li aktar tard kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu wkoll, u hemm mal-ħitan esterni hemm lista twila ta’ Ministri tar-Repubblika libera Estoni li nqatlu ffuċillati, jew minn naħa jew minn oħra.

3. Illum iħossuhom liberati, poplu li għandu t-tmun tal-pajjiż f’idejh preparat sabiex jaffronta sfidi ġodda. Il-bandiera bil-faxxex blu, suwed u bojod tperper minn fuq il-bjut qisu ma huwa xejn, biss taħt Josef Stalin (li ddeskriva lil Estoni bħala problema li tista’ tiġi solvuta billi jittneħħew minn wiċċ id-dinja) kont teħel ħamsa u għoxrin sena ħabs u ħamsa minnhom fis-Siberja jekk kemm–il darba ittellagħha. Beda jidħak waqt li ddeskriva l-perjodu ta’ Nikita Kruschev bħala aħjar għax kont teħel għaxar snin biss! Il-bandiera tperper bir-raġun fl-ogħla istituzzjonijiet tfakkar ma’ kull radda tas-salib f’dak li kienu u f’dak li huma.

4. Waqt li tgħaddi mit-toroq tara li l-belt qegħda tipprova terġa’ tieħu r-ruħ. Miżgħuda bi knejjes, palazzi, lukandi u ristoranti hemm ħajja differenti. Jidher ċar li t-turiżmu qiegħed jikber b’rata interessanti. F’kull stabiliment tara li hemm qabża li qegħda issir minn dan il-poplu paċifiku li għamel wisq snin iddominat. Hemm rabtiet storiċi li jmorru minn naħa mill-preżenza tal-Kżari Russi jidwu minn Pietru il-Kbir u Katarina l-Kbira u dan flimkien mad-diversi djar u mħażen tan-negozjanti f’parti mill-bliet hansejatici li kienu tant b’saħħithom sew fil-kummerċ. Hemm passat magħġun ukoll f’influwenza Ġermaniża li tkabbar iktar. Dan Juri qalli li jaf il-Ġermaniż u r-Russu tajjeb u dawn servewh għar-riċerki varji fl-istorja ta’ pajjiżu.

5. Biss, minn kelma għal oħra, stajt nara kemm quddiemi kelli persuna li għadda minn mumenti iebsa. Stajt napprezza dak li għadda minnu hu u l-poplu. Ħelsu minn poter politiku estrem, ma hemmx dubbju, imma meta tara l-idejat li huwa jħaddan tinduna li l-influwenza kulturali ta’ dak l-perijodu hemm għada. Il-liġijiet, in-normi, ir-regoli li huwa jħaddan ġewwa fih issawru minn żmien il-materjaliżmu stoiku. Il-kunċett tal-bniedem, l-identità tiegħu, il-bilanċ intern bejn dak li huwa moralment konvint u dak li huwa kundannabli għadu taħt il-ħakma ta’ ideat oħra.

6. Waqt li konna mexjin fuq is-swar tal-parti ta’ fuq tal-belt appena titlaq il-knisja ta’ Santa Marija, urieni fil-bogħod blokk kbir ta’ djar barra l-parti ċentrali li fhimt li ġiet imtellgħa mis-Sovjetiċi għas-suldati tagħhom. Hemm il-maġġoranza tagħhom baqgħet b’diffikultajiet illum ta’ integrazzjoni. Ippreferew jgħixu ma’ l-Estoni minflok imorru lura. Sfida verament kbira għall-futur meta wieħed jara kif rajt ġewwa Narva li l-fruntiera mar-Russja qegħda hemm. Ir-rapport ta’ dominaturi ma’ dominati qed jaqbad toroq li għad irridu naraw kemm u sa fejn ser ikun hemm għaġna sħiħa.

7. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, mhux dawk ta’ Juri li għad għandhom wisq feriti fil-memorja tagħhom, iridu jibnu dan. Mhux ser ikun faċli. F’mumenti tista’ tmiss l-ateiżmu komunista jaħdem id f’id ma’ dak tal-liberaliżmu ta’ llum. F’oħrajn hemm min qiegħed jipprova jiddistingwi ruħu. Din hija l-qabża l-kbira, l-isfida li dawk li għexu taħt reġim fejn kien aċċettabli li tkun ateu sabiex tidħol fix-xogħol mal-istat, u anzi li ġew magħġuna minn dan il-kunċett tal-ħajja li jippruvaw jibnu stat u kunċetti tal-ħajja kompletaent differenti. Hemm sinjali ta’ bidla. Hemm ċar diversi li jridu juru li biex tibni soċjeta’ differenti trid tibbaża fuq normi, liġijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li l-materjaliżmu storiku, l-ateiżmu kienu kapaċi jagħtu. Prinċipji li jħarsu lejn il-ħajja u li jitilqu mill-bżonn li jiġi.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal Il-Mument tad-19 ta’ Lulju 2009.

21.7.09

FEJN SPIĊĊA S-SOĊJALIŻMU?

1. Ma hemmx bżonn ħafna trattati twal fuq kitbet Karl Marx u s-segwaċi tiegħu. Ninsab żgur fl-aħħar ta’ l-iskaluna biex nazzarda din it-triq però llum, wara tant snin, naħseb li tajjeb li wieħed jipprova jagħmel ftit riflessjonijiet ġenerali. Ma rridx ngħid li huwa żbaljat li wieħed jerġa’ jara mill-ġdid kitbet Marx, Engels, Lenin, Rosa Luxemburg u l-oħrajn kollha. Dan anzi huwa tant parti mill-istorja tad-dinja li nistgħu nifhmuha aħjar jekk naqrawhom u naraw x’qalu u x’effetti ħolqu kitbiethom. Għalhekk, għalkemm jidher mill-iktar ċar li s-soċjaliżmu m’għadux ileqq ħafna, xorta huwa parti minn ħsieb, forza li l-bniedem ivvinta sabiex jipprova jibdel. Kemm dan irnexxielu rridu naraw u titkellem l-istorja.

2. It-tlugħ u l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin immarkaw il-bidu u tmiem id-dominanza Sovjetika, ma hemmx dubju, però rridu naċċettaw li l-marksiżmu kien diġà spiċċa qabel. Fil-ħidma ta’ kull ġurnata, minn forza ta’ progress fir-realtà saret waħda ta’ rigress. Minn forza ta’ qawmien mill-ġdid saret waħda ta’ distruzzjoni. Anzi, wara r-rivoluzzjoni, dawk li ħadu l-poter f’idejhom assiguraw li jsiru forza konservattiva. Ma riedu jbiddlu xejn u rajna, anzi, kif il-poter tant beda tielgħa għal rashom li kienu saru theddida għad-dinja. Kultura differenti ta’ kif tittratta l-poter ta’ l-Istat. Waħda li għad għandha l-effetti tagħha.

3. Is-sabiħ ta’ kollox kien li tul l-eżistenza ta’ l-Unjoni Sovjetika, l-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa kellhom partiti soċjalisti u komunisti b’saħħithom. Kif spiċċa kollox, spiċċaw huma wkoll. Iddisintegraw ruħhom, kważi sparixxew f’numru ta’ Stati. Biss dan ma fissirx li kitbet is-soċjalisti ma baqgħetx tinfluwenza lil politiċi oħra f’irkejjen oħra tad-dinja. Dak baqa’ hemm, b’manifestazzjonijiet varji li huma stess sabu ruħhom suġġetti ta’ studji varji.

4. Għax għalkemm ma hemmx dubju li huma l-prinċipji li l-partit iħaddan li għandhom jagħtuh direzzjoni l-ewwel, u wara jservu ta’ kalamiti għal bnedmin oħra sabiex jinġabru u jingħaqdu fih, hawn għandna iktar x’nifhmu. Jekk il-mexxejja ta’ materjaliżmu storiku jew anti-storiku huwa parti mill-iżvilupp “naturali” ta’ soċjetà mmexxija mill-bnedmin, irridu naraw iktar ‘il quddiem. Biss, irridu naċċettaw li s-soċjaliżmu ser jibqa’ mmarkat bl-abbiltà tiegħu li jinqasam f’biċċiet li wara jikkuntrastaw lil xulxin. Il-varjetà ta’ soċjaliżmi u komuniżmi li d-dinja rat u għadha tara huwa verament interessanti.

5. Ngħid dan għax apparti l-istorja politika fl-Ewropa sħiħa hawn ukoll ċirkostanzi oħra li jimmeritaw attenzjoni. Laqatni reċentement dak li qiegħed jiġri ġewwa n-Nepal, dak il-pajjiż mgħaffeġ bejn tant kulturi. Hawn għandna żewġ ulied il-komuniżmu jikkumbattu kontra xulxin bħala Gvern u Oppożizzjoni. Mhux biss, imma hemm akkużi reċiproċi ta’ vjolenza fuq membri tal-partiti opposti. F’dan l-Istat hemm partit marksista-leninista li huwa fil-gvern immexxi minn Kumar Nepal u fl-oppożizzjoni wieħed marxista mmexxi minn Prachanda. Ftit xhur ilu kienu t-tnejn fil-gvern f’koalizzjoni, biss iġġieldu meta l-partit Maosta ried idaħħal fil-forzi armati tletin elf persuna li kienu gwerillieri. Dak allarma l-maoisti-leninisti u spiċċa kollox. Qed jiġġieldu ġlied kbir li l-futur biss irid jgħidilna fejn ser jaslu.

6. Ideoloġikament fuq il-karta jidher li ma hemmx xi punti li ma jistgħux jaqblu fuqhom u l-bandieri tagħhom it-tnejn huma ħomor bil-falċi u l-martell, imma l-ġlied bejn il-bnedmin ma jistax jinġabar. Min huwa llum il-veru soċjalist ġewwa dak il-pajjiż ftit jafu. It-tnejn jgħidu li huma ulied veri. Ir-realtà hija li s-soċjaliżmu spiċċa f’sempliċi ġlied għall-poter, mingħajr ebda forma ta’ prinċipji ta’ xejn. Anzi, l-ideoloġija tidħol biss sakemm hija parti mit-tgħajjir ta’ naħa lejn l-oħra, il-bqija poter għal wiċċ il-poter.

7. Id-dinja rat ħafna esperjenzi bħal dawn. Il-kitbiet tas-soċjaliżmu llum sejrin lejn din id-direzzjoni inevitabbli. Dik li fiha tispiċċa r-relevanza politika u tikber iktar dik storika. L-istorja ta’ l-umanità ma tistax tiċħad l-eżistenza ta’ dan il-moviment politiku u anzi m’għandhiex għax hemm ħafna lezzjonijiet x’wieħed jista’ jieħu. Dan għax serva għal ħaġa u tilef l-importanza għal oħra. Ma hemmx dubju li llum ġie destinat li jingħalaq darba għal dejjem mill-possibilità li jibqa’ kkunsidrat bħala soluzzjoni tal-problemi li l-bniedem jiffaċċja. Biss xorta m’għandux jiġi njorat minn min irid jaħrab l-iżbalji li saru.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal Illum tad-19 ta’ Lulju 2009.

17.7.09

PATRI REDENT

1. Nhar il-21 ta’ Mejju kont qiegħed fil-knisja dedikata lil Santa Teresina ġewwa Birkirkara nattendi għall-funeral ta’ Patri Redent tas-Salib, fis-seklu John Azzopardi Karmelitan Tereżjan. Nammetti li kif ġiet fi tmiemha l-quddiesa ġie f’għajnejja d-dmugħ. Patri Redent kont ilni nafu u f’dawn is-snin kiber iktar fuqi l-effett kontaġjuż li l-karattru pożittiv tiegħu kien jittrasmetti.

2. Niftakru għadu ġej frist frisk mill-istudji tiegħu flimkien mal-inseparabbli Patri Eusebio. Ta’ tifel kont midħla tal-knisja ta’ Santa Tereża ġewwa Bormla. Hemm servejt ta’ abbati ma’ patrijiet ixjeħ minnu. Kont imdorri bil-pass tagħhom, imma meta ġie d-dinamiku Redent, il-paġna nbidlet.

3. Huwa kellu fih kalamita naturali għall-bnedmin, kien iġiegħlek tħobbu mingħajr ma jgħid xejn. Biss kellu bilanċ intern li ftit setgħu jifhmu u jikkalkulaw. Minn barra mimli enerġija, elettriku, impazjenza għall-imħabba u fl-istess ħin devot tal-ħlewwa u l-umiltà. Riedek timpenja ruħek għall-proxxmu u dik għalih kienet il-prinċipju sine qua non li kull rapport uman veru u ta’ sustanza jrid jaqbad sabiex jittieħed bis-serjetà u, fl-istess ħin jagħti l-frott.

4. L-istudji, l-ħajja, dawn firduni minnu. Kont sibtni narah darba fil, inkella f’xi funeral jew xi ċelebrazzjoni fejn hu kien ikun minn ta’ quddiem, mimli b’ħeġġa, kuraġġ u determinazzjoni. Biss, ma nafx kif, sibtni ninġibed lejn il-monasteru ta’ Tas-Silġ. Ħafna drabi ngħid li l-Kbira Santa Tereża wittietli t-triq. Fl-1992 bdejt naqra kitbietha flimkien ma’ ta’ karmelitani oħra u nġbidt, issaħħart fi triq li ppruvajt inżomm lili nnifsi fiha f’dawn is-snin.

5. Missieri ġie maħtur President tar-Repubblika u jien għalkemm kont, mill-1987 għamilt ħilti sabiex naħrab il-politika b’xogħol kemm niflaħ fil-professjoni, sibtni f’assedju ta’ persuni li riduni nimla postu fil-parlament. Ma kontx ċert x’għandi nagħmel u għażilt naħrab għall-parir fil-ħitan ġentili u twajba tad-dar tal-irtir ta’ Tas-Silġ. Akkordajt ma’ Patri Eusebio u fil-ġimgħa tad-Duluri kont qiegħed hemm milqugħ b’ferħ u mħabba.

6. Ftit wara li dħalt u qegħedt il-kotba u d-dokumenti li kont ġibt miegħi nsibni b’Patri Redent quddiemi jistaqsini fuq l-ikel u jagħtini l-ħinijiet li fihom kont mistenni nżomm l-appuntament mal-kok. Il-kċina kienet ir-renju tiegħu. Kollox f’postu. Ebda platt, sikkina, borma, taġen barra mill-ispazju li hu kien indikalhom li għandhom jokkupaw. Niftakarni ninżel għall-ikla ta’ filgħaxija f’kunvent kważi vojt u nsib fuq l-irħama porzjonijiet li ridt tlett ijiem biex nikkonsma!

7. Irqad, quddies fis-sitta ta’ filgħodu, kafè fit-tmienja u wara ikel f’nofsinhar u fit-tmienja ta’ filgħaxija. Ritmu kostanti, perfett. Il-ħitan kienu u jibqgħu protezzjoni għal dawk ġewwa miġbura. Il-ħin idur fis-silenzju tal-post u xejn ma kien itellifni fil-volumi ta’ kotba li kien jirnexxili naqra. F’jum id-Duluri, s-silenzju kien jinkiser biss bit-tvenvin tar-riħ waqt li f’widinti kienu jibqgħu jidwu l-kliem li l-post huwa issa fdat f’idejja, li Redent u Eusebio kienu t-tnejn jgħiduli bit- tbissima sabiħa tagħhom.

8. Ma waqaftx immur għall-irtiri hemm, però l-iktar ħaġa li kienet timpressjonani fih kienet il-ħidma intensiva li biha kien jintilef isajjar filgħodu wara tas-sitta. Il-borom jieħdu l-ħajja ħabta u sabta, l-ingredjenti jibdew jitħalltu, l-irwejjaħ kienu jinħelsu liberi liberi jduru l-irkejjen kollha tal-post. Għad għandi f’imnifsejja r-riħa tfuħ, ta’ dak li dak il-moħħ apparentement ikkumplikat li però fir-realtà kien verament organizzat. Kien ikolli nqum kmieni nagħlaq bieb tal-passaġġ prinċipali, nkella addio talb jew qari.

9. Il-pjaċir tiegħu kien f’dan il-post joħroġ iktar il-karattru ġeneruż u miftuħ. Porzjonijiet kbar, platti mimlija u ma hemmx diffikultà jekk trid it-tieni jew it-tielet wieħed. Għadu quddiem għajnejja jidħak jidħak iqassam lil dawk li l-Ħadd kienu jqattgħu ġurnata rtir magħhom. Verament dak il-jum kien dejjem speċjali għax kont insibni niekol miegħu u ma’ Eusebio flimkien ma’ min il-Provinċjal kien jibgħat magħhom.

10. Hemm konna nintilfu nitkellmu u kont dejjem nibqa’ mpressjonat bl-innoċenza kbira li kellu Redent. Id-domandi li kien iqegħedli kienu diretti għall-verità, b’sempliċità mill-iktar sabiħa. Dik il-konverżazzjoni kont inżommha f’qalbi s-sena kollha, naħseb u nerġa’ naħseb fuq dak li ngħad hemm. Għad għandi ċari l-aħħar ftit, meta huwa u Eusebio kienu għadhom taħt l-istess saqaf flimkien ma’ Patri Juan li kienu t-tnejn addottaw bħala l-iben spiritwali tagħhom. Iċ-ċajt ma kien jonqos xejn, speċjalment meta kienu jiġu fin-nofs il-preġji tal-Bormliżi.

11. Ftit snin ilu kienet ittieħdet deċiżjoni li Redent jiġi trasferit Ta’ Xbiex. Niftakar narahom jidħku bejniethom fuq it-“transfers” reliġjużi li kienu jingħataw. Meta kont immur għall-irtir u ma kontx insibu hemm nammetti li l-preżenza tiegħu kienet tinħass xorta waħda. Kont insibni nistenna mingħajr ma rrid li f’daqqa waħda ser narah dieħel. Għax kellu mod ta’ kif jersaq lejn in-nies li ħadd ma jista’ japprezza jekk mhux meta ssir tafu.

12. Redent kien dejjem pront iwieġeb għal sejħiet mingħajr ma anqas jurik. Niftakar f’jum minnhom lissintlu li r-Rettur ġewwa x-Xgħajra kien qiegħed ibati sabiex isib lil xi ħadd jidħol għalih għall-quddies tal-Ħadd filgħaxija fil-5.00. F’ħakka t’għajn sibtu ġej għaliha. Tistaqsunix x’għamel, naf biss li f’daqqa huwa kien hemm. Kien jiġi b’dak il-vann abjad tiegħu li kien inseparabbli minnu, jistenna fin-niżla, jaqra u jipprepara ruħu. Mhux darba jew tnejn kont nieqaf nitkellem miegħu.

13. Il-quddiesa kienet iddum nofs siegħa, xejn iktar u xejn inqas. Biss il-priedka tiegħu kienet tkun ċara, diretta bħal vleġġa li kienet timlik b’imħabba, ħeġġa u determinazzjoni li tgħix il-ħajja t-tajba. Kien kostanti bħall-arloġġ. M’hemmx tnikkir, ħidma biss. Kont nibqa’ mpressjonat bil-fatt li anki l-Ħadd, meta ħafna kienu jkunu mistrieħa, hu kien ikun hemm. In-ngħaġ tiegħu kien verament jidħol għalihom, jaqbeż għalihom u jfittex kif jista’ li jidderiġihom.

14. Kien karattru mill-isbaħ, mimli bid-doni li diffiċli li wieħed isibhom f’persuna waħda. Għandi ħafna iktar memorji sbieħ tiegħu li nittama li jkolli l-ħin li nikteb. Biss, ma rridx nagħlaq mingħajr waħda mill-aħħar ħsibijiet li kelli tiegħu fl-aħħar irtir. Filgħodu nżilt fil-kċina u erġajt rajt radju iswed li kellu fir-rokna tal-lemin. Fit-tisjir tiegħu l-ħsejjes tal-borom, il-platti, il-forn qatt ma kienu jaqbżu l-aħbarijiet li kien isegwi tal-BBC. Dawn kienu jirbumbjaw mal-ħitan għax kellu din il-kapaċità jsajjar, jikkalkula l-ingredjenti u fl-istess ħin jifhem x’qed jiġri fid-dinja.

15. Bqajt naħseb fuq dan l-apparat li ħalla warajh u nammetti li kelli t-tentazzjoni nixegħlu sabiex nara jekk l-istazzjon baqax l-istess, però dan m’għamiltux. Bqajt napprezza dan il-persuna li kien kapaċi jiġbed tant nies lejh u kien tant parti mill-kariżma tereżjana li ddistakka ruħu minn kollox. Rajtu l-aħħar darba meta wasalt għall-aħħar irtir. Kont dieħel u hu kien ħiereġ. Ġie għal xi raġuni jara l-post fejn għex għal tant snin.

16. Nagħlaq billi minn qalbi nerġa’ nsellimlu. Il-memorji t-tajba jibqgħu ma kull persuna, proprju għax iħallu marka li jmexxuna ‘l quddiem. M’għandix dubju li Patri Redent dan irnexxielu jagħmlu. Illum huwa qiegħed flimkien mal-Qaddisin li tant ħabb u ħa ħsieb li jsegwi kitbiethom b’eżempju. Insellimlek Patri Redent u kompli isma’ u doqq ir-radju minn hemm fuq għaliha.

13.7.09

Il-bniedem u l-invenzjonijiet


1. Laqatni l-artikolu xi ġimgħat ilu fil-Herald Tribune li kellu bħala suġġett il-kriżi ekonomika preżenti fid-dinja. F’parti minn dan, Thomas L. Friedman jgħid: “Therefore, the country that uses this crisis to make its population smarter and more innovative – and endows its people with more tools and basic research to invent new goods and services – is the one that will not just survive but thrive down the road. We might be able to stimulate our way back to stability, but we can only invent our way back to prosperity. We need everyone at every level to get smarter.


2. Dan l-argument fih ħafna sens. Il-bniedem jivvinta strumenti ġodda, mezzi differenti għax isib lilu nnifsu fil-bżonn. Mhux kull persuna jkollha fiha t-talent li tmur lejn toroq ġodda, anke jekk ma hemmx forzi esterni ta’ neċessità. Biss dawk li għandhom dan il-melħ konċentrat fihom jispikkaw f’mumenti bħal dawn. Ikunu huma, diversi drabi, l-ewwel li jiftħu l-bibien għal soluzzjonijiet li jwieġbu għar-realtà li pajjiż, poplu, komunità jkunu qed jiffaċċjaw.


3. Il-punt tat-tluq huwa kemm soċjetà tagħti importanza lill-istudju. Il-prijorità trid tkun l-edukazzjoni u l-għarfien li mingħajrha ma nistgħux nimxu ‘l quddiem. L-investiment determinanti f’dawn l-aħħar għoxrin sena f’pajjiżna kien proprju dan. L-abbiltà li f’sitwazzjoni fejn l-infrastruttura ta’ l-Istat Malti kienet qed titlob flejjes u attenzjoni, xorta waħda rajna li strateġikament jagħmel il-ġid li mmexxu t-tagħlim ‘il quddiem.


4. Mhux biżżejjed, b’danakollu, li tibgħat persuni fil-bank ta’ l-istudju, imma huwa għaqli li tassigura li l-kwalità ta’ dak li jingħad jogħla huwa wkoll. Illum nużaw il-kliem “eċċellenza”, “state of the art” u oħrajn simili u sewwa nagħmlu, biss fir-realtà qegħdin sempliċement nerġgħu naffermaw li hemm lok għat-tagħlim mingħajr ma hemm wkoll rabta ekonomika magħha. Ma hemmx x’wieħed jiddibatti fuq dan. Huwa magħruf li ħafna ġenji ta’ l-arti żviluppaw dan għad-dinja għax ġew injorati fuq proġetti kbar minn persuni li kellhom il-mezzi ekonomiċi biex jidħlu għal dan il-“kapriċċ”.


5. Il-“kapriċċi” ta’ l-antik urew lin-nies ta’ żmienhom is-saħħa politika tagħhom, manifestazzjoni pubblika tal-importanza ta’ dak li twettaq, jew aħjar ta’ dak li huma. Suġġett verament interessanti li reċentement l-Avukat Mark Micallef kiteb dwaru fit-tul fil-ktieb tiegħu “The Politics of Art” li jimmerita attenzjoni żgur. Il-politika, l-espressjoni pubblika ta’ l-invenzjonijiet tal-bniedem jgħaddi minn fuqhom iż-żmien. Il-pendlu jibdel l-iskop tagħhom, jew aħjar, fuq naħa jħalli u fuq oħra tiżdiedlu l-importanza f’setturi oħra. Dak li meta sar kien “biss” dikjarazzjoni politika, illum sar iktar wieħed marbut ma’ kemm jirnexxilu jkun kreattiv il-bniedem.


6. Persuni fl-ekonomija mhux dejjem japprezzaw dan il-fenomenu fl-iżvilupp uman u jkunu iktar disposti li janalizzaw biss x’invenzjonijiet ser iqallgħu flus u jħaddmu r-rota tal-kummerċ. Imma naħseb li meta jikkunsidraw kemm l-opri ta’ l-arti huma mogħtija valur, u anzi huma kalamiti għal kummerċ ieħor, jistgħu jibdlu fehmithom. Id-dinja tgħallima fuq dan. Reċentement rajna numru ta’ każijiet ta’ diffikultajiet ta’ natura diplomatika li twieldu proprju mill-għarfien tal-potenzjal tal-prodott li l-invenzjoni tal-ġenju tal-bniedem irnexxielu joħloq. Ta’ kemm opri ta’ l-arti għandhom saħħa ekonomika.


7. Hemm, biex ngħidu hekk, żewġ każijiet klassiċi li ġejjin mid-dinja antika. L-ewwel, it-talba ta’ l-Eġittu sabiex il-Ġermanja tagħti lura l-bust ta’ Nefertiti. Ma nafx min wettaq din l-opra verametn sabiħa. Nafu biss li fl-1912, Ludwig Borchart sabu fl-iskavi tiegħu fl-Eġittu u ħadu miegħu f’Berlin fejn jinsab. Zahri Hawass, li llum huwa magħruf u aċċettat bħala awtorità, ddikjara li dan ittieħed illegalment (b’mezzi frodoloenti) u allura hemm bażi sabiex dan jingħata lura. L-istess, u dan huwa t-tieni każ, jista’ jingħad fil-kontroversja interminabbli bejn l-Ingilterra u l-Greċja fuq ‘l hekk imsejħa “Elgin Marbles”, il-biċċiet tal-Parthenon li meta tmur fl-Akropoli tapprezzahom ferm iktar milli fuq l-istampi, ser jibqgħu żgur ballun ta’ kontestazzjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.


8. Ir-realtà ta’ dawn l-eżempji hija li ħadd ma huwa dispost li jċedi dak li l-invenzjoni umana rnexxielha tagħmel. Dak li jsir fl-arti, fil-kultura, dak li l-bniedem kapaċi jivvinta għad-diversi raġunijiet li l-ħajja u ż-żmien jagħtu, jibqa’ hemm. Iktar ma jkun tajjeb, iktar ma jkollu elementi ta’ invenzjoni, ta’ kreattività, iktar jispikka u jibqa’ hemm fis-sekli li jista’ jkun hemm għad-disposizzjoni tal-bniedem. Fortunatament għalina t-talenti li għandu l-bniedem ma jintilfux f’perjodu wieħed, imma jibqgħu għalina biex nużawhom. Aktar ma dan jiġi apprezzat mill-politiċi, iktar nimxu ‘l quddiem. Dan għax nistgħu nistimulaw lura l-ekonomija lejn l-istabilità imma nistgħu wkoll naslu għal prosperità bl-abbiltà ta’ l-invenzjoni.


Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal Illum tat-12 ta’ Lulju 2008.

6.7.09

GĦALA JIĠU ELETTI L-GVERNIJIET

1. Il-politika f’pajjiżna hija parti minn proċess li ħakem diversi soċjetajiet fid-dinja. M’għandna xejn ta’ barra minn hawn fl-istrutturi demokratiċi tagħna – isegwu dak li nbeda f’komunitajiet oħra u nħaddmuhom tajjeb. Meta tqis kemm daħlu organiżmi legali ġodda f’dawn is-snin u tħares lejn x’forma ta’ Gvern kien ikollna u dak li għandna llum wieħed japprezza ferm iktar kemm il-Partit Nazzjonalista, fil-ħidma governattiva tiegħu, sarraf soċjetà kompletament ġdida. Il-pajjiż tmexxa u għadu qiegħed jitmexxa minn Gvern li jaf jiggverna, u dan qed jagħmlu tajjeb.

2. Nistgħu nsibu persuni li ma’ dan ma jaqblux u minflok iressqu argumenti differenti, negattivi fix-xejn mingħajr ma jsostnu l-argumenti tagħhom sewwa. Rajt diversi tipi ta’ dawn l-argumenti bħal dik li għax hawn kriżi ekonomika fid-dinja, għax hemm numru ta’ setturi, fosthom it-turiżmu, li qed jaraw tnaqqis kullimkien hija evidenza ta’ dan. Wieħed saħansitra sostna li għax ma deherx riklam fuq pajjiżna f’gazzetta Ingliża li ma tantx tinxtara, allura dan ifisser li m’aħniex iggvernati tajjeb. X’argument? Qisu tkun hekk immexxi skond kemm tħallas għar-riklami!

3. Ma’ dan kellna wkoll min qiegħed jipprova juri li l-Partit Laburista nbidel issa f’dan il-fenomenu ġdid li ħadd ma sema’ bih ta’ “moviment”. Infakkruh kemm fi żmien il-ġenerazzjoni Soċjalista (mhux rebbieħa) kienu jkellmuna fuq il-Moviment tal-Ħaddiem, però hawn issa hawn bidla. Spiċċa l-ħaddiem u baqa’ l-moviment. Ra din id-differenza għax, skont hu, sar wieħed progressiv u għax, skont hu, qiegħed iġib persuni li qabel ma kienux jivvutawlu biex hekk jagħmlu. L-isbaħ u l-aħjar insibuh fejn irrimarka li moviment politiku jsir progressiv u fejn le. Biss dan huwa kollu duħħan fl-arja. Duħħan għax dan it-tip ta’ diskors smajnieh fl-1976, fl-1986 u fl-1996. F’dik ir-rebħa elettorali Laburista, il-kliem “moviment” u “progressiv” konna smajniehom ukoll, imma r-riżultati tal-ħidma ta’ dak il-Gvern Laburista wrew bil-fatti li altru dak li kien ingħad u altru dak li sar.

4. Il-Partit Laburista fuq dan qiegħed jipprova juri ruħu bħala “progressiv” u jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa konservattiv. Dan m’huwa minnu xejn. Il-Partit Nazzjonalista m’huwiex konservattiv politikament, m’huwiex marbut li jħalli s-soċjetà fejn hi, anzi l-esperjenza fil-Gvern kienet proprju l-kontra. Kapaċi jibdel, imexxi ‘l quddiem, però b’attenzjoni, kawtela u mhux b’irresponsabbiltà. Il-pajjiż inqaleb ta’ taħt fuq proprju għax aħna konna u għadna progressivi ferm iktar minn ħaddieħor. L-istrateġija politika tal-Partit Laburista hija li tipprova tgħid li huma progressivi għax iridu d-divorzju u għax id-drittijiet tal-persuni li qed jikkoabitaw u ta’ wliedhom għadhom mhux f’leġislazzjoni waħda li jista’ jsibha faċilment min mhuwiex avukat.

5. Dan huwa wkoll stramb, l-ewwel għax ma hemm xejn ġdid fil-proposta Laburista li jridu l-introduzzjoni tad-divorzju. Dan sar diġà tlettax-il sena ilu u wara Kummissjoni li kienet ipproponiet l-introduzzjoni tal-medjazzjoni, kollox baqa’ hemm. Ma kienx hemm maġġoranza ta’ persuni li kkonvinċew irwieħhom fil-pajjiż li d-divorzju ser ikun ta’ ġid soċjali għall-pajjiż. Anke fuq persuni li qed jikkoabitaw, dan huwa settur fejn, kuntrarjament għal dak li ngħad, diġà ttieħdu numru ta’ passi sabiex dawn il-persuni jkunu protetti. L-ewwel tneħħiet id-distinzjoni fil-Kodiċi Ċivili tagħna li kienet tiddiskrimina bejn tfal imweldin fiż-żwieġ u dawk barra; it-tieni, fil-Qorti tal-Familja introduċejna l-medjazzjoni bejn koppji mhux miżżewġa għar-rigward tal-futur tat-tfal meta ma jaqblux; it-tielet, fil-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika daħħalna wkoll il-koppji mhux miżżewġa li qed jgħixu flimkien kif ukoll lil dawk li ma baqgħux li għalihom u għal uliedhom hemm l-istess forma ta’ protezzjoni legali; ir-raba’, li fis-sistema għall-għoti tal-kumpens lill-vittmi tar-reat daħħalna d-dritt għat-talba għal dawk li kellhom dipendenza finanzjarja fuq min huwa vittma u l-ħames, ressaqna emenda fil-Kodiċi Kriminali sabiex digriet tal-Qorti tal-Familja għall-ħlas tal-manteniment ta’ ulied ta’ koppja mhux miżżewġa jiġi kkunsidrat bħala kontravvenzjoni kriminali, kif inhuwa ta’ oħrajn, jekk ma jitħallasx. Hemm iktar xi jsir li qed jiġi preparat, imma mxejna passi ‘l quddiem, u sew.

6. Il-poplu tagħna għandu fih diversi persuni li qabel jesprimu l-vot tagħhom f’Elezzjoni Ġenerali jqisu tajjeb. Jikkalkulaw minn huwa kapaċi jiggverna tajjeb pajjiżhom, min apparti mid-diskors tal-mument jarah li meta hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet jaf jeħodhom. Il-Partit Nazzjonalista, f’diversi appuntamenti, irnexxielu jwettaq dan mhux għax isaħħar lin-nies, imma għax il-pajjiż jifhem x’inhuma l-għażliet quddiemu. Ma’ kull vot, ma’ kull appuntament titwieled koalizzjoni li qabel ma kenitx teżisti.

7. Jekk hemm xi ħadd li jaħseb li l-voti ma jiċċaqilqux qiegħed jiżbalja. Ma’ kull elezzjoni jkun hemm min iħoss li għandu jbiddel l-għażla, u hemm varjetà f’dan. Tul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm min kemm ivvota lill-Partit Nazzjonalista u kien hemm il-kontra, min dawwar il-vot minn dak Laburista għall-Partit Nazzjonalista. Dan ma fih xejn barra mis-soltu, imma huwa sempliċement ir-realtà, jekk trid aċċettaha inkella ibdilha f’ħaġa oħra. Ma’ kull appuntament elettorali, kull partit irid juri li għandu politika, sistema, valuri, prinċipji li kapaċi jafferma u jħaddem lejn il-futur.

8. Niftakar snin ilu meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-Oppożizzjoni u kien jitlef l-appuntamenti elettorali. Id-diskors bejn il-partitarji, fuq il-ġurnal tal-Partit kien ikun li l-Partit Laburista għandu warajh votanti li “ma jaqilbux”. Niftakar kemm-il konversazzjoni kont insibni nisma’ ma’ dawk is-segwaċi wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-1971 u dawk ta’ wara l-1976. Kliem li kien idur fl-arja li tressaq biss il-proġett finali f’ħaġa waħda: kemm kapaċi “taqleb” nies. Ir-realtà kienet kompletament differenti. Dak li kien l-effett kien qed jitħallat mal-kawża. Il-kaġun ta’ kollox kien li l-Partit Nazzjonalista, għalkemm kien viċin ħafna fl-1976, ma kienx qed jikkonvinċi li għandu l-abbiltà li jmexxi ‘l quddiem il-pajjiż bil-kwalitajiet tat-tmexxija u bis-sustanza tal-politika tiegħu.

9. Dan inbidel wara l-1987 bit-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, mhux għax kien wiċċ ġdid imma għax kien kompletament differenti. Wera li l-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu ġabra ta’ persuni li kienu kompletament ġodda u preparati sabiex jieħdu t-tmexxija ta’ l-Istat b’varjetà kbira ta’ ideat ġodda. Il-messaġġ li kien qiegħed iwassal dak iż-żmien kien dak ta’ sens u sustanza. Messaġ li, terġa’ ma kienx faċli li twassal f’soċjetà fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu maħkuma mill-partit fil-Gvern. Radju wieħed, stazzjon tax-xandir wieħed, it-tnejn ċentri mhux ta’ informazzjoni imma ta’ propaganda fuq kemm il-Partit Laburista qed imexxi tajjeb u kemm aħna ma nafux. Ħafna minn dak il-kliem għadu jidwi f’widinti sallum. Lili kien idejjaqni, però ħaddieħor kien komdu jisimgħu u jiġġustifikah.

10. Minkejja l-fatt li kellna kollox kontra, l-poplu għażel differenti. Ried ibiddel lil min kien qiegħed imexxih u baqgħu ma ħallewhx. Anke jekk l-akkaniment għall-klijenteliżmu żdied taħt l-amministrazzjoni Laburista tal-1981-1987 xorta l-pajjiż, bid-diffikultajiet kollha, qaleb il-paġna. Dan sar mhux għax il-Partit Nazzjonalista “xtara l-voti” (ma setax), iżda għax hekk ried il-poplu. F’kull Elezzjoni Ġenerali wieħed irid jaffronta dan. Irid jikkonvinċi bil-fatti li huwa kapaċi jżomm jew jieħu t-tmexxija tal-Gvern f’idejh. Iż-żmien, il-ftuħ demokratiku, l-avvanz fl-edukazzjoni, l-esperjenzi varji tan-nies anzi għollew ferm iktar minn qatt qabel id-doża ta’ l-analiżi tal-eżami li kull partit irid jgħaddi minnu. Dan għax bqajna partit progressiv li jħares lejn il-futur b’saqajh mal-art, mhux diskors vojt.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat fil-ġurnal Illum tal-5 ta’ Lulju 2009.

3.7.09

Il-ħajja u t-teknoloġija


1. Ma nafx x’jonqos nivvintaw sabiex nibdlu l-mod ta’ kif ngħixu. L-użu tat-teknoloġija moderna, l-użu tal-internet, blogs, emails, eċċ tant kiber u ħareġ barra mill-kontroll tagħna li m’jiniex ċert li nistgħu nlaħħqu miegħu. Qisu tant tlaqna niġru li qed insibu ruħna konfrontati b’mekkaniżmi li wieħed jiddubita kemm saru bil-bniedem bħala ċ-ċentru. Il-komunikazzjoni bejn l-umani hija naturalment neċessarja, però dan ma jfissirx li kull forma hija minnha nnifisha tajba u twassal għas-sewwa.

2. L-arti, l-kultura, kull attività umana għandhom diversi dimensjonijiet fihom. Hemm min jidħol għalihom sempliċement bħala ħidma mingħajr ħsieb u hemm min jagħmilha għall-amor proprju tagħha. Għalhekk, l-iskop wara l-kreazzjoni ta’ linja ġdida fl-attività tal-bniedem tibqa’ determinanti. Jibqa’ hekk sabiex mhux biss jiġġustifika dak li jkun qiegħed isir imma sabiex jassigura li dan huwa, fl-aħħar tal-ġurnata, ta’ ġid għall-bnedmin.

3. Kull persuna umana taf li fil-ħajja tagħha tista’ tidħol għal ħafna xogħol u tagħti l-enerġija sħiħa tagħha f’dak li taħseb li jagħmel sens. Anzi, jekk irridu nkunu iktar preċiżi l-bniedem, kieku kull ma jagħmel jagħmlu b’dan f’rasu, jirnexxilu jagħmel iktar sens għalih u għal ħaddieħor. Mentri fir-realtà ma jsirx, u nsibu li ninħakmu minn dak li anqas aħna stess ma nindunaw li qed niġu hekk maħkuma minnu. Għalhekk hemm dejjem lok li wieħed jidħol fil-fond ta’ x’għandu jiddedika ħin għal x’hiex u kif sabiex jagħraf kif qiegħed iqatta’ ħajtu.

4. Anke hawn, fiż-żona tat-teknoloġija moderna, tajjeb li wieħed jara jekk l-istrumenti li qed niżviluppaw humiex tajba jew le, jekk humiex jissostitwixxu r-relazzjonijiet umani fix-xejn. Reċentement, il-Presidenza l-ġdida ta’ Barack Obama ħarġet bil-kunċett li għandha tagħmel użu mill-blogs sabiex tibda tgħaddi l-informazzjoni u fl-istess ħin tieħu r-reazzjoni tal-poplu dwar x’jaħsbu fuq dak li ngħad. Dan fih innifsu huwa tajjeb, però kien hemm rapporti li kien hemm reazzjonijiet strambi fuq suġġetti li ma għandhom x’jaqsmu xejn. Biss jidher li kien hemm parteċipazzjoni tajba, ċaqliq f’settur li ser iressaq għal pożizzjonijiet ġodda.

5. Dan huwa strument ġdid u jista’ jagħmel sens f’soċjetajiet kbar fejn il-possibilità ta’ rapport uman tonqos. Biss, huwa minnu nnifsu stramb u mingħajr ruħ veru. Il-linja ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadin f’kull komunità mhux l-istess, anqas il-metodu. Għalhekk dawk il-metodi li jaħdmu f’post ma jfissirx li jaħdmu f’ieħor. Il-komunikazzjoni moderna hija tajba sakemm tibqa’ fuq livell li hu biss ma jissostitwixxix u ma jagħtix ir-ruħ neċessarja f’ħidma fejn persuna qegħda tipprova tifhem minn x’hiex ħaddieħor verament għaddej.
6. Nemmen li wieħed għandu jieħu in konsiderazzjoni dak li s-soċjetà hi u jgħaddi biex imexxiha lejn dak li għandha tkun. It-teknoloġija għandha l-vantaġġ li tinforma, però ma tistax tibni r-rapport personali bejn minn jirrappreżenta u min jiġi rappreżentat. Naqbel li għandna ninfurmaw, però dan għandu jmur lejn livell iktar personali u inqas impersonali. L-għodda tagħna, dawk li għandna, jistgħu jibqgħu għas-servizz tal-bniedem sakemm jibqgħu f’din il-linja. Appena jaqbżu din il-fruntiera jsiru invadenti u kontro-produċenti. Pajjiżna parti mid-dinja, m’hemmx dubju, però dan ma jfissirx li m’għandux jibqa’ jassigura s-sustanza tiegħu. Fl-aħħar tal-ġurnata nibqgħu b’vantaġġ jekk nassiguraw li l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadin tibqa’ fuq linja personali u ma ssirx waħda awtomatika mingħajr sens.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd, 28 ta’ Ġunju 2009.