27.7.09

Ħsibijiet għas-Sajf

1. Bħali naħseb li hemm ħafna li jħarsu ‘l quddiem lejn ix-xhur tas-sajf. Inqatta’ s-sena nemmen li ser insib ftit tal-ħin fejn nistrieħ u naġġorna ruħi mad-diversi kotba li nkun xtrajt jew qlajt matul il-bqija tas-sena però ma jirnexxilix. Waħda mill-ikbar diffikultajiet li kelli meta sirt student universitarju kienet dik li kien spiċċali l-ħin li naqra l-volumi li kien jirnexxieli qabel dħalt. Fil-fatt għadni niftakar kważi l-kotba kollha li kont wara qrajt f’dak ix-xahar li l-kors ta’ dak iż-żmien kien jippermettili.

2. Illum nerġa’ nsib din il-barriera. Mhux biss il-ħin dedikat għal xogħol li ma jieqafx, imma dejjem iktar bżonn ta’ attenzjoni fuq setturi ġodda. Għax independentement minn dan, il-qari huwa tajjeb. Għodda essenzjali għal min irid iżomm lilu nnifsu għaddej. Il-bniedem mingħajr dan ix-xorb, mingħajr ma jsaħħaħ id-dimensjoni kulturali tiegħu jsib li qed jonqos. Mhux kull persuna tagħraf dan, però hemm dejjem il-bżonn li wieħed iressaq ‘il quddiem l-argument, is-suġġett quddiem il-poplu ta’ kemm wieħed għandu jħajjar għall-qari.

3. Ngħid dan għax fil-pajjiż tagħna mhux dejjem naraw żieda fil-bnedmin li jaqraw u anqas insibu ruħna mfakkra b’kampanja iktar sistematika ta’ kemm huwa ta’ benefiċċju l-qari. Hemm dejjem f’dan differenzi fil-mod ta’ kif inhuwa magħġun poplu minn ieħor. L-introduzzjoni f’pajjiżna ta’ libreriji pubbliċi hija parti mill-wirt li ħallew hawn l-Ingliżi. Kienu huma li bdew bil-Biblijoteka Nazzjonali fil-Belt, mibnija bil-volumi ta’ kotba li diversi kavallieri ħallew warajhom apposta għal-librerija li baqgħu ma fetħux.

4. Hawn min ġie mgħallem mill-iskejjel tagħna sabiex imur fil-libreriji pubbliċi sija dawk ċentrali kif ukoll dawk reġjonali u lokali, imma għad għandna volum ta’ persuni li ma jersqux lejhom. F’dan id-dipartiment tal-libreriji pubbliċi għandu servizz verament tajjeb li qiegħed għad-disposizzjoni ta’ kulħadd, biss ftit huma dawk li jafu bih u li qatt marru sabiex jissellfu ktieb. Hemm bżonn ta’ attenzjoni lill-pubbliku ta’ dak li wieħed jista’ juża sabiex iżid fl-għerf u jagħraf iktar kemm hemm x’titgħallem.

5. Dan ix-xenarju jiżdied fl-importanza meta wieħed jikkunsidra kemm għandna kotba bil-Malti li huma fuq l-ixkafef jistennew li jinqraw. Ma hemmx mistrieħ, fortunatament f’dan għax il-kotba qegħdin il-ħin kollu jiġu stampati u maħruġa għal min jinteressah. L-aħħar wieħed ta’ Oliver Friggieri, per eżempju, iżommok siegħat sħaħ tiflih biċċa biċċa. Jgħinek tirrifletti fuq il-ħajja u, fl-istess ħin, jagħtik kwantità kbira ta’ informazzjoni li diffiċli li ssib min jaqbad u jgħaddihielhek fil-mod li hu jirnexxilu tant tajjeb li jagħmel. Anke l-aħħar ta’ Lino Spiteri fihom ħafna x’tomgħod. Huma wkoll miżgħuda b’eventi umani mħawrin tajjeb li kull min jindenja ruħu jaqrahom jieħu minnhom ideat.

6. Hemm ferm iktar li qiegħed viċin ħafna ta’ idejna li, sfortunatament, ma mmorrux għalih. F’mument ngħid li dawk bħali li jippruvaw jgħaddu ftit ħsibijiet kull nhar ta’ Ħadd qed nonqsu minn dmirna li ma nħajrux iktar. Hemm diversi metodi. Ħafna drabi għandek min jimmaġina li ktieb huwa dejjem wieħed bi kwantità ta’ paġni li ma jispiċċaw qatt u aħna ma mwasslux kemm huwa faċli li ssib kitba li mhix twila u xorta timlik. Veru li hemm lok għal min iħajjar sabiex dawk il-bnedmin jissuperaw dawn l-oktakli interni tagħhom.

7. Riċentement rajt żewġ intervisti interessanti, waħda ma awtur Ġappuniż li ma lħaqtx ismu u l-oħra mat-Taljan Andrea Camilleri. It-tnejn enfasizzaw kemm il-qari kien pedament għal ħajjithom. Anzi, l-ewwel wieħed stqarr li fil-kultura Ġappuniża hemm ferm iktar persuni li jissellfu kotba minn kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja u dan huma jattribwuh għall-fatt li huwa ferm iktar faċli li taqra l-Ġappuniż minn lingwi oħra. Ovvjament Camilleri wkoll kien interessanti bir-referenzi tiegħu lejn Luigi Pirandello u Leonardo Sciascia, b’mod partikolari imma huwa rreġistra wkoll kemm il-frekwenza tal-appuntament mal-kotba sawritu tant tajjeb.

8. Is-sajf jiġi, jgħaddi u ma ġġibux lura. Tista’ tqattgħu l-baħar, id-dar, barra mal-ħbieb u tista’ tagħtih parti li tkun parti li tkun marbuta mal-qari. Nemmen li aktar ma poplu jaqra iktar ikun kapaċi jagħżel, jifhem u jiddeċiedi. Il-politika t-tajba f’pajjiżna tiddependi fuq kemm dan isisr u jsir b’assidwità. Aktar ma l-elettorat ikun edukat, aktar ma jkun kulturalment preparat u ffurmat, tant aħjar. Din hija ċ-ċavetta għall-futur tad-demokrazija f’pajjiżna għax iktar ma jkollna poplu li jaqra, aktar aħjar. Dan messaġġ li rari jingħad li però tajjeb li jiġi enfassizzat. Pajjiżna għandu bżonn iktar bnedmin li jaqraw.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal In-Nazzjon tas-Sibt, 25 ta’ Lulju 2009.

1 comment:

Brigitte said...

Jien nixtieq nghid bhala suggeriment biex il-libreriji pubblici jestendu iktar il-hin tal-ftuh taghhom u jekk inhu possibli anke jifthu nhar ta' Hadd. Huwa risors mohli li jkollok librerija regjonali li tkun maghluqa fil-hinijiet u l-granet meta il-pubbliku ingenerali jkun jista' jzur il-librerija izjed. Qed nghid li l-libreriji ghandhom ukoll jizammu miftuha sa tard fl-ghaxija u mhux mal-hamsa jew is-sitta ta' fil-ghaxija jkunu diga maghluqin u fis-sajf jaghlqu fis-siegha u nofs ta' wara nofs in-nhar. Barra minn hekk ghandhom jigu organizzati open days, story telling sessions ghat-tfal u xi attivitajiet relatati biex ihajru lin-nies tal-irhula jmorru l-librerija.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...