28.4.16

Diskors fil-Parlament dwar l-Abbozz ta' Ligi 113 - Vilipendju tar-Reliġjon


Seduta Nru. 376 tal-Erbgħa, 13 ta’ April 2016

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa wieħed illi jħares lejn żewġ partijiet distinti u separati; għandek parti li qegħda tmiss il-kwestjoni ta’ dak li aħna nsejħu t-tkasbir tar-reliġjon, il-vilipendju tar-reliġjon; u l-ieħor huwa dak li jipprova jibdel is-sitwazzjoni rigward kif l-Istat għandu jħares lejn id-dellitti marbuta mal-pornografia, fejn hemm numru ta’ punti kompletament ġodda minn dak li s-soltu konna qegħdin naraw fil-Kodiċi Kriminali.

Fl-erba’ minuti illi kelli qabel, kont bdejt nispjega illi s-sistema legali tagħna għal żmien twil kienet tieħu ħsieb illi tipproteġi s-sentiment reliġjuż u tipproteġi wkoll il-kult, jiġifieri tipproteġi nies li jridu jkunu parti minn reliġjon fl-eżerċizzju tar-reliġjon tagħhom.  Huwa dritt fundamentali għal kull persuna li ġiet rikonnoxuta minn żminijiet antiki, fejn kulħadd għandu dritt li jeżerċita din is-sejħa reliġjuża tiegħu, u l-Istat daħal biex jipproteġi u jassigura protezzjoni għal min irid jeżerċita r-reliġjon.  Però, fis-sistema legali tagħna ġraw żewġ affarijiet illi biddlu l-perkors.  L-ewwel ħaġa, meta ġew l-Ingliżi hawn Malta nbeda proċess ta’ kodifikazzjoni, illi kien qiegħed isir mhux biss f’pajjiżna imma prinċiparjament kien qed isir fl-Ewropa kollha, li permezz tiegħu dan il-proċess ta’ kodifikazzjoni ġieb illi l-liġijiet kriminali jkunu miktuba u jkunu miktuba fi ktieb wieħed.  Hemmhekk, meta beda l-proċess tad-dibattitu fl-1854 kien hemm Kodiċi Kriminali kompletament ġdid għas-sistema legali tagħna.  Fost l-affarijiet interessanti illi l-Abbozz ta’ Liġi li ġab dak il-Kodiċi Kriminali fis-seħħ beda billi għamel referenza għad-delitti kollha li seta’ kien hemm li twieldu taħt id-Dritt Ruman jew twieldu taħt dak li nsejħu jus comune; u qal li dawk m’għadhomx applikabbli.  Qamet kwistjoni rigward kif tipproteġi s-sentiment reliġjuż u kif tipproteġi dan l-eżerċizzju tal-kult tar-reliġjon u fl-1854 kien hemm ġurista Skoċċiż Sir Andrew Jameson, li dan ma qabilx mal-mod ta’ kif inktibu l-artikli.  Il-Kunsill tal-Gvern però kien qabel magħhom u kien irrakkomandahom.  Però s-Secretary of State, fil-5 ta’ Frar 1854 kien kiteb lura u qal li l-Kodiċi Kriminali kollu huwa approvat, barra dawk l-artikoli li ddaħħlu mill-Kunsill tal-Gvern f’pajjiżna, bi qbil bejn il-partijiet kollha li kien hemm dak iż-żmien.  Allura, mill-1854 sal-1933, fis-sistema legali tagħna ma reġax kellna lil xi ħadd li daħħal lura l-artikoli li aħna nsejħu dawk li jipproteġu kontra it-tkasbir tar-reliġjon, kontra l-vilipendju tar-reliġjon.  Dan sar mhux b’kapriċċ, u lanqas ma sar b’xi forma ta’ koċċutiżmu, imma sar minħabba fil-fatt li kienu qamu numru ta’ raġunijiet illi ġiebu n-neċessità li dan isir.  Jiena kelli l-opportunità li naqra d-dibattiti li saru sija fil-Kamra, kif ukoll fis-Senat fl-1933 u fhimt x’kien il-background wara li saret din il-liġi tal-1933.  Din, min qed jipprova jpinġiha bħala liġi li saret sempliċement biex tiġi affermata r-Reliġjon Kattolika jew saret minn nies li kienu fundamentalisti fl-appartenenza tagħhom għar-Reliġjon Kattolika hija assolutament żbaljata u m’għandha x’taqsam xejn!  M’għandhiex x’taqsam il-kwestjoni tas-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja!  Anzi, fiha hawn rikonoxximent tal-obbligu pożittiv li għandu fuqu l-Istat li jopproteġi d-dritt fundamentali taċ-ċittadin tiegħu li jkun jista’ jeżerċita reliġjon u ma jiġix interrott fl-eżerċizzju tar-reliġjon, u terġa’, li s-sentiment reliġjuż, sija Kattoliku, sija dak li mhuwiex Kattoliku, jiġi protett!  Allura, meta qrajt id-dibattiti sibt parti fejn nannuhi kien qed jispjega x’ġara:

“Oggi ben altre sono le ragioni.  Sono più profonde e più serie le ragione che hanno animato il Governo a portare avanti questa legge e l’attacco non ѐ contro questa religione o contro quell’ altra, ma contro la religione per essenza.  Quello che accadde due anni fa, specialmente la Domenica della Pentecoste, e quello che poi è seguito e si sta sviluppando davanti alla Corte in processo, mostra che pultroppo siamo in una epoca in cui quello che bisogna proteggere ѐ il sentimento religioso non solo per quello che esso ѐ che rappresenta come conservattivismo protezione dello Stato.”

Jiġifieri dawn sabu sitwazzjoni fejn fil-1931, waqt il-Festa ta’ Pentekoste ġol-Kon Katidral ta’ San Ġwann daħlu n-nies u interrompewha u l-Istat Malti sabu lilu nnifsu fil-pożizzjoni fejn ma għandux biex jipproteġi liċ-ċittadin u qam agħa fil-pajjiż fuqha din.  Qam agħa fil-pajjiż għax dal-pajjiż, ngħidu x’ngħidu, minn dak iż-żmien sallum fil-prevalenza huwa wieħed illi jħoss li r-reliġjon kulħadd għandu dritt li jipprattikaha u anzi f’dan il-pajjiż hawn maġġoranza ta’ nies illi r-Reliġjon Kattolika jappartjenu fiha, u allura kien attakk dirett fil-qalba tas-sentimenti nazzjonali tal-pajjiż. U proprju minħabba f’hekk illi missirijietna ta’ hawn ġew resqu biex jagħmlu dawn l-emendi, u dan ma kienx proċess normali.  Kien proċess verament interessanti u ngħid dan għax jiena ħadt l-impressjoni li kien hawn, hawn ġew, hawn ġew, min ipprova inaqqas mill-ġieħ ta’ dawn in-nies.  Hawnhekk, jekk wieħed jaqra jsib illi ħadu sehem prinċipali Sir Ugo Mifsud, l-Imħallef Giuseppe Cremona, in-nannu tiegħi u numru ta’ professuri oħrajn universitarji.  Sir Ugo Mifsud, avukat magħruf mad-dinja kollha għad-Dritt Privat.  Kien imur għal diversi konferenzi, ma nafx min ma qarax id-diversi parteċipazzjonijiet tiegħu li għamel fil-Private International Law għar-rigward l-aspetti kollha tiegħu mill-pajjiż tagħna u l-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-kotba internazzjonali kienu aċċettati. Giuseppe Cremona kien imħallef, daħal fil-leġislatura u dan kien għadu kif spiċċa numru ta’ kotba.  Għamel ir-rakkolta tal-ġurisprudenza tal-Kodiċi Kriminali.  Ftit jafu bih għax is-soltu jiġi iċċitat fl-aspett Ċivili.  Dan qabad l-artikli kollha tal-Kodiċi Kriminali u kull wieħed ikkummentahom, qal minn fejn ċertu avukat Naplitan Nicola Nicolini ġieb l-informazzjoni u mhux biss, imma huwa wkoll ħa ħsieb illi jiċċita d-diversi awturi barranin illi kienu dak iż-żmien importanti, u jiċċita wkoll ħafna sentenzi tal-Qrati ta’ Malta u ta’ Għawdex illi hemm minnhom illi lanqas biss huma parti mill-kollezzjoni tal-ġurisprudenza tagħna.  Dan, terġa’, ingħata l-fakultà li jiddraftja l-liġi, u terġa’, dan l-abbozz ta’ liġi kien l-ewwel intervent tiegħu fil-Parlament.  L-Imħallef Giuseppe Cremona, li jiġi missier Feliċ Cremona, jiġifieri nies brillanti, moħħhom tajjeb ħafna legalment.  In-nannu tiegħi, professur fl-Università fil-Kriminal u fil-Filosofija tad-Dritt.  Dawn in-nies sabu inizjalment reżistenza meta ressqu l-abbozz ta’ liġi, imma ħarġu wkoll bil-proposta illi jagħmlu Kummissjoni, u dil-Kummissjoni tal-partijiet kollha tal-Parlament jiltaqgħu biex jiddiskutu l-artikli kollha u jagħmlu l-emendi biex ikun hemm qbil ta’ kulħadd.  U hekk ġara.  Fil-fatt, dawn l-artikoli kienu l-ewwel darba li f’ħafna snin saru emendi, ma sarux ta’ kafkar u barra minn dan ġiebu l-kunsens tan-naħat kollha tal-Parlament, jiġifieri l-Partit Nazzjonalista, il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit Laburista.  Jiġifieri t-tlett partiti ivvutaw favur dan l-abbozz ta’ liġi li daħal fis-sistema legali tagħna. U wieħed irid jgħid li l-aċċettazzjoni kienet li dan huwa eżerċizzju tajjeb ħafna li ħadem, jiġifieri tul dawn is-snin kollha ma kellniex problemi fuqhom imma dan kien speriment, eżerċizzju legali li rnexxa.  U rnexxa proprju għax dawn in-nies ma mponewx ruħhom fuq l-oħrajn.  Dawn ma ġewx tal-Partit Nazzjonalista, li f’dak iż-żmien meta ġew biex jagħmlu l-Att 28 tal-1933 kellhom maġġoranza qawwija, kellhom maġġoranza qawwija fl-istess persentaġġ, jew viċin l-istess persentaġġ elettorali li għandu l-Partit Laburista preżentement f’dan il-Parlament.  Però, Sir Ugo Mifsud jgħid b’mod ċar illi hu ġie fil-Parlament mhux biex jimponi, imma biex hu jkun ċert li se jġib il-kunsens ta’ kulħadd.  U jgħid hekk: “Ed effettivamente, discussa la legge in un ambiente più sereno, dato tempo e il tempo e dimostrato pure che altri paesi hanno nel loro codici leggi simili.  U hu jiġi biex jagħmel Kummissjoni tal-Kamra, il-Kummissjoni saret u fid-dibattitu tal-Kummissjoni ħareġ rapport illi fih qabel kulħadd.

U allura, min qiegħed b’xi mod jgħid hawn xi kwistjoi ta’ liġi illi fih il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien ġie jimponi xi valuri kattoliċi, fundamentalisti, kattoliċi ultra konservattivi huwa għal kollox żbaljat.  Dawn kienu nies tal-liġi u tal-Istat u riedu illi jkollhom sistema legali li tipproteġi lin-nies fis-sentiment reliġjuż tagħhom.  Terġa’ u tgħid, biex wieħed jifhem ukoll x’inhi sewwasew din il-liġi u sewwasew qegħdin ngħidu dwarha jiena mort ukoll biex nara żewġ testi interessanti ħafna: l-ewwel it-test li fuqu l-istudenti universitarji kollha jistudjaw, dawk ta’ Sir Anthony Mamo, in-noti tal-Kriminal; u t-tieni, sibt fin-noti tiegħi l-annotamenti li jiena kont għamilt ta’ teżi li kienet saret minn, Alla jagħtih il-Ġenna, l-Imħallef Joseph Herrera li t-tifel tiegħu Josѐ qiegħed hawn fil-Kamra, u hemmhekk stajt nara kemm il-liġi hija vera liġi li hi mibnija b’intelliġena kbira u Sir Anthony Mamo jgħid u ħa nikkwotah fit-tul: “The matter of including provisions of this kind in the Criminal Code is one of some difficulty.  On the other hand, there is no doubt that religion, which is the pillar of all human society ought to be respected and religious worship ought to be protected.  Mela ċar, ċarissimu.  On the other hand, it is necessary to ensure to all persons full liberty of conscience and the enjoyment of the free exercise of their respective modes of religious worship.  Ċar iktar minn hekk?  Imbagħad huwa jgħid hekk:  It is thought that the provisions now contained in the same articles succeeded in reconciling these two interests.”  U jkompli: The State takes account of irreligious or moral conduct only when it constitutes the infringement of a right and and consequently cannot prohibit free and frank discussion or propagation of ideas, doctrine and beliefs, so long as the decencies of controversies are observed, but it must intervene. U jgħid: “It must intervene – when Religion is publicly reviled or there is interference with the profession and practice of religious faith and worship.  An offence made to the religious sentiment of a people or an individual by an agressive act must be repressed by the Criminal Law.  The legislator is not thereby appointing himself a moralist or theologian, nor arrogating to himself any function of vindicating the rights of the Almighty.  His sufficient justification is that an offence to the religious sentiments in certain circumstances, a violation of his social or individual right sufficiently important as to deserve the protection of the law.  The violation of a prohibited interest Religion, which gives rise to the religious sentiment is a legitimate and natural need of humanity and this creates two legal precepts, first the liberty of conscience of any individual, secondly the right everyone has not to be offended in his religious sentiments or interfere to it in the enjoyment or the exercise of his mode of religious worship.

Allura din il-liġi dan li qegħda tagħmel.   Dawn il-ħmerijiet kollha ta’ diskussjoni li qed tipprova żżomm il-libertà tal-espressjoni, li qed tipprova tikkontrolla lil xi ħadd milli jagħmel xi ħaġa hija għal kollox żbaljata.  Hawn l-Istat, l-Istat Malti ġab lilu nnifsu, fit-‘33 fil-pożizzjoni fejn irid jirreaġixxi, irreaġixxa b’attenzjoni u daħħal provvediment li sal-ġurnata tal-lum m’għandniex problemi dwaru.  Dan ma qamitx xi kwestjoni Kostituzzjonali, ma qamitx xi problema l-Qorti, m’għedniex għandna xi sentenza ta’ Strasbourg kontra tagħna fuqha, imma din ħadmet u rnexxielha tipproteġi s-sistema legali tagħna, is-soċjetà tagħna f’dan is-sentiment reliġjuż.  Nistgħu aħna ngħidu lin-nies: intom issa daqshekk?  Ma jinteressaniex intom x’temmnu.  Ma temmnux u aħna ma jinteressaniex x’inhu għal qalbkom.  Se nagħtu dritt lil xi ħadd jinsulentakom fl-iktar affarijiet fundamentali tagħkom, fl-iktar affarijiet li intom tħossu nazzjonalment jew bħala poplu li huma għal qalbkom.  Jista’ xi ħadd jgħajjar lil ħaddieħor fuq il-ġenituri tiegħu?  Daqshekk din hija importanti għal ħafna nies.   U aħna f’din is-soċjetà Maltija kienu qalulna li l-festi dalwaqt imutu u minflok qed narawhom dejjem iktar jiżdiedu, imbagħad irridu nagħmlu xi ħaġa li nnaqqsu mill-protezzjoni tal-eżerċizzju tal-kult u dan is-sentiment reliġjuż? 

Hemm kwestjoni oħra.  Ingħad illi qisu din xi protezzjoni speċjali lill-Knisja Kattolika.  Dan mhu veru xejn.  Il-Knisja Kattolika, ir-Reliġjon Kattolika ngħatat preferenza mhux tant fil-vilipendju, imma fil-piena. Il-bqija kull reliġjon, sija Musulmana, ta’ denominazzjonijiet differenti, hi x’inhi, għandha l-istess protezzjoni tal-liġi; jiġifieri jekk jiena Buddist, jiena m’għandux ikolli lil xi ħadd li mhux jikkritikani għax vilipendere mhijiex kwestjoni ta’ opinjoni, vilipendere hija qed ninsulentak, qed inkasbrek b’ċertu mod u manjiera illi lilek qed nassigura li qed inweġġgħek fl-iktar affarijiet fundamentali.  Imbagħad l-Istat qed jgħid le.  Biex jien nipproteġi lil kulħadd fis-sentiment reliġjuż tiegħu u fil-kult tiegħu, għandi nagħmel, għandi jien l-obbligu.  Imbagħad issa?  Issa meta fid-dinja hawn l-irwiefen għaddejjin bis-sottofond tar-reliġjon! Nista’ nneħħiha?  Vera ma nistax nifhem il-prijoritajiet li wieħed bħala Stat, mhux se ngħid bħala Gvern, bħala Stat għandu jkollna.  Mela aħna, kellna każ tal-Imsida fejn grupp ta’ Musulmani ngħataw il-permess li jinġabru fih.  Qamet kważi rewwixta nazzjonali fuqha din, allura m’aħniex nindunaw li s-sentiment għar-reliġjon għadu jbaqbaq għar-reliġjon?  U s-sentiment għadu jbaqbaq għar-Reliġjon Kattolika u għal kwalunkwe reliġjon oħra.   Il-Ġimgħa li ġejja huwa permess li xi ħadd jidħol fil-Moskea f’Raħal Ġdid u jibda jgħajjar lin-nies li hemm, jibda jgħidilhom affarijiet li m’għandux jgħidilhom u qisu ma ġara xejn?  U ngħidulu qed tagħmel id-disturb tal-paċi pubblika.  Kulma qed tagħmel, qed iddejjaq in-nies biss inti.  Naħseb li hemmhekk qegħdin nagħmlu liġi li hija ‘l bogħod mill-poplu u niġu f’sitwazzjoni fejn ikollna l-poplu kontra tagħna għax neħħejna dawn il-provvedimenti. Terġa’ u tgħid, dan il-provvediment ġie iktar u iktar sostnut - kif sewwa qal l-Prof. Kevin Aquilina li ammirajtu fil-kwantità ta’ artikoli li kiteb fil-gazzetta -  biex jipprova jbiddel l-opinjoni tal-Gvern fuq din il-ħaġa u fost l-affarijiet li qajjem, qajjem dan il-punt tal-kostituzzjonalità ta’ dan il-provvediment għax qal meta saret ma kellniex il-Kostituzzjoni li għandna llum, imma proprju wara mbagħad daħlet illi aħna għandna, ir-Reliġjon Kattolika hija parti mill-Kostituzzjoni tagħna u mhux biss, imma d-dispożizzjoni tal-protezzjoni tagħha -  kif sewwa irrileva hu f’wieħed mill-artikoli tiegħu li dehru f’The Times - hu li m’għandekx tħalli provvedimenti tal-liġi li huma inkonsistenti mal-Kodiċi u jagħmel l-argument tajjeb ħafna ta’ bejn inkonsistenti jew inkontravenzjoni mal-Kostituzzjoni.  Allura hawnhekk qed iġib l-argument, u legalment għandu punt, li jgħid mela l-Kostituzzjoni tgħid ħaġa, imbagħad il-Kodiċi Kriminali qed idaħħal dispożizzjoni li mhijiex inkontradizzjoni, però hija inkonsistenti, għax jekk inti qed tgħid li din hija r-reliġjon u trid tiġi protetta u mogħtija l-importanza tagħha u r-reliġjonijiet kollha għandhom jingħataw il-protezzjoni, kif imbagħad tneħħiha minn ġol-Kodiċi Kriminali?  Jiena naħseb li żgur hawnhekk ħadd mhu qed jadvoka li għandu jkollna xi sitwazzjoni fejn immorru bħall-Unjoni Sovjetika.  Mela tajjeb, l-Unjoni Sovjetika, jew min qed jaqra l-artikoli fuq x’qed jiġri fiċ-Ċina, qed jinduna li dawn l-Istati li kienu jipproklamaw l-ateiżmu tal-Istat qed naraw iktar nies jidħlu f’reliġjonijiet, dik nisranija għandha ċerti dimensjoni u l-oħrajn kollha.  Mela dawk ġejjin lejna u aħna sejrin lejhom.  Naħseb illi meta wieħed iqis biss il-furur li qam mhux biss f’pajjiżna imma fl-Ewropa kollha meta kellna s-sentenza għat-tneħħija tas-Salib ...  Jiena niftakar mort l-Isvizzera nagħti fuqha din il-ħaġa biex indaħħal ftit f’ras ċerti nies kemm hija fundamentali.  U kien hawn rewwixta ta’ nies li anke jekk mhumiex prattikanti, xorta waħda ħassew din il-ħaġa.  Li kieku hemm raġuni impellenti nbaxxi rasi, ngħid hemm xi raġuni, imma din għalxejn, hija barra minn lokha.  

Issa dan l-abbozz imbagħad jitkellem ukoll dwar il-kwestjonijiet ta’ delitti marbutin mal-pornografija.  U hawnhekk ninkwieta ftit ruħi.  Il-għala?  Għax issa qegħdin immorru għal ideat.  Apparti mill-fatt illi l-Gvern issa ddeċieda li jgħid wieħed jista’ jippermetti li jkollu postijiet pubbliċi li fih ikun permess li jkun hemm ċerti affarijiet li qabel ma kienux  aċċettati.  Però issa aħna qegħdin indaħħlu – u dan l-Onor. Emanuel Mallia fid-diskors tiegħu għamel aċċenn tajjeb għaliha – għar-rigward il-kwistjoni li issa aħna se mmorru għal definizzjoni mhux ta’ sempliċi pornografija, però pornografija estrema u naħseb li meta taqbad l-artikoli li saru naħseb illi qegħdin nagħmlu ċerti żbalji u se ngħid għaliex.  Jiena qrajt ukoll id-dibattiti li kienu saru oriġinarjament meta kien ġie drafted u ġie fis-seħħ l-artikolu 208 tal-Kodiċi Kriminali, fejn dak iż-żmien kien hemm dibattitu bejn il-Ministru tal-Ġustizzja, Anton Buttigieg, il-Prim Ministru ta’ Malta, Dom Mintoff, il-Prof. Guido de Marco u missieri u dawn waslu għall-kompromess illi fuq il-kwestjoni tad-definizzjoni ta’ pornografija jsir kumitat.  Dan il-kumitat irridu naċċettaw illi kien diffiċli ħafna biex tħaddmu u jekk iltaqa’ darba fis-snin kollha minn meta saret dik l-emenda.  U wieħed irid jgħid li sibna diffikultajiet kbar legali, l-ewwel biex tiddefinixxi sewwasew x’inhi pornografija, imbagħad kellna d-diffikultà kostituzzjonali għar-rigward l-artikolu tal-liġi jekk kemm-il darba jispeċifikax preċiż id-delitt x’inhu.  Onor. Mallia, ma nafx jekk inti kontx wieħed mill-avukati fih, però kien hemm din il-kwestjoni.  Hawn rajt li tneħħa l-kumitat, però mbagħad il-Ministru ħa fuqu d-diffikultà, kważi l-kumplikazzjoni li jiddefinixxi hu stess x’inhi pornografija estrema.  Issa pornografija naħseb kulħadd jaqbel x’inhi, imma pornografija estrema għandi diffikultà biex nifhem sewwasew x’qegħdin ngħidu.  U naħseb illi li se jiġri hu li nagħmlu din il-liġi bis-sentimenti tajbin u bl-ideat tajbin, però nsibu li meta niġu għall-prattika tagħha din ma nistgħux, b’ebda mod, inħaddmuha kif aħna nixtiequ jew ma nixtiequx.  Allura jiena ninkwieta għax minflok qegħdin nimxu ‘l quddiem, qegħdin nimxu lura.  Apparti l-kwestjoni tal-isfruttament tan-nisa, apparti l-kwestjoni ta’ jekk kemm-il darba hux dritt jew dawn l-affarijiet kollha u apparti l-fatt li jiena ninkwieta ruħi li f’din il-liġi m’aħniex qed indaħħlu wkoll dispożizzjonijiet b’saħħithom biżżejjed biex jipproteġu nisa li ddaħħlu f’ċertu settur mingħajr ma kellhom huma l-volontà li jidħlu f’dan is-settur.   It-traffikar tal-persuni fih ħafna sfaċċettaturi u nafu b’sitwazzjonijiet li żviluppaw fi snin oħra fejn kellek nies li nġiebu Malta, jaħsbu li se jiġu jaħdmu fuq xi ħaġa u jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet kompletament differenti u fuq din ma kien hemm ebda forma ta’ xejn dwarha.  Però fuq il-kwestjoni tal-pornografija estrema nsibu subartikolu illi huwa ftit diffiċli biex jitħaddem.  Persuna akkużata b’delitt taħt dan l-artikolu tista’ ġġib prova li kellha raġuni leġittima biex kienet fil-pussess tal-immaġini konċernata.  Jiġifieri inti, li jkollok f’idejk pornografija estrema, iġġib raġunijiet leġittimi il-għala għandu jkollok f’idejk din il-pornografija estrema.  Minflok ngħidu l-pornografija estrema m’għandhiex tkun qegħda fin-nofs, le, jista’ ikollok raġuni leġittima għaliha.  Imbagħad jgħid li ma kenitx rat l-immaġini konċernata f’xi materjal.  Jiena nifhem li  inti jista’ ikun tirċievi email minn dan il-ħafna spam mail li jkun hemm dawn l-affarijiet, però dak illum mhuwiex delitt għax huwa ovvju li m’għandek ebda forma ta’ mens rea fiha. 

Rajt ukoll illi ddaħħal l-artikolu 208(e) li huwa dak marbut ma’ meta xi ħadd jieħu ritratti ta’ ħaddieħor f’sitwazzjonijiet, biex ngħidu hekk, kunfidenzjali u dawn jiddivulgahom.  Kellna każ klassiku f’pajjiżna ta’ xi ħadd illi kellu ritratt tal-ħabib tiegħu illi kien għarwien u qassam, iddivulga dan ir-ritratt tal-ħabib tiegħu.  U sibna illi s-sistema legali tagħna, għalkemm diversi dispożizzjonijiet oħra, ma kellhiex wieħed preċiż, perfet,t fuqu dan.  Hawn qed tipprova tiġi indirizzata, ngħid qed tipprova tiġi indirizzata għax għalkemm il-ħsieb hu, biex ngħid hekk, tajjeb, però meta inti taqbdu dan naħseb qed nikkumplikaw ħafna x’għandna ndaħħlu fil-liġi.  Jiena ngħid illi hemm żewġ punti importanti: jiena ippermettejt lil ħaddieħor jieħu ritratt tiegħi, sija jekk jidhru l-partijiet intimi tiegħi u sija jekk ma jidhrux il-partijiet intimi tiegħi.  Għax il-fatt li nieħu ritratt li fih nidher li m’għandix ħwejjeġ hija wkoll kompromettenti, m’għandix bżonn li tidher xi parti minn quddiem tal-ġisem tiegħi, imma l-fatt biss li jien qed nidher għarwien hija wkoll fiha nnifisha kompromettenti.  U allura hawn għandek l-ewwel l-element tal-privatezza, tal-fatt li qed ikun hemm it-tradiment tagħha; imbagħad it-tieni, illi din qed tiġi divulgata kontra l-kunsens tiegħek.   M’hemmx bżonn dawn il-ħafna artikoli li daħħalna, din il-ħafna elaborazzjoni li daħħalna fil-liġi illi finalment jista’ ikun li ma jagħmilx dak li hemm bżonn.  Fil-fatt, per eżempju l-liġi tgħid  “privat għandha tirreferi għal kull ritratt jew film meħud mingħajr il-kunsens jew l-għarfien tal-persuna jew persuni rappreżentati fih jew għal kull ritratt jew film li qatt ma kien intenzjonat li jkun għall-użu pubbliku.”  Dawn mhux “jew", dawn iridu jkunu kwalifiċi preċiżi.  Mhux biss, għandek il-kwestjoni “sesswali” li għandha tinkudi r-rappreżentanza ta’ kull jew parti mill-ġenitali esposti jew fis-sess femminil tas-sider.  Imma inti jekk kemm-il darba bniedem ħadtlu ritratt li minnu nnifsu jidher li qiegħed f’ċertu sitwazzjoni, żewġ irġiel qegħdin fis-sodda u ħadtilhom ritratt tagħjp, b’mod li jidhru li qegħdin it-tnejn fis-sodda b’ċertu mod, dak mhux ukoll importanti hawnhekk, jew iridu jkunu mikxufin fihom l-affarijiet?   Naħseb illi dan huwa artikolu li wieħed ukoll irid jikkonsidra meta jitkellem fuq l-artikolu tal-blackmail, għax dawn l-artikoli jidħlu wkoll għall-blackmail mhux neċessarjament blackmail finanzjarju, imma wkoll u l-iktar b’saħħtu, kif qed naraw, il-blackmail emottiv, jiġifieri inti tlaqtni, inti abbandunajtni u talli għamilt hekk se npattihielek billi noħroġ ir-ritratti tiegħek biex oħrajn jiddieħku bik jew inżeblaħ bik.  U hawnhekk inħoss iktar illi aħna m’aħniex nipproteġu komunità li hija iktar vulnerabbli milli aħna naħsbu li hi meta għandek sitwazzjonijiet fejn nies, kif rajna wkoll, isibu li jistgħu jitilfu l-impjieg pubbliku tagħhom, li jistgħu jaraw ir-reputazzjoni personali tagħhom fis-soċjetà imkissra, li jsibu wkoll imbagħad li jiġu redikolati minn nies oħrajn tal-istess sentimenti bħalhom f’dak li jkun effettivament ġara u din hija xi ħaġa li naħseb li hawnhekk għandna bżonn nipproteġuha.  Jiġifieri li xi ħadd li qiegħed fil-komunità gay isib lilu nnifsu, ir-ritratt divulgat u jiġi mżeblaħ fil-komunità gay l-oħra minħabba f’din il-ħaġa, naħseb li hawnhekk għandna d-dmir li nipproteġuh.  Hawn din il-protezzjoni hija pass tajjeb, jiġifieri ħadd mhu se jgħid li mhux pass fid-direzzjoni t-tajba, però trid tkun imlaħħma iktar u trid tkun fir-realtà.  Jien kelli l-opportunità niddefendi nies f’din il-komunità f’diversi drabi u intom l-avukati li hawn preżenti ċert li kellhom.  Isiru ċerti atti li l-azzjonijiet tagħhom huma kompletament differenti minn dak li jsir fir-rapporti eterosesswali u naħseb li jekk aħna ma jkollniex feel ta’ din il-ħaġa, f’din il-liġi ma nkunux qegħdin nagħmlu l-affarijiet tajjeb.  Jiena finalment inħoss li għandi nikkonkludi.  Tkellimt iktar milli kelli nitkellem.  Ridt ukoll ngħid fuq it-teżi tal-Imħallef Herrera li fih hemm riċerka sabiħa ħafna fir-rigward ta’ kif sar l-iżvilupp tal-artikolu .... 

MR SPEAKER:  Onor. Mifsud Bonnici, niġbidlek l-attenzjoni li baqagħlek  biss tlett minuti. 

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, għandek raġun.  Jiena nħoss li l-ewwel parti tal-liġi fuq il-vilipendji mhux il-mument li ssir.  Naħseb illi huwa żball tal-Istat Malti li f’dan il-mument partikolari fejn aħna protetti minn ċerti rwiefen Ewropej, m’aħniex naraw x’inhu jiġri fi Brussell, f’Pariġi u f’pajjiżi oħrajn?  Irridu li jkollna xi erba’ eżaltati jew xi erba’ li jridu jitkessħu li jagħmlu din il-ħaġa biex iweġġgħu, biex iferu s-sentiment reliġjuż ta’ ħaddieħor?  Aħna bħala pajjiż għandna ngħidulhom iva, sewwa qed tagħmlu, imxu f’dik id-direzzjoni?  Naħseb li le. 

It-tieni ħaġa għar-rigward l-artikoli l-oħrajn marbuta ma’ din il-kwestjoni tal-pornografija estrema u dawn l-affarijiet, naħseb li l-artikoli jistgħu jinkitbu ferm aħjar milli huma.  Mhux qed nipprova mmaqdar la ‘l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ebda ħaġa oħra, però naħseb li l-esperjenza ta’ diversi avukati li ħadmu fil-kamp partikolari għandhom ikunu għas-servizz tal-Ministru biex nagħmlu liġi illi verament tolqot dak li aħna rridu li jsir.  Grazzi.


25.4.16

Lura għan-Normal, Suppost?


1.     Għaddiet kważi ġimgħa diġà u l-pajjiż għadu qiegħed jiddiskuti dak li, għal tlettax-il siegħa, kien is-suġġett ta’ dibattitu parlamentari.  Tressqu diversi argumenti.  Inġiebu diversi konsiderazzjonijiet.  Kien hemm ukoll, fl-aħħar, vot favur il-Gvern tal-ġurnata.  Kien hemm ukoll min, l-għada filgħodu, ħa n-nifs għax ħaseb li l-argument kien midfun.  Imma l-fatti, iċ-ċirkostanzi ta’ dak kollu li seħħ, flok naqqsu jew qatgħu żammew l-affarijiet għaddejja.  Il-poplu baqa’ mhux sodisfatt minn dak li ra u sema’.


L-ghazliet t-tajba.
2.  L-bniedem mhux semplici anzi huwa komplikat. Jimmagina li jaf iktar milli jkun. Jahseb li jkun lahaq iktar milli fil-fatt jkun. L-ghar li jitlef d-direzzjoni ghax jdahhal f’rasu li kapaci jikkontrolla u jinfluenza d-dinja. L-ghazliet fil-hajja ma humiex facili anzi huma difficili , aktar u aktar ghal min qieghed fil-poter. Kif qrajt tajjeb dan l-ahhar “Every human has difficulty conquering ignorance and making good choices.” Quddiem dak li sehh f’dawn l-ahhar xhur li fihom il-Gvern dahhal lilu nnifsu fi sqaq wiehed jistaqsi l-ghazliet tieghu kienu u huma tajba.?

Accettabbli ghall-poplu?.
3.  Kien hemm dibattitu parti genwin u parti le fis-socjeta fuq jekk u kif kellha issir l-mozzjoni tal-opposizzjoni. Kien hemm min pprova jdahhal d-dubbju. Kien hemm min ghal raguni u ohra ma qabilx. Dan kien u jibqa ezercizzju b’sahtu u tajjeb. Hadd ma jistgha jippretendi li ma ghandux jkun suggett ghall-iskrutinju tal-opinjoni pubblika. Biss din kienet bicca mill-kwistjoni. Kienet marbuta ma l-process ta’ metodologija, liema triq demokratika ttiehed izda mhux fuq is-sustanza tas-suggett dibattut. Fuq dan r-rizultat mit-tlieta l-quddiem kien li ftit kienu dawk li kienu sodisfatti u allura l-argumenti tal-Gvern accettati.


Dritt tal-Istat.
4. Fit-twettiq tal-gid komuni temporali l-Istat ghandu d-dritt li jipprova jikseb zewg elementi importanti l-paci u l-prosperita tas-socjeta. Biex tigi preservata l-paci hemm bzonn ta’ principji etici, ligijiet li jistabilixxu l-ordni bejn il-bnedmin u bejn l-istess Stat u c-cittadini tieghu. Hemm fuq kollox funzjoni legittima li thajjar u tmexxi lill-membri taghha fuq nahha li jsiru cittadini ta’ rieda tajba fuq l-ohra li trazzan u ccanfar dak li ma humiex. Kif qrajt “It has a legitimate function in motivating its members to become good citizens of those of good will and a justice system to punish those of bad will.”    

Dmirijiet l-Gvernijiet.
5.  Kull min qieghed fil-poter ghandu numru ta’ dmirjiet ukoll li l-elettorat jippretendi li jwettaq. L-iktar importanti huwa dak li wiehed jispjega dak li jkun qieghed jsir u ghala. Kull Gvern jkollu diversi kurrenti ghaddejja f’kull ministeru. Fuq kull wiehed ghandu dan id-dmir illustrattiv biss nhar t-tnejn kien hemm mozzjoni u opposizzjoni titkellem fuq suggett u n-nahha tal-poter tahrab minnu. Kien fi stat ta’ dak li Herman Melville kien tant kapaci fih “escapism”. Harba minn dak li ghandu jispjega. Anzi ahjar ma naffrontawx dak li waqqaf  n-normalita socjali fil-pajjiz.      

Ma hemmx normalita.
6. T-tattika, l-istrategija tal-poter f’dawn ic-cirkostanzi hija hafna mumenti l-istess. Pprova aljena lill-poplu u ghati x’tifhem li xejn ma huwa jaffettwak. Dak li qieghed jingieb quddiem d-dawl tax-xemx jigi mwarrab fil-gemb qisu ma jesistix. Rajna iktar sforzi f’dan fejn kull karta intlabet u ser tibqa tigi biex b’xi mod jew iehor jixxellef mill-importanza. Hemm drabi meta dan jirnexxi ohrajn le. Jiddependi minn kemm tkun gravi is-sitwazzjoni. U l-prova taghha tohrog meta minkejja li jghaddu l-jiem xorta l-argument jerggha jitla wahdu lura fil-wicc.

Konsegwenza normali u cara.
7. L-mozzjoni tat-tnejn weldet iktar inkwiet specjalment f’dawk li kienu sajmin mill-gravita taghha. Weldet iktar l-kongetturi ta dak li ser jigri issa. Dak li tista twettaq l-opposizzjoni issa waqa pass lura biss kiber ferm iktar x’ser jaghmel fil-pass li jmiss l-Gvern. Ghax l-vot serva biex jinghalaq d-dibattitu parlamentari t-tnejn fil-ghaxija imma accerta li aktar persuni ta rieda tajba jistennew azzjoni proprju ghax saru jafu iktar l-fatti. Dak li sehh ma hemmx dubbju li l-poplu ser jkompli jitkellem dwaru u l-Gvern  jkompli jahirbu. Normalita ma giebx anzi zied iktar fil-konfuzjoni u f’dan fl-instabilita’.

Sejrin lura jew l-quddiem?.

8. Min huwa maqtuh mir-rejalta ta kull gurnata jistgha jkompli jinjora s-sitwazzjoni. Biss min jghix mal-elettorat tieghu jgharaf li billi d-decizjonijiet jibqu ma jittiehdux fl-interess nazzjonali lura mhux l-quddiem sejrin. Minn Frar li ghadda dahlet l-atmosfera ta stennija li nsibu qabel appuntamenti elettorali kbar. Sal-lum ghadha ma telqitx. Il-hajja ma gietx lura ghan-normal baqghet agitata. Baqghet tinkwieta u ddejjaq lin-nies. Dan ghax nghidu x’nghidu u niktbu x’niktbu l-poplu fil-maggoranza tieghu lejn u ghas-sewwa jhares u jrid li jitwettaq. Hemm mmorru verament l-quddiem ghan-normal.   

18.4.16

UNIVERSITÀ TA’ MALTA – SALA SIR TEMI ZAMMIT - RINNOVAZZJONI



21267. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba huwiex possibbli li fis-sena li ġejja, is-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta tiġi rinnovata u jiġi stallat apparat modern tal-arja kundizzjonata?

25/11/2015

ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li filwaqt li r-rinovazzjoni totali tas-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta hija fil-pjanijiet futuri qrib tal-Università, dan mhuwiex ippjanat li jsir f‘din is-sena għal raġunijiet primarjament loġistiċi, għall-fatt li din is-sala tintuża sew għal-lectures, sew għall-gradwazzjonijiet kif ukoll għall-attivitajiet kulturali, u ħafna drabi din is-sala tiġi bbukkjata anki minn sena qabel.

Barra minn hekk il-fondi sostanzjali li ġew ivvutati għal proġetti kapitali għal din is-sena huma diġà kommessi għal proġetti oħra li qed jiġu implimentati fuq il-Kampus tal-iMsida, il-Belt u ċentri oħra minn fejn topera l-Università.

Seduta  377
18/04/2016

Il-Fiduċja fil-Politiċi.





1.         Fid-dinja, u b’mod partikolari f’dik Ewropea, hawn mewġa b’saħħitha li tixhed għal nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li jiġu maħtura sabiex imexxu poplu u pajjiż.  Għal min qiegħed isegwi dak li seħħ, b’mod partikolari fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej qiegħed jara iktar votanti jaħirbu mill-kaxxa tal-vot u oħrajn jivvutaw kontra dawk li jissejħu l-“partiti tradizzjonali”.  Hemm kurrenti ġodda li qed jitwieldu għal numru ta’ raġunijiet.  Proprju għax hawn min qiegħed jidħol fil-ħajja politika u ma jkunx preparat, kif ukoll għax min ikun ġieb fiduċja juri li fl-għażliet, fil-mumenti tal-prova, ma jweġibx kif għandu.

2.      Kull poplu, tagħna nkluż, iħares lejn dak li jkun għaddej.  Forsi ma jagħtix ġudizzju mmedjat.  Jisma’, jgħarbel u wara jiddeċiedi.  Biss, l-eventi ta’ dawn l-aħħar xhur marbuta mal-kwistjoni Panama sarrfu biex iktar bnedmin f’dawn il-gżejjer juru li dak li qed jiġri mhuwiex proprju għal qalbhom.  Il-pajjiż għandu sens qawwi ta’ dak li huwa ġust u dak li mhuwiex, ta’ dak li huwa veru u dak li mhuwiex.  Jippretendi sempliċement li min imexxi jkun onest u jimmira li jaħdem għall-ġid komuni.  Meta jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm qbil ġenerali minn isfel li l-affarijiet huma żbaljati, u meta min qiegħed fuq jibqa’ jiċħad, il-proċess ta’ deterjorament jikber.

3.      Dak li qiegħed iseħħ hawn, oħrajn diġà rawh jitwettaq barra minn xtutna mingħajr suċċess ta’ xejn.  Proprju għalhekk li saru sforzi differenti biex tiġi stabbilita linja differenti.  Il-partiti l-ġodda fix-xenarju ewropew bħal dawk taċ-Cinque Stelle fl-Italja, il-Podemos fi Spanja u s-Syriza fil-Greċja qabdu metodi ġodda ta’ kif iġibu lura l-fiduċja tal-elettorat u fl-istess ħin ta’ rappreżentanza ġdida.  Forsi ftit hawn li ndunaw kemm il-mewġa għall-bidla hija b’saħħitha u kemm iktar għandek sejħa biex ikun hemm politika u politiċi iktar serji, onesti, preparati u lesti li jifhmu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex.

4.      Il-baħar fil-Gvern ta’ pajjiżna huwa preżentement f’dan aġitat ħafna.  Hemm min qiegħed jipprova jaħseb u hemm min irid jaħrab mill-problema.  Wieħed minn dawk li qiegħed jagħmel ħiltu biex ifiehem, u fl-istess ħin jgħarbel tajjeb, huwa l-Ministru Evarist Bartolo.  Dan deher iktar ċar fl-aħħar konferenza annwali tal-Partit Laburista fejn il-messaġġi kienu jħarsu f’direzzjonijiet bejn dawk li jridu li kollox jibqa’ kif inhuwa u dawk li ma jridux min jaċċetta s-sitwazzjoni.  Hemm, il-Ministru Bartolo ġie rappurtat li qal: “God forbid people lose faith in us, as in the continental countries, which have been swept by extremist parties.  We have to fight hard to retain people’s faith in us.  Once we lose that, it is very hard to regain it”.

5.      Dan id-diskors fih żewġ kuntesti.  Wieħed huwa mibni mill-qari u preparazzjoni politika xellugija tiegħu.  It-tieni huwa mwieled minn realtà li mhux sejra sseħħ fil-futur, imma li diġà qegħda sseħħ.  L-impatt ta’ din is-sitwazzjoni fuq id-dinja li qed tipprova tiġi analizzata huwa qawwi ħafna iktar minn qabel.  Dan għax ir-riżultat elettorali tal-2013 ġie interpretat mill-Partit Laburista fit-termini li dak kien biss eżerċizzju fit-tneħħija ta’ gvern preċedenti li huwa stess għen biex jiddemonizza.  Mentri min ivvota b’daqshekk maġġoranza qawwija kien qiegħed fil-fatt jesprimi fiduċja: waħda f’mexxej ġdid li kien qiegħed jibgħat il-messaġġ li ser jaqta’ minn metodi passati, li għandu diġà toroq differenti lesti.  Dik il-fiduċja li ġiet espressa, speċjalment minn dawk li mhumiex segwaċi tal-Partit Laburista, ġiet issa quddiem dan kollu traduta.

6.      Din hija r-realtà:  li hija gravi, għax il-ħsara li qegħda ssir fit-tessut demokratiku qegħda tinfirex.  Mhux biss għax il-verità, il-ġustizzja u l-komportament onest u trasparenti qiegħed jiġi injorat, imma għax ma hemmx min irid isegwi l-politika f’dak li qegħda tiżviluppa.  Is-suċċess ta’ partiti mhux tradizzjonali fl-Ewropa huma hekk għax biddu l-metodu tal-komunikazzjoni u kabbru b’hekk il-fiduċja fihom.  Laqatni dak li rajt xi żmien ilu dwar l-impatt tal-ex Ministru tal-Finanzi grieg Varoufakis fuq id-dinja tax-xellug meta ngħad: “No other finance minister has ever used twitter as he did, to comment on events as if he weren’t really involved in them, no finance minister has been constantly reachable at his private email address or granted interviews to all and sundry, no other finance minister has recorded euro-zone negotiations on a smart phone”.

7.      Hemm sejħa popolari sabiex il-politika taġġorna ruħha maż-żminijiet però, iktar minn hekk, li tifhem li l-poplu jibqa’ jrid dejjem nies li huma miegħu u li jkunu d-difensuri tiegħu.  Dan jgħodd iktar għax il-partit fil-Gvern huwa wieħed oriġinarjament fuq ix-xellug u parti mill-familja soċjalista.  Allura dak li għaddej illum f’dan il-pajjiż qiegħed iktar jibgħat messaġġ negattiv lill-elettorat.  Flok hemm distribuzzjoni aqwa fil-ġustizzja, hemm iktar ċara l-perċezzjoni li ta’ fuq qegħdin jgħixu f’dinja superjuri tal-allat griegi.  Sitwazzjoni li fakkritni f’dak li jiġi attribwit lil Kautsky minn Laclau: “Capitalist society advances towards an increasing concentration of property and wealth in the hands of a few enterprises; and a rapid proletarianization of the most diverse social strata and occupational categories is combined with a growing impoverishment of the working class”.

8.         Dan qiegħed iġib antagoniżmu bejn il-poplu u dak li beda jiġi identifikat bħala xi forma ta’ kasta politika li qegħda tiddomina.  L-effetti ta’ dan il-ħsieb huwa wieħed li jwelled iktar aġitazzjoni u iktar bnedmin li mhumiex ser jaċċettaw lill-klassi politika bħalissa fil-poter.  Iktar u iktar meta l-każ huwa gravi u miegħu qiegħed jiżdied id-dewmien li qiegħed iktar jaggrava.  Biss, għalkemm hemm nuqqas ta’ kjarezza, l-piż prinċipali qiegħed u jibqa’ fuq il-Gvern tal-ġurnata.  Huwa hu li jrid, għax għandu dan il-mandat, iġib lura l-fiduċja fit-tmexxija politika.  L-Oppożizzjoni f’dan m’għandhiex responsabbiltà tal-akkadut; anzi l-eventi qed juru li dmirha qegħda, bl-abbiltajiet għad-dispożizzjoni tagħha, twettqu.  Nistgħu nirreġistraw biss li l-proċess lura lejn il-fiduċja politika, li fil-mument nieżel iktar ‘l isfel, jista’ biss jinbeda lura jekk dak li għandu jsir, iseħħ malajr.


IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...