4.4.16

Fl-Għid il-Kbir.



1.     L-eventi nazzjonali u Ewropej ta’ din il-ġimgħa żammew ħafna minna naħsbu u nirriflettu.  Fuq naħa l-mewt tal-maħbub Arċisqof Emeritu Giuseppi Mercieca, fuq l-oħra dak li kien għaddej minnu l-Belġju.  Mumenti li jwaqqfuk taħseb fuq il-ħajja, fuq il-valur tagħha.  Kif iħarsu oħrajn lejha u kif il-bnedmin għas-servizz tas-sewwa jirreaġixxu fid-dinja.  Fuq naħa l-materjaliżmu u diżumanità ta’ min jaħseb li jista’ jwassal xi forma ta’ messaġġ bl-użu ta’ atti żbaljati li jneħħu l-ħajja lil oħrajn.  Fuq l-oħra dawk li huma mpenjati sabiex ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi jaħdmu għas-sewwa.

2.     L-aħbar mgħoddija lilna bħal sajjetta mill-Arċisqof Charles Scicluna li l-Arċisqof Emeritu Giuseppi Mercieca kien ser jiġi, u ftit wara ġie hekk, imsejjaħ lura għand il-Missier tagħna xterdet b’qawwa mal-irkejjel ta’ pajjiżna.  Bil-mezzi ta’ komunikazzjoni li l-Knisja qegħda fortunatament tħaddan ippermettiet lill-komunità nisranija li tingħaqad titlob għall-bniedem li mexxiha u pproteġiha.  Kien verament bniedem eżemplari.  Bastun sod għall-valuri nsara.  Attent għal dak li huwa għaddej.  Impenjat mingħajr ma jkun b’xi mod invadenti.  Fejn il-kuraġġ qatt ma naqsu.  Anzi, kien pont ta’ rikonċiljazzjoni u difensur fil-valur li n-nisrani jagħti lis-silenzju.

3.     Kelli x-xorti li niltaqa’ miegħu numru ta’ drabi.  Kien jolqtok fl-abbiltà tiegħu li jifhem mill-ewwel il-pożizzjoni u s-sitwazzjoni.  Preċiż f’dak li jgħid, ebda kelma barra minn postha u konvinċenti.  Fl-istess ħin mimli b’attenzjoni għall-bnedmin li għandu quddiemu.  Dak li għandu jgħid jgħidu fuq il-frekwenza li jagħraf lil min għandu quddiemu ser jifhem u jgħożż.  Kien f’dan flessibbli għall-aħħar għax ma kellu ebda forma ta’ fruntiera mentali, int min int, ġej minn liema klassi jew pożizzjoni fil-ħajja u soċjetà, huwa ser jirnexxilu jikkomunika direttament u personalment miegħek.  Ladarba jirrikonoxxi li hemm problema u li jista’ jsib soluzzjoni għaliha kien dlonk jitlaq.  Ma kienx mal-ħaġra t-tajn, għax ħadd ma kien jippretendi dan minn min irid jieħu deċiżjoni f’postha.  Biss, il-pass kien jittieħed, u jsir.  Dejjem għax konvint u talab li dak lis er iwettaq huwa għat-tajjeb.  Ċert li ħafna bħali għandhom din l-esperjenza x’jgħozzu.

4.     Wasal fil-ħatra tiegħu f’mument partikolari fil-ħajja soċjali, reliġjuża u politika ta’ dawn il-gżejjer: wieħed li kien jaħraq u mimli xewk.  Ħatra li huwa ma ġeriex warajha imma li b’umiltà aċċetta.  Kellu temperament u metodu differenti minn dak li l-pajjiż u l-Knisja kienu mdorrija bihom qabel, fejn ried jirbaħ il-fiduċja ta’ dawk ġewwa l-istess Knisja Kattolika, kif ukoll ta’ diversi fil-poplu li, għal raġuni jew oħra, ma kinux fehmu dik l-għażla.  Ħa għalhekk fuqu piż xejn faċli, fejn biddel id-direzzjoni mingħajr ma b’xi mod ċeda jew aċċetta dak li ma kellux.  Hu li kien għadu ġdid, mhux magħruf, żgħir, ġej minn ġenerazzjoni oħra sab ruħu jrid jikkonfronta lil min kien stabbilit, fl-aqwa tal-karriera politika tiegħu, fejn ftit kienu jikkontradiċuh.  Dan, kif nafu tajjeb ħafna llum, wettqu b’diliġenza u determinazzjoni.  Jieqaf b’saħħa tad-dgħjufija apparenti tal-kelma u, fl-istess, kalamita għal dak li ma kinux iqisu ruħhom parti mill-Knisja.  Pożizzjonijiet, azzjonijiet, diskorsi f’waqthom, f’posthom, la iktar anqas inqas.  Kien kjarament jaf x’inhuwa jagħmel.

5.     Kien f’dan ukoll il-bniedem tar-rikonċiljazzjoni.  Għax waqt li waqaf għal dak li kien bla sens u ta’ ħsara għas-soċjetà, kien miftuħ għal dawk li riedu jaraw u jħaddnu l-verità.  Żamm il-pożizzjoni anki jekk kien hemm għaddej theddid, vjolenza u intolleranza kbira, fejn anke l-Kurja Arċiveskovili, proprju faċċata tal-Pulizija, fil-qalba tagħha sabet ruħha attakkata u b’ferita ikbar fejn anki immaġini reliġjużi ġew imkissra, mfarrka b’disprezz.  Kienu mumenti iebsa għalih u għall-insara kollha, fejn għall-ewwel darba f’sekli sħaħ, dak li kien għal qalb il-maġġoranza tal-poplu kien qiegħed jiġi mkasbar fix-xejn.  Fejn il-materjaliżmu ateju, anti-uman u bla sens ħareġ f’forom strambi.  Mess f’dak il-mument partikolari direttament mal-banalità li l-ħażen kapaċi jipproduċi.
6.     Kien il-bniedem li ġieb lill-Knisja Kattolika u lill-insara warajh biex jieqfu u ma jaċċettawx, b’ebda mod, dak kollu li kien qiegħed jiġi propost.  Proposti anti-kattoliċi u li bihom kienet qegħda tikber iktar il-firda.  Kienu f’dan mumenti jaħarqu li ebda mexxej reliġjuż ieħor qablu ma għadda minnhom, fejn fihom u bihom huwa ġie mbaskat fil-figura li lkoll illum ngħarfu li kellu.  Iż-żmien, iċ-ċirkostanzi, il-prinċipji tiegħu sarrfuh sabiex b’sebgħa u għoxrin sena t-tafal fi ħdan dak is-saċerdot għawdxi jsir l-aqwa u l-iktar sod.  Minn ġewwa mimli bis-sens u s-sustanza nisranija, fuq barra umli, determinat u preparat għal dak li kien ser jiġi fuq il-maħbuba Knisja Kattolika.

7.     Baqa’ hekk anki meta, wara li talab hu, spiċċa mill-kariga.  Baqa’ n-nisrani li jrid iwassal il-missjoni u jevanġelizza.  Niftakar u fl-istess ħin ngħożż il-jum li sabni fil-kappella tal-isptar Mater Dei, preċiż wara l-operazzjoni li kont għaddejt minnha.  Kont skantajt, u fl-istess ħin fraħt, li kien ġie biex jarani.  Kliemu jibqa’ f’moħħi u jiġu lura f’ħafna mumenti li nsibni fihom.  Naf li għamel dan ma’ ħafna oħrajn bħali.  Għalhekk, proprju f’dawn il-jiem tal-Għid il-Kbir, ma għandix dubju li l-poplu qiegħed jirrikonoxxih iktar u iktar bħala dak il-bniedem attent, mimli prudenza li ddedika ħajtu għall-oħrajn.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...