23.3.16

L-aħħar atti ta’ episkopat li jibqa’ msemmi – il-mument, il-Ħadd 21 ta’ Jannar 2007.

L-Arċisqof Mercieca se jibqa’ f’qalbna għaż-żminijiet kollha ta’ ħajjitna

1.       Għad għandi quddiemi l-Quddiesa li attendejt għaliha fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt il-Ħamis li għadda filgħaxija.  F’ċerimonja reliġjuża mill-isbaħ rajt folol ta’ Maltin u Għawdxin li nġabru biex ikunu preżenti għall-aħħar Quddiesa ta’ l-Isqof Ġużeppi Mercieca.  Kienu jinħassu sew fl-arja s-sens kbir ta’ mħabba u rikonoxximent lejh.  Ma stajtx ma nkunx fost dawk id-diversi li marru biex ikunu xhieda tal-popolarità u fl-istess ħin ta’ l-approvazzjoni ta’ ħidma li kienet ilha għaddejja tletin sena.  Ħidma li kelha d-diffikultajiet tagħha iżda li quddiem dak li għad irridu naraw ma kienx hemm ħlief apprezzament.

2.       Iċ-ċerimonja kibret fil-valur għax spikkat l-umiltà qawwija ta’ dan il-mexxej spiritwali.  Quddiem kulħadd irringrazzja, talab maħfra u stabbilixxa b’mod mill-iktar ċar fejn il-ġlieda għas-soċjetà Maltija qiegħda, dik tal-valuri li l-għaqda tal-familja tagħti.  Nammetti li ma rajtx il-ħin għaddej u anzi ħassejt li kollox qisu tar minn idejna avolja kien għaddej pass pass quddiemna.  Xtaqt li l-arloġġ waqaf idur.  Iktar u iktar għax waqt l-eventi, il-kant verament tajjeb u ċ-ċelebranti kollha bqajt nirrifletti fuq is-suċċessi u għalhekk il-wirt li hu se jħalli.  Kull min kien hemm ried jagħti xhieda li dak kollu li kien wettaq kabbar l-istima tal-poplu fih.

3.       Għax tul l-episkopat tiegħu seħħew ġrajjiet li la jistgħu u anqas se jkunu jistgħu jintesew.  L-Isqof Mercieca għandu s-sodisfazzjon li kien l-ewwel wieħed fost sekli ta’ l-eżistenza tagħna li ra Papa ġej jirfes l-art ta’ pajjiżna u mhux jitlaq minnha biex isir.  Mhux biss għal darba, ġie darbtejn.  Niftakar fl-ewwel miġja meta ġie Ġwanni Pawlu t-Tieni kemm kellu ferħ u kemm kellu jlaħħaq naħa u oħra.  Kien hemm preżenti, jipprova jżomm bilanċ u dinjità f’kull attività iżda speċjalment quddiem l-entużjażmu inkontrollabbli tar-reliġjużi u l-poplu kollu.  Hu hemm kien isegwi biċċa biċċa, jassisti u jassigura li kollox sejjer tajjeb.  Dik iż-żjara papali tant kienet sabiħa li kull min għadda minnha jaf li ma tista’ qatt tirrepeti ruħha.  Għadni narah viċin il-Papa, għaddej mit-toroq tagħna bin-nies jixħtulhom il-fjuri.  Kienu verament jiem ta’ ferħ għalina lkoll.

4.       U dik l-okkażjoni kienet diġà biżżejjed biex timla u tiġġustifika l-ħatra.  Iżda ftit snin wara kellna t-tieni żjara.  Hawn ukoll, għal darb’oħra, kienu ġraw fatti li konn wkoll ilna nittamaw li jkollna.  Kważi, kważi konn rassenjati li kienet xewqa li pajjiżi oħra setgħu jilħqu mentri aħna, minħabba ċ-ċokon tagħna, ma stajniex.  Imma dan ma kellux ikun il-każ u, minflok, kellna tliet Maltin puri li għexu ħajja tant mimlija qdusija li kienu dikjarati beati.  L-ismijiet ta’ Adeodata Pisani, Nazju Falzon u Dun Ġorġ Preca daħlu f’qalbna għal dejjem.  Konna nkunu diġà ferħanin b’persuna waħda; il-fatt li kellna tlieta ma stajniex verament inżommu l-pjaċir.  Għadni qed nara lil Ġwanni Pawlu preżenti magħna f’dik iċ-ċerimonja mill-isbaħ Fuq il-Fosos f’jum mimli xemx qawwija.  Memorji li ma jintesewx.  Eventi li l-istorja ta’ pajjiżna ma tista’ b’ebda mod tinsa.  Eventi li għalihom l-Isqof Mercieca hemm kien bħala l-mexxej spiritwali tagħna.

5.       Anki issa, propju fl-aħħar tat-terminu tiegħu, tasal l-aħbar li Dun Ġorġ Preca se jiġi dikjarat uffiċjalment qaddis.  Mhux biss fost l-ewwel beati, iżda issa se jkun l-ewwel Malti fl-elenku.  Il-proċess sħiħ, id-diffikultajiet kollha li dan jitlob għadda minnhom l-Isqof Mercieca.  Dan hu kollu parti sħiħa minn wirt ta’ ħidma li ħarġet tul iż-żmien li ilu jmexxi l-Knisja Maltija.  Dawn huma għalija mumenti importanti fl-istorja tagħna bħala poplu.  Mumenti li se jibqgħu mnaqqxa f’qalbna u f’qalb dawk li għad iridu jiġu warajna.  Għax l-istorja ta’ poplu m’hix magħmula mill-eventi materjali iżda tibni u tissoda lilha nnifisha fuq dawk morali.  Dawk il-valuri li jmexxuha ’l quddiem biex tibqa’ tifhem ir-rilevanza u sehemha fil-futur tad-dinja u l-umanità.

6.       L-Arċisqof Mercieca nhar il-Ħamis li għadda kien il-bniedem ta’ dan kollu, iżda mhux biss.  Deher iktar.  Ma resaqx lejna b’dan l-elenku li diffiċli jirrepeti ruħu, anzi proprju l-kontra.  Kien moħħu biex iwitti t-triq għall-Isqof elett Patri Pawl Cremona.  Għax kien hemm lezzjoni ta’ umiltà f’dan ukoll.  Mhux bniedem qabad u daħal fis-siġġu ta’ l-ieħor bla kliem u bla sliem, iżda t-tnejn jiċċelebraw il-Quddiesa flimkien.  Mod dinjituż u fl-istess ħin mimli b’sustanza ta’ dak li hu d-dmir li tmexxi spiritwalment dan il-poplu.  Dawn iż-żewġ persuni importanti għalina lkoll iridu jwasslulna l-messaġġ veritier: dak li mingħajr l-id tal-Ħallieq xejn ma jista’ jseħħ ta’ ġid f’ħajjitna.

7.       Il-Quddiesa tal-Ħamis li għadda issa se jkollha konsegwenza oħra.  Il-bidla waslet hi wkoll fuq l-episkopat tagħna.  Bidla li daqt se narawha sseħħ quddiemna nhar il-Ġimgħa.  Dan għax tul dawn is-sebat ijiem se jkollna uffiċjalment Isqof ġdid.  Ċerimonja oħra itwal u li fiha l-Isqof Cremona jibda jġorr is-salib li kellu l-Isqof Mercieca.  Proċess importanti u li se jdaħħalna f’fażi ġdida.  Perjodu ta’ tmexxija differenti b’ideat oħra ta’ kif il-messaġġ nisrani jista’ jasal f’qalb iktar nies.  Għax hemm bżonn illum ukoll daqs il-passat l-impenn dirett ta’ l-insara biex inwasslu b’mod ċar il-valur kbir li għandna.  Għax iż-żminijiet jinbidlu iżda d-diffikultajiet jibqgħu jinbtu.

8.       L-Arċisqof Mercieca se jħalli din it-tmexxija taħt idejn San Franġisk De Sales, patrun tal-ġurnalisti.  Ma hemmx dubju li se jibqa’ f’qalbna għaż-żminijiet kollha ta’ ħajjitna.  Imfakkar għall-eventi kbar u irrepetibbli li ra pajjiżna taħtu.


Nawguralu u nirringrazzjah minn qalbi.

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...