4.4.16

It-tmexxija tal-pajjiż



1. Tul din il-ġimgħa dawn l-gżejjer waqfu jiċċelebraw jum nazzjonali -wieħed li jimmarka b’mod ċar li mxejna passi ‘l quddiem ‘l bgħod mill-passat. Illum ftit ħafna, jekk verament għad hawn, persuni li jistgħu iħarsu lura u jixtiequ li pajjiżna baqa monarkija. Is-sistema demokratika għaddiet u f’ħafna għadha għaddejja minn diversi eżamijiet u sfidi. Biss ilkoll nirrikonoxxu li għamlet il-ġid u kapaċi, jekk tintuza tajjeb, tibqa tagħmel hekk. Isservi aktar bħala l-għodda għall-ġid komuni.

2. L-istrutturi, l-istituzzjonijiet huma b’saħħithom, biss min ikun parti mill-klassi politika mhux neċessarjament jifhem li huwa qiegħed hemm ma’ oħrajn għal diversi oħra. Daħlet inkiss inkiss il-linja politika li min għandu l-kmand jiddeċiedi kollox hu mingħajr m’għandu l-bżonn li jkellem, jikkonsulta u jġib l-approvazzjoni tagħhom. Tul din l-leġislatura hemm direttament il-ħin kollu l-ħsieb li qegħdin f’demokrazija imma mmexxu qisna f’monarkija - waħda li tibgħat l-messaġġ li anqas lill-parlament jew lill-ministri l-oħra m’għandha bżonnhom.

3. Ħafna żbalji li qed isiru l-ħin kollu mill-Gvern setgħu u jistgħu jiġu evitati. Ftit ħsieb u ferm aktar konsultazzjoni kienu żgur jżommu dak kollu li qiegħed joħroġ fil-beraħ jum wara jum. Jista’ jkun li hemm min ma jrid jikkomunika ma’ ħadd, ma jkellem lil ebda persuna oħra u jmexxi waħdu. Jista’ wkoll, kif qiegħed jingħad, li hemm min qiegħed jipprova jwassal il-messaġġ għas-sewwa imma ħaddiehor ma jridx la jiftaħ il-bieb wisq anqa jisma. Dan, fih innifsu huwa żbaljat. Biss l-gravità tiegħu tikber iktar għax f’demokrazija hemm bżonn il-kunsens ġenerali u maġġoritarju mhux l-impożizzjoni.

4. L-eżempji tajbin jew ħżiena jibqgħu hemm u jsiru agħar meta jkun hemm ħaddieħor li jitħajjar jimxi bl-istess metodi. Kull partit irid jibni iktar il-bilanċi interni tiegħu, l-istrutturi u meta fil-Gvern il-bilanċ bejn min huwa fil-poter tal-pajjiz u min jibqa lura jiddefendi l-fortizza. Fl-oppożizzjoni żgur li hemm iktar flessibilità u libertà ta’ manuvrar. Dan iħajjar u jmexxi lejn iktar djalogu, diskussjoni u preparazzjoni għall-futur. Preparazzjoni li tibni prattika ta’ proċedura li biha dak li jiġi deċiż fl-opposizzjoni jkun l-istess fil-Gvern u għalhekk mhux b’impożizzjoni iżda b’diskussjoni. Dan sar kull darba mill-Partit Nazzjonalista u kien dejjem il-katalist għall-bidla.

5. Huwa proprju għalhekk li nemmnu li t-tmexxija tal-pajjiż trid tkun verament iktar parteċipattiva - waħda li tiftaħ il-bieb sabiex wieħed jasal għas-sewwa. Proprju iktar għalhekk li qed jiġu organizzati iktar diskussjonijiet politiċi fil-każini tal-partit u barra minnu. Hemm udjenzi varji li jirfsu l-għatba ta’ dawk l-bibien. Hemm min jiġi għall-kumpanija u hemm min jiġi sabiex jisma, jistaqsi u jitkellem. Il-mediċina t-tajba u demokratika li tfejjaq u tipprotegi mill-ħsibijiet monarkiċi jiġu minn dawn l-esperjenzi.

6. Presentement t-tmexxija tal-pajjiż qegħda evidentement f’idejn persuni li, proprju minħabba l-maġġoranza kbira li kienu gabu tlett snin ilu, jaħsbu li xejn ma huwa sejjer imisshom. Ħadd wara ħadd b’folol numerużi il-messagg li jintbgħat barra huwa iktar u iktar dan. Dan huwa evidenti bejn fuq naħa l-apparenti konfort li minkejja dak li qiegħed iseħħ xorta waħda hemm appoġġ popolari u fuq l-oħra l-aljenazzjonijiet fuq dak li ħadd ma jippretendi li jisma’.

7. Għal min isegwi, kull nhar ta’ Ħadd qiegħed joħroġ iktar li hemm żewġ forom ta’ realtajiet. Fuq naħa l-gvern li qiegħed jaħrab mill-problemi li ħoloq u ġab huwa stess, fuq l-oħra l-oppożizzjoni li titkellem fuq dak li qiegħed iseħħ. Iktar u iktar dan huwa ċar għax il-pajjiz qiegħed, mertu tal-messaġġi tal-oppożizzjoni, jifhem li hawn tmexxija żbaljata. Dak li huwa dmir sar issa strument vitali u effettiv sabiex d-demokrazija tkun b’saħħitha u ma jikbrux dawk li qed jissudaw fil-ħsibijiet monarkiċi tagħhom.


8. Wieħed jifhem u jiġġustifika aktar għalhekk għala l-Partit Nazzjonalista ħass li tul l-ġimgħa kellu jgħolli iktar leħnu sabiex jiddefendi lill-membru parlamentari tiegħu, Jason Azzopardi. Jaqbeż u fl-istess ħin jikxef aġir żbaljat. Jaqbeż għall-membru tiegħu għax hekk huwa s-sewwa. Jikxef l-aġir ta’ tmexxija żbaljata li hija mmirata li tintimida, tbeżża u ssikket lill-oppożizzjoni milli ssemma leħinha u turi x’inhija r-realtà preżenti. Għax il-pajjiż haqqu li jkollu Gvern li jmexxi sewwa. Għax it-tmexxija tal-pajjiż għandha tkun f’idejn demokratiċi li jmexxu f’isem il-ġid komuni.        

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...