11.4.16

L-inkredibilità tal-kredibilità



1.      L-eventi ta’ dawn l-aħħar jiem komplew jgħaddu lil pajjiżna minn buffura ta’ riħ qawwi.  Din mhix pożizzjoni maħluqa mill-Partit Nazzjonalista.  Il-paternità u l-maternità unika tagħha ġejja minn ħdan it-tmexxija preżenti tal-istat.  Mill-Ħadd filgħaxija ‘l quddiem dak kollu li ngħad, u kien qiegħed il-ħin kollu jiġi skartat għal dawn l-aħħar xahrejn, qabad ritmu ġdid u differenti.  Dak li ġie żvelat minn diversi ġurnalisti mad-dinja kollha kellu l-konsegwenza li din mhix biss aħbar nazzjonali imma dak li huwa tagħna sar parti minn dak li huwa internazzjonali.

2.      L-immaġini tagħna bħala poplu u bħala pajjiż bdiet tnaqqas fil-valur u l-kredibilità tagħha.  F’daqqa ġejna dawk li naħbu u nwettqu dak li m’għandniex.  Forsi hawn niddistingwu u ngħidu dak u l-ieħor barra lkoll qegħdin fl-istess pożizzjoni u baħar.  Jingħad x’jingħad lokalment, sa ftit ilu konna qegħdin ingawdu minn reputazzjoni tajba ħafna.  Anzi, diversi kellhom il-kurżità ta’ kif dawn il-gżejjer kienu qed jirnexxilhom iżommu f’idejn ir-riedni ekonomiċi.  Fost oħrajn li għaddew minn ibħra mqallba aħna rnexxielna nibqgħu stabbli u kabbarna.

3.      Is-setturi ekonomiċi tagħna, prinċipalment dawk marbuta mas-settur finanzjarju u dawk marittimi, mit-twelid tagħhom iggarantew dħul u impiegi li qabel ma kellniex.  Hemm konvenjenzi ta’ taxxa imma l-iktar hemm l-għarfien li l-affarijiet isiru kif għandhom.  Li dak li jsir isir skont ir-regoli u li ma hemmx diffikultà sabiex wieħed ikollu moħħu mistriħ li reġistrazzjonijiet u amministrazzjonijiet maltin huma onesti u sodi.  Ġbidna ħafna u l-kalamita maltija ħadmet b’saħħa.  Diversi biddlu l-post fejn kienu jaħdmu u f’dawn is-snin żidna mingħajr ma naqqasna.

4.      Il-pożizzjoni tagħna hija verament unika.  Pajjiż li kellu diġà dawn l-istrutturi qabel daħal parti mill-Unjoni Ewropea sab ruħu b’iktar kredibilità u ċertezza appena dħalna.  Il-vantaġġ li s-sistema demokratika u finanzjarja tagħna kienet qegħda tagħti komplejna ħadna ħsieb li nipproteġuha sabiex anki bil-bidla Unjoni Ewropea xorta nimxu ‘l quddiem.  Diversi minn dawn l-istrutturi legali kellhom iktar u iktar ix-xorti li kellhom iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati warajhom.  Kien hemm fit-twelid u fit-tħaddim sussegwenti li hemm bżonn li dawn jiġu protetti.  Protetti mhux attakkati u anqas imminati, la internament u lanqas pubblikament.

5.      Dan l-għarfien kien jissarraf f’membri taż-żewġ naħat tal-Kamra li jaraw u jfaħħru, u fl-istess ħin jaraw li huma stess jagħmlu reklam.  F’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, li skond uħud ma ġara xejn, din kienet il-prattika.  Għamlet il-ġid fid-dħul nazzjonali.  Għamlitu wkoll f’dak tal-impiegi.  Hawn settur fejn hemm livell għoli fil-pakkett tas-salarju li jirċievi min jaħdem fih, kif ukoll hemm disat’elef persuna li ħobżhom jiddependi minnu.  Settur li sab tkabbir proprju għax sab bnedmin kapaċi u mgħallma biex jaħdmuh tajjeb.

6.      Kull sena, l-Università tara kwantità ta’ gradwati li jiġu assorbiti mill-ewwel fi ħdan dan is-settur.  Ibda mill-avukati, li minkejja dawk li żbaljatament riedu jnaqqsu min-numru, jinħatfu.  Hawn għalhekk ċirku b’saħħtu li qiegħed jassigura stabilità, jgħolli l-livell tal-ħajja u l-isem ta’ pajjiżna.  Biss, f’dan kollu l-ġebla tax-xewka hija waħda: il-kredibilità tagħna.  Mingħajr dan l-avvjament li qiegħed hemm jissarraf biss, ma tistax taqbdu b’idejk jew tittrasferih jew tixtrih, dan kollu jaqa’ f’daqqa.

7.      Jekk, kif qed naraw, hemm barra ħarġet mas-saqajn li l-Gvern tal-ġurnata dak kollu m’huwiex importanti għalih, allura l-proċess li jdewweb il-kredibilità huwa iktar veloċi.  Flok qegħdin fuq is-swar niddefendu, qegħdin minflok aħna stess inżarmawhom.  Missirijietna kkumbattew għall-ħajja, għall-valuri tagħhom u dan għax fehmu lijekk jintelqu, oħrajn ser jgħaddu minn fuqhom.  Kellhom ċar ħafna f’moħħhom x’inhuwa l-interess nazzjonali.  Kienu konxji minn dak li kellhom u dak li setgħu jsibu ruħhom fih.  Għalhekk ikkumbattew.

8.      Il-lingwa nazzjonali ta’ pajjiżna hija mimlija bi twissijiet għal min jippermetti dan.  Mhux ser nirrepetihom għax ilkoll nafuhom.  Dawn inbnew għax fuq din il-gżira qatt ma kien faċli biex tgħix u timxi ‘l quddiem.  Ta’ qabilna ssieltu mal-art u mal-elementi tal-ħajja biex jgħixu u jagħtu għixien lill-familja tagħhom.  B’intelliġenza, b’għaqal, bil-perseveranza u bid-determinazzjoni.  Forsi proprju minħabba l-fatt li f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena l-pożizzjoni nbidlet ta’ taħt fuq li hawn min qiegħed jaħseb ħażin, li x-xorti tiġri warajna u ma għandniex bżonn nikkumbattu.  Ir-realtà hija kompletament il-kontra.

9.      Pajjiżna sa issa żamm fuq wiċċ l-idejn il-kredibilità.  Biss, bl-eventi ta’ dawn il-jiem bdejna nitilfu sew minnha.  Daqs kemm hija soda meta jkollha r-riħ fid-direzzjoni tagħha, daqshekk ieħor tmur lura meta dan idur.  Ir-reputazzjoni tagħna hija determinanti għalina lkoll.  Iktar ma tmur lura, iktar ser issir ħsara.  Iktar wara ser ikun diffiċli għalina biex nerġgħu nġibuha lura kif kienet.  Dak li jitilqek ma ġġibux lura.  Proprju għalhekk għandna nagħrfu li l-kredibilità tagħna hija f’dan inkredibbli u għalhekk dak li għandu jsir ħa jsir sabiex insalvaw dak li għandna u li ħdimna lkoll għalih.



No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...