4.4.16

Ġewwa u Barra.



1.     Il-kalma hija indispensabbli għal ħidmet dawk fil-politika.  Sfortunatament, il-ġimgħat li għaddew neħħew dan u l-klima rridu naċċettaw li nbidlet ta’ taħt fuq.  Hawn wisq instabilità li biddlet il-mod ta’ kif ikun jista’ jservi bl-aħjar mod lill-poplu.  Hawn wisq diskors żbaljat, aġir mhux fil-linja tas-sewwa li qiegħed iħawwad iktar l-ilmijiet.  Hawn ukoll ċaħda u ħarba minn dak li huwa veru.  Il-pajjiż, tul dawn l-aħħar tlett ġimgħat, waqaf idur miegħu nnifsu; mhux jaċċetta dak li qiegħed jirrealizza li għaddej.

2.     Huwa xenarju li f’ċertu sens huwa “ġdid”.  Differenti għax fis-snin li għaddew l-istabilità tal-pajjiż kienet prijorità.  Il-poplu kien beda t-triq li jħalli warajh il-politika u jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq dak li jinteressah.  Il-ħin dedikat għal din l-attività naqas proprju għax diversi ħassew li ma kienx hemm dan il-bżonn u dak li kien għaddej ma kienx qiegħed imisshom.  It-trankwillità u l-istabilità fit-tmexxija tal-poter kienu evidenti, anke jekk fl-aħħar leġislatura kien hemm kwistjonijiet oħra.

3.     Il-Partit Nazzjonalista għadda minn ħames snin ta’ problemi oħra differenti.  Kellu min minn fostu li kellu ħsieb u aġenda differenti li wasslu għall-aġir li huwa llum magħruf u kkundannat.  Sitwazzjoni xejn faċli, li ma tantx kienet ta’ għajnuna fix-xenarji nazzjonali li kien hemm għaddejja.  Xorta però, minkejja dan, fil-pajjiż baqgħet tirrenja l-istabilità.  L-ekonomija baqgħet tikber, il-kriżi tal-gwerra ċivili libjana ma ġibitx l-effetti ħżiena li oħrajn bassru, il-kriżi finanzjarja ma ħakmitniex bħal oħrajn u kellna prinċipalment iż-żieda verament qawwija fil-prezz taż-żejt li għakksitna.

4.     Illum il-pożizzjoniji daret.  Il-Partit Laburista fil-Gvern huwa b’saħħtu internament u l-pożizzjoni maġġoritarja fil-Parlament ma hix b’xi mod imċaqilqa.  Vera hemm min mhux qiegħed jaqbel, biss is-saħħa hemm għadha.  L-istabilità fil-partit hemm qegħda, però dik fil-pajjiż intilfet.  Diversi persuni, meta jitkellmu juruk li huma mħassbin ħafna.  Sija dawk li kienu jivvutaw mod u sija dawk li la jridu jew li ser ibiddlu l-ħsieb tagħhom għandhom fuq kollox dan l-inkwiet.  Mhux qed jaraw li l-affarijiet tal-pajjiż sejrin tajjeb.  Dan issa qiegħed jiekol u jinkwieta sew iktar u iktar meta qed jifhmu li miżuri li jippretendu li jseħħu ma humiex sejrin isiru.

5.     Fortunatament il-Parlament jinsab aġġornat.  Il-Gvern għandu issa perjodu qasir ta’ ġimgħatejn li fihom jista’ jqiegħed l-affarijiet lura fl-ordni.  L-Għid il-Kbir, fit-tradizzjoni passata kien mument fejn ċerti deċiżjonijiet jiġu meħuda.  Huwa propizju għax ħafna jkunu ġustament okkupati bl-attivitajiet reliġjużi u allura jkun hemm dak l-ispazju neċessarju għall-ħsieb u r-riflessjoni.  Hemm tista’ tiġi ndirizzata l-għajta li hawn preżentement fit-toroq li qed titlob tmexxija aħjar u toni politiċi ferm inqas qawwija.

6.     Il-pajjiż ma jistax jemmen li fi tlett snin wasalna f’din il-pożizzjoni.  It-temperatura politika tant qabżet kull limitu li ħafna qed jitilfu mill-fiduċja fil-politiċi u qed jiddubitaw mill-effikaċja tal-politika nnifisha.  Naħseb li aħna li għadna nittamaw u naħdmu sabiex inġibu lura din il-fiduċja għandna dmir biex nikkalmaw l-ambjent.  Ebda poplu ma jista’ jimxi ‘l quddiem jekk ma jkollux politiċi tajba u li dawn jagħrfu jutilizzaw għas-sewwa dan l-istrument importanti.  Dan huwa li qed jippretendi l-pajjiż u għalhekk wieħed jifhem għala hawn xettiċiżmu u diskors kontra l-politiċi.

7.     Jekk ma jsirux numru ta’ bidliet, allura s-sitwazzjoni mhix sejra ‘l quddiem.  Il-konsegwenzi ser ikunu, żgur mhux forsi ta’ iktar firda, kif ukoll ta’ iktar attakki bla sens fuq il-persuni milli fuq l-argumenti.  Illum, b’Ħadd il-Palm nimmarkaw il-bidu tal-ġimgħa tal-Passjoni.  Nittama li l-pariri t-tajba jittieħdu.  Li dawk li għandhom esperjenza politika valida u soda, jintervjenu.  Nittama serjament li fl-aħħar tagħha nagħrfu iktar dak li għandna ndaħħlu lura ġewwa fil-politika u dak li għandna noħorġu kompletament ‘il barra.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...