30.5.23

MFHEA – YEARLY BUSINESS PLAN

8958. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8333 u 8705 u jgħid jekk matul dawn l-aħħar erba’ snin fi ħdan il-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) kienx hemm Yearly Business Plan sottomess kull sena lill-Bord għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni u jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

18/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  127

29/05/2023

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT TAL-ISTAT – KUNDIZZJONIJIET TAL-AVUKATI U PROKURATURI LEGALI

8957. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 7941, 8315, 8478 u 8702, jista’ l-Ministru jara li n-negozjati jkunu verament? Jista’ jagħti attenzjoni għal din is-sitwazzjoni u jittrattaha fl-iqsar żmien possibbli tenut kont tal-fatt li hemm differenza sostanzjali fil-kondizzjonijiet preżenti meta kkomparati ma’ dawk tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fl-interess tal-Istat ikun aħjar jekk ikunu uniformi?

 

18/05/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Filwaqt li għal darb'oħra nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 7941, 8315, 8478 u 8702, nikkonferma li bħala Ministeru ser inkunu qed naraw li l-proċess tad-diskussjonijiet jibqa’ għaddej sakemm il-partijiet isibu ftehim.

 

Seduta  127

29/05/2023

PAOLA HUB – XOGĦLIJIET

8956. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema stadju jinsab il-bini tal-Paola Hub, kemm intefaq s’issa u jekk xi ħadd mill-Ministeru ltaqax mar-residenti in vista tal-volum tat-traffiku li dan se jġib u d-diffikultà fil-parkeġġ?

 

18/05/2023

 

ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq iċ-Ċentru għas-Saħħa Reġjonali Vincent Moran huwa avvanzat u on target sabiex jilqa’ l-ewwel pazjenti din is-sena. In-nefqa s’issa hi ta’ madwar €29 miljun. Ninformah ukoll illi sar traffic impact assessment minn Transport Malta mal-permess tal-binja, u l-proġett ġie ddisinjat b’parkeġġ inkorporat miegħu li ser jesa' madwar 230 karozza, għall-użu tal-pazjenti, l-istaff, u residenti tal-madwar.

 

Seduta  127

29/05/2023

SENTENZI SOSPIŻA

8955. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi li fihom kien hemm sentenza sospiża fl-2022?

 

18/05/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 ingħataw 229 sentenza li fihom kien hemm sentenza sospiża.

 

Seduta  127

29/05/2023

DIPARTIMENT TAL-PROBATION AND PAROLE - IMPJEGATI

8954. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati fid-Dipartiment tal-Probation and Parole u jekk hux mistenni li dawn jiżdiedu?

 

18/05/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  127

29/05/2023

SENTENZI – ORDNI TA’ PROBATION

8953. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi li fihom kien hemm ordni ta’ probation fl-2022?

 

18/05/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matil l-2022 ingħataw 149 ordni ta’ probation.

 

Seduta  127

29/05/2023

29.5.23

X’daqqa tajba u tal-għaġeb ħadna!

1.   Għal min irid ifittex u jipprova jifhem, qiegħed jagħraf li pajjiżna niżel ʼl isfel. Jixraqlu mod ieħor, ċertament, u anzi determinat li naħdem sabiex dan iseħħ. Imma hemm ċirkostanzi li jimmeritaw attenzjoni. Jekk, kif qegħdin naraw, niżlin iktar ʼl isfel fil-livell tas-sewwa u fl-importanza tal-valuri fundamentali li jagħmlu soċjetà, dan mhuwiex ġej mix-xejn. Anqas, bir-rispett kollu, m’huwa sejjer lejn xi bidliet. Minflok qed nibdlu l-ilma li tħammeġ u qiegħed jinten sew bil-ġdid u l-frisk qed nassiguraw li nżidulu fid-doża sabiex isir iktar tossiku. Meta f’dan ma tagħrafx fejn int mod, imma meta minflok tkun taf u tibqa’ għaddej tagħraf li jekk ma taggravax tiġi ferm agħar.

Soċjetà ġusta

2.   Jekk qegħdin inmermru, minn kull naħa, il-pilastri tas-soċjetà ma nistgħux nistennew li l-affarijiet ser ikunu aħjar. Pajjiżna tilef l-istima li kellu qabel. Anki jekk għandna d-daqs ġeografiku tagħna, xorta konna kapaċi nsarrfu f’aktar. Konna kapaċi nuru li aħna aħjar milli jagħmluna. Kapaċi nuru ferm aħjar milli ħaddieħor kien jistenna. Dan sija fil-livell tal-għaqal u l-intelliġenza, kif ukoll fil-valuri u l-kultura li nirrappreżentaw. Għal ħafna konna vuċi ta’ kuxjenza li ħaddieħor xtaq li jkollu, imma li fil-fatt kien qiegħed jagħlaq. Pajjiżna kien strument għal bidliet fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġnus Magħquda. Il-vuċi tiegħu kienet rispettata, proprju fl-għarfien li dak li kien qiegħed jingħad kien fih sens u sustanza.

Inżilna fl-iskaluni

3.   F’dan irridu naċċettaw li f’dawn is-snin morna lura. L-iktar għax ma bqajniex nagħtu importanza lill-valuri tas-sewwa, li qabel ħaddanna. Fil-biża’ li xi ħadd jakkużana li aħna “antikwati”, wasalna biex niċħdu l-valuri tal-ħajja. Wasalna fil-punt fejn il-bniedem qed inneħħulu kull forma ta’ dinjità u nġibuh biss oġġett. Ileqq jew le, bħal kull ħaġa oħra li għandna ġewwa l-kexxun jew fil-gradenza tagħna. Biex ma nidhrux koroh f’għajnejn dawk li m’għandhomx sens qegħdin nitilfu mill-melħ li aħna għandna. L-istazzjon nazzjonali, li f’ħafna jirrappreżenta dak li aħna, tilef kull missjoni vera li bis-sħiħ jeduka, jinforma u jibni kultura demokratika. Wasalna fl-istadju fejn flok nirrikonoxxu l-avvanz uman, iddeċidejna li rridu nibdew lura mill-passi li s-soċjetà primittiva kellha. F’daqqa waħda, ikkanċellajna eluf ta’ snin.

Popolarità

4.   Jekk hemm min qiegħed jaħseb li din hija t-triq it-tajba għall-popolarità politika tiegħu, qiegħed jiżbalja. Jekk m’aħniex kapaċi nagħrfu dak kollu li l-bniedem għadda minnu f’sekli ta’ storja, allura qegħdin iktar ʼl isfel. Fejn il-klassi politika tagħmel ħilitha biex tieħu l-linja li turi lilha nfisha li hija nieqsa mill-kwalità. Fejn il-qari mhuwiex prijorità, u anqas id-diskussjoni jew id-djalogu, fejn min ma jaf xejn jidher li jaf. Fejn il-“ħsejjes” fil-medja jsiru minn dawk li m’għandhomx kultura politika jew li, konvenjentement, iridu jidhru hekk. Fejn dawk li huma serji u li jistinkaw għas-sewwa jingħataw il-ġenb. Jitqegħdu fis-silenzju, biex il-vuċi tar-raġuni u tal-kuxjenza tagħhom ma tinstemgħax, għax skomda.

Infittxu aħjar

5.   Pajjiżna għandu jkollu aħjar, u għandu jfittex li jibni dan billi jassigura iktar li l-partiti politiċi jkollhom bnedmin li jmissu mar-realtà u jippruvaw jifhmuha. Jekk hemm terz tal-poplu li ma jridx jivvota, dan ifisser li mhuwiex jiġi ispirat mill-klassi politika. Ifisser li qiegħed jippretendi bnedmin ta’ valuri li mhuwiex isib. Anki għal min huwa xettiku ħafna fuq dak li s-surveys jgħidu, xorta jagħraf li m’għandux jinjorahom. Jista’ jwebbes rasu u jbaxxiha biex ma jismax, imma l-pożizzjoni ma tinbidilx. Għandna, f’dan, id-dmir li nfittxu li nkunu aħjar, u nifhmu li għandna dmir li nirrappreżentaw u fl-istess ħin li nġibu lis-soċjetà kollha tieħu sehem fis-sistema demokratika. Dan iseħħ bil-bdil li jrid isir, u li bih nitilgħu ʼl fuq u mhux inkomplu ninżlu aktar ʼl isfel.

Iktar żbaljat

6.   Huwa, f’dan, iktar żbaljat li hemm min jaħseb li ser isolvi l-iżbalji tiegħu billi l-Ġudikatura tiġi attakkata kontinwament. Ħadd m’huwa qiegħed jgħid li għandha tgħix fid-dinja tagħha qisu s-soċjetà u l-esiġenzi tagħha ma jeżistux, imma ċertament mhux dak li hu għaddej bħalissa. F’din l-esperjenza qarsa ta’ dawn l-aħħar snin, il-Ġudikatura baqgħet taħdem u sservi. Baqgħet kostanti, tara dak li għaddej u tassigura li ma titlifx ir-reputazzjoni tagħha. Hija dak l-organu tal-Istat li baqgħet għaddejja tamministra l-ġustizzja u tibqa’ sejra, minkejja l-atti ta’ bluha li saru minn dawk li mexxew lil pajjiżna. Hi li taħdem fil-ġustizzja qegħda ssib lilha nfisha attakkata inġustament.

Kostanti

7.   Anzi, kif rajna sew, żied wisq il-piż tax-xogħol fuqha, sija minħabba liġijiet varji li għaddew mill-Parlament. Mhux biss, imma iktar ukoll minħabba l-imġieba żbaljata, illegali u kriminali ta’ dawk fil-Gvern. Il-pajjiż ħallas flus kbar f’inkjesti u għadu għaddej iħallas minħabba dan kollu, imma fuq kollox għandna nagħrfu li l-ħin tal-Ġudikatura tagħna ttieħed ʼil bgħid mill-ħidma normali tagħha. Jekk irridu ninżlu iktar ʼl isfel milli qegħdin, din hija proprju t-triq li biha nattakkaw lil dawk li għandhom jikkontrollaw u li jwettqu dan b’imparzjalità li ddejjaq. Aktar u aktar għal dawk li kienu draw bil-ħsieb li l-bnedmin jistgħu jinxtraw. Anzi aktar, f’dan huwa iktar faċli tattakka lil min taf li fi dmiru ma jistax iwieġeb għall-ħmerijiet li jkunu qegħdin jingħadu.

Tikkiet

8.   Hemm min jaħseb li minn dan kollu, il-poplu mhux jagħti każ. Hemm min jimmaġina li huma ċerti klassijiet li jidentifikawhom bħala ‘puliti’ li huma biss importanti. Li l-oħrajn kollox jgħaddi minn fuq rashom qisu ma ġara xejn. Mentri r-realtà politika hija differenti. Il-votant jara dak kollu li hu għaddej. Iqisu f’dak li verament hu, u jdaħħlu fil-kalatura naħa jew oħra, imma rari jirreaġixxi dak il-ħin stess. Dan kollu li qiegħed isir mhuwiex jiġi injorat, u f’dan wisq anqas l-elettorat mhuwa xi annimal irrazzjonali. Dak li jimxi biss bl-istint u jagħma malajr bil-flus. Il-poplu huwa attent, u jagħraf dan. Jagħraf li b’dak kollu li seħħ u li qiegħed iseħħ ħadna daqqa tajba u tal-għaġeb.

26.5.23

ĦAL TARXIEN – GĦASSA TAL-PULIZIJA – DELITTI, SERQ U FRODI RRAPPURTATI

8946. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Tarxien infetħietx tul is-sena li għaddiet u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, kif ukoll kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2022 u kemm minnhom kienu marbuta ma’ serq u frodi?

 

18/05/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi l-għassa tal-Pulizija ta’ Ħal-Tarxien tinfetaħ meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw. Madankollu ma’ din l-għassa hemm stallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista' jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għal kull assistenza.  Dan barra illi din il-lokalità hija koperta u tintlaħaq mir-ronda regulari li ssir min membri tal-RIU, permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll dawk tad-distrett skont il-ħtieġa u disponibilità. Ukoll huwa previst li jkun introdott is-servizz ta' pulizija tal-komunità. Għal din il-lokalita fis-sena 2022 kien hemm irrappurtati mija u sebgħa u sebgħin rapport, li minnhom għoxrin kienu marbuta ma' frodi u sebgħa u erbgħin kien marbuta ma' serq.

 

Seduta  125

23/05/2023

ĦAL GĦAXAQ – GĦASSA TAL-PULIZIJA – DELITTI, SERQ U FRODI RRAPPURTATI

8945. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Għaxaq infetħietx tul is-sena li għaddiet u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, kif ukoll kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2022 u kemm minnhom kienu marbuta ma’ serq u frodi?

 

18/05/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:   Ninsab infurmat illi l-għassa tal-Pulizija ta’ Ħal-Għaxaq tinfetaħ meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw. Madankollu ma’ din l-għassa hemm istallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għal kull assistenza.  Dan barra illi din il-lokalità hija koperta u tintlaħaq mir-ronda regulari li ssir min membri tal-RIU, permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll dawk tad-distrett skont il-ħtieġa u disponibilità. Ukoll huwa previst li jkun introdott is-servizz ta' pulizija tal-komunità. Għal din il-lokalita fis-sena 2022 kien hemm irrapurtati mija u tminn rapport, li minnhom erbgħa u għoxrin kienu marbuta ma frodi u disgħa u għoxrin kien marbuta ma' serq.

 

Seduta  125

23/05/2023

SANTA LUĊIJA – GĦASSA TAL-PULIZIJA – DELITTI, SERQ U FRODI RRAPPURTATI

8944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija ta’ Santa Luċija (Malta) nfetħietx tul is-sena li għaddiet u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, kif ukoll kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2022 u kemm minnhom kienu marbuta ma’ serq u frodi?

 

18/05/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi l-għassa tal-Pulizija ta’ Santa Luċija tinfetaħ meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw. Madankollu ma’ din l-għassa hemm istallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għal kull assistenza.  Dan barra illi din il-lokalità hija koperta u tintlaħaq mir-ronda regulari li ssir min membri tal-RIU, permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll dawk tad-distrett skont il-ħtiega u disponibilita. Ukoll huwa previst li jkun introdott is-servizz ta' pulizija tal-komunità. Għal din il-lokalità fis-sena 2022 kien hemm irrappurtati disgħa u erbgħin rapport, li minnhom tmienja kienu marbuta ma frodi u sbatax kien marbuta ma' serq.

 

Seduta  125

23/05/2023

IL-GUDJA – GĦASSA TAL-PULIZIJA – DELITTI, SERQ U FRODI RRAPPURTATI

8943. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija tal-Gudja nfetħietx tul is-sena li għaddiet u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, kif ukoll kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2022 u kemm minnhom kienu marbuta ma’ serq u frodi?

 

18/05/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi l-għassa tal-Pulizija tal-Gudja tinfetaħ meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw.  Madankollu ma’ din l-għassa hemm istallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista' jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għall kull assistenza.  Dan barra illi din il-lokalità hija koperta u tintlaħaq mir-ronda regulari li ssir min membri tal-RIU, permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll dawk tad-distrett skont il-ħtieġa u disponibilità. Ukoll huwa previst li jkun introdott is-servizz ta' pulizija tal-komunità. Għal din il-lokalita fis-sena 2022 kien hemm irrappurtati mija u sebgħa u sebgħin rapport, li minnhom tmintax kienu marbuta ma frodi u sebgħa u ħamsin kien marbuta ma' serq.

 

Seduta  125

23/05/2023

IX-XGĦAJRA – TRIQ IX-XATT (ŻONA TAL-MILORD) - XOGĦLIJIET

8942. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

 

18/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  125

23/05/2023

 

IX-XGĦAJRA – TRIQ IX-XATT (ŻONA TAL-MILORD) - XOGĦLIJIET

8941. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

 

18/05/2023

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar m’għandu l-ebda talba biex isiru xogħlijiet fiż-żona msemmija.

 

Seduta  125

23/05/2023

Passi f’demokrazija fraġli

1.   Trabbejna fid-dell tal-kunċett li d-demokrazija hija valur uniku għall-bniedem. Anzi, f’dan kellna, minkejja d-diffikultajiet f’pajjiżna, il-linja li d-dinja sejra lejn aktar demokrazija. Proċess li konna nagħrfu li jieħu żmienu, imma ladarba jibda ma jistax jitwaqqaf. Progress f’dan sar, u ħafna popli huma 'l bgħid mill-ħakmiet passati. L-iktar dawk li kienu taħt id-dittatorjat tal-Unjoni Sovjetika. Mhux kull pajjiż mexa fl-istess ritmu, jew segwa l-istess metodu. Kull poplu ħadem u stinka sabiex bena s-sistema tiegħu. Ngħidu x’ngħidu, id-demokrazija titieħed, ma tiġix esportata jew imposta, wisq inqas bl-użu tal-armi kif rajna f’dak li seħħ reċentement fl-Afganistan.

Sinjali

2.   Hemm diversi fatturi li preżentement qegħdin iżommu popli varji milli jgawdu minn dak li din is-sistema politika sservi fih. Magħhom kien hemm ukoll ‘deklin’ fl-immaġini internazzjonali tal-istat li kien jiġi identifikat mad-demokrazija. Meta l-ex-President Donald Trump iddeċieda li jiftaħ konfront ma’ dak kollu li qabel kien aċċettat fi proċess elettorali, u li anzi stiga sabiex ikun hemm l-attakk fuq il-Kungress, ix-xenarju nbidel. Mument li serva sabiex ikompli jaqsam il-pajjiż u li jkompli jipperikolah għas-snin li ġejjin. Imma l-iktar li ħafna fehmu li anki d-demokrazija Amerikana mhix qegħda taħdem kif għandha, u anzi, hemm elementi awtoritarji li ġew miżrugħa.

Valuri komuni

3.   Diġà ninsabu fil-kumplikazzjonijiet ta’ dinja li żviluppat f’xenarji varji mmirati lejn kunflitti, għeluq tas-swieq u l-fruntieri u tas-supremaziji militari u politiċi ta’ stati fuq oħra. Imma magħna għandna livelli varji ta’ attakki lil dawn il-valuri komuni. Għax qegħdin diġà f’pożizzjoni fejn il-prijoritajiet tal-ħajja mhumiex diskussi fl-aġendi politiċi. Fejn il-problemi ta’ kuljum taċ-ċittadin mhux diskussi. Fejn hemm inġustizzji soċjali qawwija f’diżlivelli fil-kwalità tax-xogħol quddiem il-poteri ta’ ċerti azjendi kummerċjali kbar, li wara l-pandemija żiedu s-saħħa tagħhom. B’eżempji ħżiena minn min imexxi, f’episodji skandalużi ta’ korruzzjoni politika fejn il-maġġoranzi parlamentari jiġu wżati bħala forma ta’ tirannija li trid tmeri s-sewwa magħruf. Fejn, terġa’, il-protezzjoni tal-iżbaljat tiġi ġġustifikata f’xi forma ta’ lealtà. Fejn il-kultura politika hija orfni sew u l-ideat varji, flok huma proċess ta’ djalogu, ġew f’dawk ta’ ġlied personali mill-iktar baxx.

Kif tikseb lura

4.   Għandna llum iktar fuqna d-dmir li naħdmu biex insalvaw lura u nissudaw id-demokrazija. Għandna l-vantaġġ li aħna fl-Unjoni Ewropea li, jingħad x’jingħad dwarha, li timxi bil-mod, li hija maqsuma, jew li hija fraġli, fir-realtà hija pilastru indispensabbli tad-demokrazija. Minkejja dak li għaddejna u li aħna għaddejjin minnu fl-Unjoni, hija tibqa’ tiddefendi u taħdem biex tissoda d-demokrazija. F’dan kellna opportunità unika li tlifna f’dawn is-snin. Kellna, bħala pajjiż, il-bieb miftuħ sabiex nieħdu ħsieb immexxu aħjar lill-Istat Malti u nħaddmu, u mhux naħqru, id-demokrazija tagħna. Bl-eżempji żbaljati li rajna fil-Gvernijiet tal-Partit Laburista, l-immaġini u l-effett kumulattiv li kien ġabar, f’daqqa ntilef. Irridu naħdmu biex niġbruh lura. Nerġgħu nkunu parti minn dawk l-istati li huma sodi, eżemplari u mhux problematiċi. Vuċi soda fil-kapitolu.

Djalogu

5.   F’dan, ċertament, ilna nbatu minn nuqqas ta’ użu tad-diskussjoni u d-djalogu nazzjonali. Diġà fl-2013 konna tlaqna mill-punt fejn l-Oppożizzjoni trid tiġi skreditata u ftuħ ta’ ideat ma kinux permessi. Il-messaġġ kien li, ladarba nbidel il-Gvern, allura kollox isir kif irid hu mingħajr ħadd ma jindaħallu jew ibiddillu l-ideat. Jekk il-Partit Laburista jinsab fil-pożizzjoni preżenti b’wirt politiku li għada pitgħada jrid jikkonfronta miegħu nnifsu, huwa wkoll frott u kaġun ta’ dan. Twieldet linja ta’ arroganza li ma kinitx tippermetti lilha nfisha taċċetta li fit-tmexxija tal-pajjiż minn Gvernijiet Nazzjonalisti saru ħafna avvanzi. Ftit kienu l-Ministri li pubblikament kienu, b’sogru għalihom infushom, jiddikjaraw dan. Għax huwa ċar li ninsabu f’soċjetà li fiha tirrenja d-diversità ta’ ideat. Fejn bid-diskussjoni u d-djalogu wieħed iġib iktar kompatibilità, armonija u uniformità. Proċess li huwa l-iktar importanti f’demokrazija ta’ vera. Wieħed li jesiġi paċenzja, determinazzjoni, perseveranza u ftuħ tal-mentalità biex minnhom insibu iktar miri komuni.

Konfrontazzjoni


6.   Għal raġunijiet varji, l-għeluq għal dan il-proċess demokratiku ġieb miegħu iktar konfrontazzjoni. Ħafna drabi, inutli u sterili. Iktar u iktar meta qiegħed jitwieled fid-dell ta’ politika reazzjonarja tal-lemin. Fejn il-ħidma li għandha ssir biex il-poplu jimxi ‘l quddiem fih qiegħed, minflok, jispiċċa b’elettorat li jrid jiddistakka ruħu minnu. Fejn flok il-verità tiġi maħruġa barra u mxerrda, tiġi minflok oskurata u mħawda fid-diskors dispreġġjattiv li jingħad. Iktar u iktar fejn, fl-iżbalji li saru taħt dan il-Gvern, is-soluzzjoni mhix l-għajjat, l-aggressività, imma li wieħed jispjega. Fejn bih jinbeda l-proċess sabiex il-Gvern tal-pajjiż jinbidel, u meta dan iseħħ ikun hemm programm ċar, trasparenti u maqbul minn qabel. Qegħdin fil-politika għas-servizz tal-poplu, mhux għal tagħna.

Giovanni Falcone

7.   Illum infakkru l-memorja ta’ dan il-bniedem kuraġġuż, li għaraf li l-kriminalità trid tikkumbattiha b’intelliġenza. Meta flok għaqal u attenzjoni jintużaw strumenti oħra jintilef kollox, u min qiegħed fid-dinja tal-korruzzjoni u l-illegalità jaqbillu. Hemm linja ta’ ħidma li trid issir b’paċenzja u perseveranza attenta għad-dettalji. Diskors żejjed u barra minn postu ma jwassal għal imkien. Mhux biss, imma hemm bżonn li wieħed jagħraf iktar li, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa biss b’tibdil fil-Gvern li s-sistema tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel. Min jaħseb li billi qiegħed jipprotesta ser iġib lil dan il-Gvern preżenti biex jiċċaqlaq qiegħed jilludi iktar ruħu.

Dmirna

8.   Minkejja dak kollu li għaddej, għandna nagħrfu li għandna dmir lejn is-sewwa, il-legalità u d-demokrazija. Kif kien qal tajjeb Falcone: “Occorre compiere fino in fondo il proprio dovere, qualunque sia il sacrificio da sopportare, costi quel che costi perché è in ciò che sta l’essenza della dignità umana.” Pariri preċiżi għal min qiegħed għas-servizz tal-popolu u mhux għalih innifsu. Proprju għalhekk li dmirna jikber iktar fl-għarfien li, għalkemm qegħdin f’sistema demokratika fraġli, irridu naħdmu biex b’għemilna nissudawha. Passi fis-sewwa, kontra l-kurrenti, imma mmirati biex inġibu lilna nfusna fl-Istat Demokratiku li ħaqqna.

BORMLA – XOGĦLIJIET F’POST

8491. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li fi żmien qasir isiru x-xogħlijiet neċessarji fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

 

03/05/2023

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li kellhom isiru fl-appartament imsemmi diġà tlestew.

 

Seduta  121

15/05/2023

WIED IL-GĦAJN – TRIQ IX-XATT – PAVIMENTAR

8490. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5953, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx avvanz fil-pjani sabiex il-pavimentar tax-Xatt ta’ Wied-il-Għajn isir?

 

03/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem fuq pjan għax-Xatt ta' Wied il-Għajn. Bħalissa qed isiru d-disinji preliminari. Jekk il-proġett jintlaqa' jkun jista' jiġi mwettaq fis-snin li ġejjin.

 

Seduta  121

15/05/2023

23.5.23

Is-Saħħa tal-Verità

1.   Ninsabu f’mument partikolari tal-istorja ta’ pajjiżna. Wieħed li jitlob attenzjoni u riflessjoni differenti. Għax fil-kumplikazzjonijiet tal-ħajja nagħrfu li hemm veritajiet li ma jingħadux, anzi, li jinħbew, u oħrajn li anki jekk jiġu għad-dawl, ma jitwemmnux. Ħafna drabi, kollox jiddependi minn fatturi varji, fosthom min jiddikjara punt bħala li huwa veru. Jekk huwa jitwemmen, allura kelmtu wkoll. Jekk le, jista’ jħambaq kemm irid, għax fejn hu jibqa’. Imma f’dan mhux biss. Is-soċjetà preżenti tant semgħet b’aġir żbaljat u ċaħdiet tiegħu, li tinsab f’dubju tant qawwi li tippreferi ma tagħtix każ. Fir-realtà, kollox jiddependi fuq kemm il-mezzi ta’ informazzjoni huma mogħtija kredibilità u kemm dawn qegħdin, effettivament, jaslu għand it-truf kollha tas-soċjetà.

Toroq differenti

2.   Hemm, f’dan kollu, żewġ realtajiet li rridu naffrontaw għall-ġid ta’ dan il-pajjiż. Għax hemm karba għal bidla sabiex dak kollu li qiegħed jirriżulta jinbidel, imma għad m’hemmx miġbura l-livell ta’ fiduċja. L-ewwel waħda hija dik li titlaq mill-punt li qed naraw, bil-fatti, li anki jekk is-sejħa hija leġittima u l-kawża hija ġusta, il-poplu għadu mhuwiex warajna. It-tieni: li l-metodu ta’ kif issir il-ħidma politika tagħna baqgħet fl-istess stili u toroq. Dak li qiegħed iseħħ illum ilu jsir minna għal dawn l-aħħar għaxar snin skorruti, u ma rnexxiex. Huwa evidenti għalija li dawn it-toroq iridu jinbidlu. Biex il-pajjiż ikollu gvern tajjeb u li verament jixraqlu, dan għandna dmir li nwettquh.

Ħafna ma jisimgħux

3.   Jekk għandna diġà terz tal-poplu li bħalissa qed jgħidilna li ma jridx ikollu x’jaqsam fis-sistema demokratika tagħna, jekk dak li qed ngħidu mhuwiex jasal għand il-poplu kollu, allura hemm bżonn li wieħed jagħraf, l-ewwel, ir-realtà u jaħdem biex jibdilha. Bħala persuna fil-ħajja pubblika niddejjaq nara li l-kawża politika tagħna fi ħdan il-partit li nimmilitaw fih tintilef. Niddejjaq iktar jekk nara s-sinjali, minn issa, ta’ dak li ġej fil-futur u ma nirreaġixxix għalihom. U jekk qabel il-pożizzjoni kienet mod, illum tant aggravat ruħha li huwa fl-interess nazzjonali li dawn il-bidliet isiru. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li x-xorti ser tiġi favur tagħna, u li ser ikun hemm il-bidla mingħajr l-użu tar-raġuni. Fejn kull ma rridu nagħmlu huwa li nirreżistu, anki jekk niżlin iktar ‘l isfel fl-importanza u r-rilevanza. Nagħraf li hemm min ma jridx jara, min ma jridx jisma’ b’dan kollu, u li anzi jrid iħalli l-eventi ‘jippreċipitaw’. Imma b’rispett kbir lejn kulħadd, jien m’għandix dan f’ħidmieti. Anki jekk nagħraf li hemm linja żbaljata li fiha l-messaġġ huwa li għandi nibqa’ fis-silenzju.

Skumdità

4.   Nagħraf, f’dan, l-iskumdità tal-argument għal xi wħud. Nagħraf ukoll li nista’ ndejjaq b’dan, imma ma narax li huwa sewwa li nibqa’ lura milli nagħmel dan. Nifhem li xi wħud jaħsbu bħat-Taljani u jgħidu: “Dare tempo al tempo”, imma hawn, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar mhuwa jiġi solvut xejn. Iktar u iktar fir-riflessjoni neċessarja fix-xenarju tallum, u dan wara ġimgħa ta’ ħidma attiva tal-Partit. Fejn huwa iktar evidenti li, f’termini politiċi, ninsabu mexjin f’aktar passi twal fid-deżert. Fejn ma hemmx konsolazzjonijiet ta’ direzzjoni, imma minflok, li kontinwament sejrin minn miraġġ għal ieħor. F’kif jispjegahom il-Miklem Malti bħala: “Dehra qarrieqa li l-għajnejn jaħsbu li jkunu jaraw fejn ma jkunx hemm ħlief id-dawl naturali mifrud.” Nistgħu nkomplu għaddejjin hekk u nibqgħu fis-silenzju, u nistgħu wkoll naffrontaw l-iskumdità li nibdlu.

Fil-politika

5. Fil-politika hemm regoli ċari li wieħed irid isegwi. Ma naħsbux li aħna, jew xi ħaddieħor, kapaċi jivvinta l-ġodda. Ir-regoli tal-politika t-tajba kienu stabbiliti minn żmien Ateni u Ruma. Proprju għalhekk, jekk irridu nżidu fil-preżenza politika tagħna, irridu nagħrfu li, l-ewwel, irridu nwasslu, mingħajr dewmien, il-messaġġ tagħna lit-truf kollha tas-soċjetà. Trid tinbeda inizjattiva demokratika issa, li minnha l-Partit jorganizza ruħu sabiex il-politika tiġi diskussa u dibattuta f’kull belt u raħal u f’kull każin li għad għandna. Inlaqqgħu n-nies f’konferenzi u djalogi. Irridu nibdew staġun politiku ġdid b’dan. Jekk ma nġibux il-bnedmin biex jieħdu sehem attiv, parteċipattiv, u li jieħdu pjaċir f’dan, inkunu qed nitilfu appuntament, illum nazzjonali, u mhux aktar għall-Partit. Jekk hemm min jaħseb u jimmaġina li partit huwa biss NGO, qiegħed jiżbalja. Ħidmietna hija differenti. M’aħniex parti minn għaqdiet li għandhom il-kawżi tagħhom, anki jekk jista’ jkun hemm konverġenza fuq punti varji. Imma d-differenza u l-indipendenza trid tibqa’ asserita, inkella nkunu qed nagħmlu ħsara lill-Partit, lill-istess NGO, u finalment lill-pajjiż. Kull naħa ġġorr ir-responsabbiltà demokratika tagħha.

Tempesti fir-ramel

6.   Nikteb iktar dan illum quddiem ir-riħ qawwi li jrid ikompli jonfoħ naħa jew oħra. Nistgħu nimxu ‘l hemm u ‘l hawn qisna nafu fejn sejrin, u jista’ jkun aktar għaqli li wieħed jieqaf jistkenn sakemm tiġi lura l-kalma. Fejn wieħed ikun jista’ jieqaf jaħseb u jħares lejn il-mappa li hemm bżonn li naqbdu biex nidħlu lura Ġerusalemm. Jekk m’aħniex nifhmu li l-politika ssir fil-pjazez u fil-Parlament, u mhux fil-Qorti jew fuq l-għatba tagħha, nibqgħu fejn aħna. Il-kunsens politiku ma jiżdiedx b’dan, aktar u aktar meta l-effett elettorali huwa minimu. Jiżdied mhux fl-istampa, imma fis-sens u s-sustanza ta’ dak li jingħad. Fl-użu ċar tar-raġuni, fejn l-argumenti jiġu spjegati minn min qiegħed fil-politika. Jekk irridu li għada pitgħada mmexxu dan il-pajjiż u noħorġuh mill-kuriduri li jinsab fihom fl-aġenda twila ta’ riformi li hemm bżonn isiru, dan irid isir.

Ir-Raġuni ma tridx forza

7.   Proprju f’dan il-Ħadd li f’Ħal Tarxien niċċelebraw il-Festa ta’ Marija Annunzjata li dan kollu huwa iktar ċar. Iktar evidenti li, bil-fidi u bir-raġuni, wieħed jasal. Billi jisma’ l-vuċijiet kollha fis-soċjetà u jibni pjan ta’ ħidma u azzjoni minnhom. Preżentement, minflok qed nitilqu nimxu, u xi wħud jiġru ‘l quddiem, meta m’għandniex lill-elettorat qed jimxi warajna. Jekk nemmnu fil-verità ta’ dak kollu li qiegħed joħroġ, irridu nassiguraw li, l-ewwel, din tgħaddi għand il-bnedmin. Fejn irridu nilliberaw ruħna mill-kunċett li, bil-mezzi soċjali ser naslu, u li issa niddependu biss fuq kemm inġibu ‘Likes’ jew kemm ikollna ‘Shares’. Hemm min diġà xeba minn dan kollu u ma jridx jarana. Fejn hemm sejħa għall-politika iktar awtentika, iktar tal-bnedmin. Fejn l-ingann ta’ kull forma jew daqs ma jkunx.  Fuq kollox, fejn nafdaw kompletament fil-forza u s-saħħa tal-Verità.

IX-XGĦAJRA – TRIQ IX-XATT (ŻONA TAL-MILORD) - XOGĦLIJIET

8940. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

 

18/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fil-Ministeru tiegħi m’għandha xogħol previst f’din it-triq.

 

Seduta  124

22/05/2023

XATT TAX-XGĦAJRA - XOGĦLIJIET

8939. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5068 dwar xogħol fix-Xatt tax-Xgħajra, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab dan ix-xogħol?

 

18/05/2023

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li sal-lum twaħħlu 33m tul ta’ railing li nħadem ġdid, filwaqt li nqala’ 45m ieħor ta’ railing li wara li nqala’ u ssewwa, ġie ggalvanizzat u bħalissa qiegħed jingħata l-powder coating.

 

Seduta  124

22/05/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ BORMLA – XOGĦLIJIET

8938. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Bormla, f’Ħaż-Żabbar, u kemm huwa previst li se jdum għaddej dan ix-xogħol?

 

18/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  124

22/05/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ BORMLA – XOGĦLIJIET

8937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Bormla, f’Ħaż-Żabbar, u kemm huwa previst li se jdum għaddej dan ix-xogħol?

 

18/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Bormla, Żabbar jikkonsisti f’bini mill-ġdid tat-triq. Qed isir bdil ta’ servizzi inkluż potable, drenaġġ,u telekominikazzjoni. Qiegħed isir ukoll xogħol fuq Storm Water Culvert ġdid li ser ikun l-ewwel fażi minn xogħol estensiv li għad jrid jitkompla aktar 'l isfel . Dan l-iStorm Water Culvert ser ikun imqabbad mal-kumplament tal-Culverts li hemm ġo Triq il-Kunvent, liema sistema taqbad ma’ NFRP. Ix-xogħol għaddej b’ritmu tajjeb u hu previst li jkun lest sal-aħħar ta’ Ġunju.

 

Seduta  124

22/05/2023

RAĦAL ĠDID – ĠNIEN IL-MEDITERRAN - MANUTENZJONI

8936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux xi passi tul din is-sena biex Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid jiġi miżmum aħjar?

 

18/05/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Għalkemm Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid ma jaqax taħt ir-reasponsabbiltà tal-Aġenzija Project Green, ninforma lill-Onor. Interpellant li biex inkomplu nassiguraw li dan il-ġnien jiġi miżmum aħjar se titħabbar inizjattiva ġdida fil-jiem li ġejjin.

 

Seduta  124

22/05/2023

ĦAMRUN – FAĊILITAJIET SANITARJI FIL-KUMPLESS ĠDID TAL-HANDBALL

8714. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu lesti l-faċilitajiet sanitarji fil-kumpless il-ġdid tal-Handball fil-Ħamrun? Jista’ jgħid ukoll meta se jinbnew l'hekk imsejħin changing rooms għall-atleti u meta se tibda taħdem l-iscore board?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  124

22/05/2023

MCAST – FTEHIM KOLLETTIV ĠDID F’KATEGORIJI VARJI

8713. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsabu n-negozjati sabiex ikun hemm ftehim kollettiv ġdid fil-kategoriji varji fi ħdan l-MCAST, senjatament f’dawk fejn hemm direttivi industrijali għaddejjin mill-membri li japparetjenu lill-UĦM?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li n-negozjati mal-UHM għadhom għaddejjin.

 

Seduta  123

17/05/2023

KUMPENS LILL-BARKLORA

8712. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6842, 6941 u 8487, billi ai termini tal-istess liġi hemm l-obbligu li jinġabru dawn l-ispejjeż u għalhekk hemm dmir pożittiv fuq l-istat, jista’ l-Ministru jgħid kif il-Barklori se jiġu kumpensati? 

 

12/05/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif spjegajt fil-mistoqsija parlamentari 6941, l-Att dwar il-Ħlas ta’ Dritt lill-Barklori, Kapitolu 73 tal-Liġijiet ta’ Malta għadu fis-seħħ. F’dawn l-aħħar għaxar snin ma tħallsu jew inġabru l-ebda ħlasijiet f’dan il fond mid-Dwana, u mill-aġenti tal-vapuri. Infurmat ukoll illi d-Dwana kkonfermat li fl-aħħar 16-il sena, il-vapuri fil-port dejjem użaw il-passarella għall-iżbark tal-passiġġieri.

 

Seduta  123

17/05/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KUNSILL TAL-EWROPA - XOGĦOL

8711. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8485, jista’ l-Ministru jibgħat uffiċjali sabiex jaraw b’għajnejhom it-traffiku u l-komplikazzjonijiet li qed jinqalgħu ta’ kuljum? Huwa possibbli li x-xogħol fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa Fgura/Żabbar jitlesta qabel,?

 

12/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-messaġġ tiegħu lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni skont il-bżonn. Infurmat li x-xogħol skedat miexi b’ritmu tajjeb u għalkemm b’mod ristrett it-triq baqgħet tiffunzjona fiż-żewġ direzzjonijiet minkejja l-interventi massivi li għaddejjin.

 

Seduta  123

17/05/2023

IL-FURJANA – MANUTENZJONI TAŻ-ŻONA WARA L-LIBRERIJA PUBBLIKA ĊENTRALI

8710. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8484, jista’ l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-parti ta’ wara tal-Librerija Pubblika Ċentrali l-Furjana faċċata tal-Msida Bastion Historic Garden, int u tiela’ lejn l-Uffiċini tal-Kumissarju tat-Taxxi Interni billi  mhijiex tiġi kkurata u miżmuma tajjeb ?

 

12/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  123

17/05/2023

MFHEA - INFIQ

8709. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8330 u jikkonferma li fl-aħħar erba’ snin l-infiq fil-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) qabeż in-€0.5 miljun ta’ dak li kien approvat mill-estimi?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  123

17/05/2023

MFHEA - KONSULENTI

8708. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8328 u jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati mal-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) u kemm minnhom ġew hekk ingaġġati fl-aħħar sentejn? Jista’ wkoll jgħid jekk dawn sarux bl-approvazzjoni tal-Bord relattiv?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  123

17/05/2023

18.5.23

OMBUDSMAN GĦALL-EDUKAZZJONI – KAŻ KONTRA L-MFHEA

8707. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8327 u jgħid jekk huwiex minnu li matul is-sena li għaddiet l-Ombudsman għall-Edukazzjoni rrakkomanda każ kontra l-Malta Further & Higher Education Authority, (MFHEA), u jekk dan huwa minnu, kemm kienet l-ispiża inkorsa, x’kienet in-natura tal-każ u min approva l-pagamenti relattivi?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  122

16/05/2023

MFHEA – REVIŻJONI TAL-OPERAT

8706. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8332 u jgħid jekk matul dawn l-aħħar snin saritx reviżjoni indipendenti tal-operat tal-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) u jekk iva, jista’ jgħid x’kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, minn min saru u jqiegħed kopja ta’ dan fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  122

16/05/2023

MFHEA – YEARLY BUSINESS PLAN

8705. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8333 u jgħid jekk matul dawn l-aħħar erba’ snin fi ħdan il-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) kienx hemm Yearly Business Plan sottomess kull sena lill-Bord għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni u jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

12/05/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  122

16/05/2023

RAĦAL ĠDID – TRIQ KURVETTI – XOGĦOL TA’ ASFALTAR

8704. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsiiet parlamentari 5962 u 8482, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru l-arranġamenti u l-koordinazzjoni neċessarja sabiex ix-xogħlijiet fi Triq Kurvetti, f’Raħal Ġdid ma jdumux ma jsiru?

 

12/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajna fit-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, Infrastructure Malta qiegħda taħdem mall-Kunsilli Lokali u x-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom.

 

Seduta  122

16/05/2023

RAĦAL ĠDID – TRIQ DE WARSBERGĦ - XOGĦLIJIET

8703. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 5694 u 8481 dwar Triq De Warsbergh, Gudja, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi prevista l-ispiża għall-istess tiswijiet?

 

12/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant l-ispiża prevista tax-xogħlijiet fuq Triq De Warsbergh hija ta’ Euro  93,034.47 (mingħajr VAT).

 

Seduta  122

16/05/2023

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT TAL-ISTAT – KUNDIZZJONIJIET TAL-AVUKATI U PROKURATURI LEGALI

8702. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7941, 8315 u 8478, jista’ l-Ministru jara li n-negozjati indikati fl-aħħar tweġiba jsiru verament fl-iqsar żmien possibbli, tenut kont tal-fatt li hemm differenza sostanzjali fil-kondizzjonijiet preżenti ma’ dawk tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fl-interess tal-Istat ikun aħjar jekk ikunu uniformi? 

 

12/05/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid iktar mat-tweġibiet li tajt fil-mistoqsijiet parlamentari numri 7941, 8315 u 8478.

 

Seduta  122

16/05/2023

17.5.23

Fil-kuntest storiku

1.   Hemm diffikultajiet fl-użu tal-lingwaġġ politiku. F’dak li għaddew ġenerazzjonijiet minnu kif jiġi, dejjem jekk jiġi, trasmess lill-oħrajn li jiġu wara. Nitkellmu b’ideat u nsemmu persuni li sawwruhom, però f’dan naċċettaw li min għadu ġej fil-ħajja politika ma jagħrafx. Dak li konna naraw li m’għandniex bżonn nispjegaw, illum hemm il-bżonn tiegħu. F’ħafna, qegħdin fin-neċessità li nibnu mill-ġdid dak li qabel kien hemm u li sab ruħu maħtut. F’kelma waħda, f’persuna msemmija huwa biżżejjed għalina biex nifhmu, imma dawk li huma ġodda, le. Iktar u iktar illum meta l-kultura politika tinsab lura sew, u mhix tinbena. Iktar u iktar għalina d-Demokristjani, li nsibu lil min jipprova jinjora anke akkademikament dak li huwa parti mill-patrimonju tal-Oċċident u tagħna.

Diffikultajiet

2.   Dan, iktar u iktar meta wieħed jispjega l-pożizzjonijiet politiċi li ttieħdu u l-valur tagħhom. Iktar u iktar fl-impostazzjonijiet li daħlu llum ta’ forom strambi u sterili ta’ lemin u xellug. Mhux biss, imma fil-kuntest politiku, fejn anki l-istess Unjoni Ewropea tiġi stmata biss f’dak li hija llum u mhux minn fejn verament telqet. Meta titkellem dwar politiċi Demokratiċi-Nsara passati, ħafna ma jifhmux. Ħafna lanqas semgħu bihom, jew iħossu l-bżonn li jsiru jafuhom. Li jifhmu x’deċiżjonijiet politiċi ħadu u f’liema kuntesti storiċi ħaduhom. Kienu żminijiet diffiċli, imma fihom urew l-abbiltajiet tagħhom biex jibnu mill-ġdid. Jibnu d-demokraziji u s-soċjetajiet li aħna parti minnhom. Li aħna parti mill-memorja kollettiva u l-wirt ta’ valuri u kontenuti.

Mhux b’nostalġija

3.   Faċli li wieħed imaqdar, imma ħafna drabi dan iseħħ għax parti biss minn dak li seħħ tingħad. Proprju għalhekk nara li għandi nikteb fuq dawk li ġew qabilna. Imma dan mhux f’kuntest jew dimensjoni ta’ nostalġija. Imma aktar f’dak li wieħed jispjega għala aħna li aħna, kif ukoll dak li dawn għaddewlna. Meta nsemmu politiċi li twieldu u ħadmu b’dawn l-ideat, bħal Konrad Adenauer, Luigi Sturzo, Alcide de Gasperi u oħrajn, dan isir b’dan il-ħsieb. Nispjegaw dak li wettqu imma wkoll inkissru d-dominju bla sens ta’ dawk li jridu jnessu din l-esperjenza politika tant iktar attwali llum. Iktar u iktar meta l-Partit Nazzjonalista għadu partit Demokratiku-Kristjan u għandu bżonn iktar jgħarraf għala huwa hekk. Jgħarraf ir-rilevanza mingħajr biża’, u anzi, bil-konvinzjoni.

Ħamsa u erbgħin sena

4.   Ħsibt aktar f’dan meta ftit jiem ilu fakkarna l-45 sena minn meta ġie maqtul Aldo Moro mill-Brigate Rosse. Bniedem li għallimni ħafna kif il-politiku għandu jaġixxi u jaffronta l-kumplikazzjonijiet. Waqt li fakkartu, għadda minn rasi li ftit huma dawk li, fis-soċjetà tallum, jafu min huwa. Anzi, aktar rajt il-bżonn li wieħed jispjega għala jibqa’ eżempju tal-politiku t-tajjeb. Mhux faċli, ċertament, iktar għalija li qrajt sew dwaru u nibqa’, jum wara jum, niskopri biċċiet oħra tiegħu. Dan il-politiku, li kien parti mill-Partit Demokristjan Taljan għax kien il-partit tal-libertà, popolari, immexxi u ggwidat mill-ideali Nsara, li rrappreżenta bnedmin minn kull klassi soċjali.

Metikoluż


5.   Kien il-politiku li serva sew 'l-Istat. Bniedem li ra, f’Alcide de Gasperi, il-persuna li kapaċi jħares il-quddiem u jibni. B’attenzjoni u b’toroq varji bena stat soċjali b’kunsens politiku qawwi. Bidel soċjalment u ekonomikament dak li kienet l-Italja wara d-diżastru tal-Faxxiżmu, u l-iktar il-bini tad-demokrazija. Anzi, fil-bżonn li l-bażi demokratika tikber għax tikkonvinċi lil iktar ċittadini jieħdu sehem fiha. Kienet l-ewwel darba li fl-Italja kien hemm ġenerazzjoni ta’ Kattoliċi fil-poter. Fejn il-ħsieb kien dak li wieħed ikollu soċjetà li hija mibnija sew, għax ispirata mill-valuri tal-ġustizzja, il-fraternità, is-solidarjetà kif id-duttrina soċjali tal-Knisja għallmet. Biss, dan seta’ jseħħ għax Aldo Moro tgħallem li l-politiku jrid ikollu l-polz fuq dak li għaddej fis-soċjetà.

Ċentru

6.   Kien magħruf li kien attent ħafna fid-deċiżjonijiet politiċi tiegħu. Ma jiġrix u metikoluż, għax kif kien qal, ried li jwettaq wara li jkun ra kollox, qara kollox u sar jaf kollox. Fuq dan li wieħed jista’ jibni sewwa. Ħafna politiċi jiġru u jispiċċaw li dak li jaħsbu li huwa avvanz, ikun fil-fatt, il-kontra. Ried jibni, anzi, kif kien qal: “Attuare una politica di sviluppo e di riforme con vigore e con concretezza.” L-iktar li jkunu sodi u jservu lill-bnedmin fiż-żmien proprju għax passi tajba. Fejn wieħed iħares lejn il-futur b’ottimiżmu. Proprju għalhekk li fehem li jekk partit irid jassigura l-ġid lis-soċjetà kollha, irid ikun wieħed taċ-ċentru. Iktar u iktar sabiex ikun kapaċi jimxi u jsib l-ispazju politiku f’kundizzjonijiet dejjem diffiċli u kkumplikati.

Konvint

7.   Kien konvint li wieħed irid ikollu partit taċ-ċentru li jimxi lejn ix-xellug, li l-kontenut tiegħu ma jistax, f’dan, ma jkunx popolari u li jġid il-ġid u l-ġid. Ċertament, mhux partit tal-lemin li jagħlaq lilu nnifsu, imma wieħed sostnut mid-djalogu li jintroduċi fis-soċjetà sens demokratiku li jżid fl-ideal awtentiku tad-demokrazija. Fejn tibqa’ miftuħ tisma’ u ma tneħħi lil ħadd mill-ħidma interna tal-partit. Fejn ebda persuna ma tkun emarġinata, anzi, kif jgħidha aħjar hu: “Nessuna persona ai margini, nessuna persona esclusa dalla vitalità e dal valore della vita sociale.” Anzi, li b’hekk tassigura li tibni viżjoni demokratika aktar wiesgħa li ġġib magħha aktar jaħdmu u jsostnuha, iktar u iktar fir-riformi soċjali li dejjem hemm bżonnhom.

L-Istat ta’ kull persuna

8.   Id-diskorsi u l-kitbiet tiegħu huma varji. F’ħafna ssib ispirazzjoni, aktar u aktar meta taqrahom fil-kuntest storiku tagħhom. Bħal dak li għamel fl-1959 fil-Kungress tal-Partit ġewwa Firenze, fejn jafferma ċar dak li huwa l-Partit u fejn għandu jimxi ‘l quddiem. Jitkellem fuq in-natura popolari tiegħu, fejn wieħed irid ifittex, fl-ekwilibriji politiċi, kif jiftaħ iktar is-soċjetà. Fejn il-fonti ideali jispiraw ruħhom mill-valuri etiċi Nsara tad-dinjità umana, tal-inizjattivi u libertajiet tal-bniedem, ta’ drittijietu fis-soċjetà u quddiemha. Fejn il-Partit irid jaqbad volontà unitarja fil-libertà li fih tagħti spazju, vuċi, u tassigura rispett u dinjità lil kull persuna fi ħdan il-Partit. Proċess li bih il-Partit jassigura li l-Istat mhuwiex ta’ xi wħud, imma ta’ kull persuna: “Non lo Stato di alcuni, ma lo Stato di Tutti.”

Imbotta

9.   Kliemu kien dejjem iqis il-preżent fil-kuntest ta’ dak li jista’ jsir fil-futur. Kien jimbotta 'l-Partit lejn pożizzjonijiet ġodda wara li jkun studjahom sew. Fuq naħa twettiq ta’ kontenut demokratiku aqwa, ta’ stat demokratiku aħjar. Fuq l-oħra, il-kontinwità tal-azzjoni popolari tal-Partit Demokratiku Kristjan. Aldo Moro jista’, għal uħud, jidher bħala bniedem tal-passat, però bil-pariri tiegħu, fir-realtà huwa wieħed tal-preżent. Dan għax bl-ideat li ħarġu f’dak il-kuntest storiku, għadhom tweġibiet rilevanti għal min irid jibni mill-ġdid lil din is-soċjetà tagħna, li għaddejja minn kriżi. Proprju għalhekk li waqt li wieħed għandu jħares lejn il-kuntest storiku, għandu fl-istess ħin jifhem il-bidliet li jridu jsiru, u kif dawn għandhom iseħħu.

16.5.23

Inħarsu ‘l quddiem

1. Tul din il-ġimgħa għaddiet minn fuqi sena minn meta ħadt il-ġurament ta’ deputat fil-Parlament f’din il-leġislatura. Għaddiet, f’ħafna sens, malajr. Għaddiet fil-ħidma li għażilt li għandi nservi fiha sabiex nipprova nwettaq, jew aħjar, inkun strument għas-sewwa. Sibt għajnuna u appoġġ minn diversi minnkom. Sibt suġġerimenti varji. Sibt aktar bnedmin li jridu jiddiskutu u jiftħu kapitoli ġodda fid-dinja tal-politika ta’ pajjiżna. Kienet, u tibqa’ esperjenza differenti minn oħrajn. Waħda li sawritni aktar, u anzi, saħħitli d-determinazzjoni li ninsisti fuq diversi punti. Għadni nemmen li d-dinja tagħna tista’ tinbidel għas-sewwa li ħaqqna lkoll.

Nisrani fil-politika

2. Żammejt dan il-fanal jixgħel ġewwa fija kemm stajt. Għax jekk għal uħud, li tkun Nisrani hija xi xkiel jien sibtha, minflok, ta’ gwida vera. Għax kif qrajt din il-ġimgħa, l-Insara m’għandhomx x’jagħżilhom esternament mill-bqija tal-bnedmin: la l-pajjiż, la l-ilsien u lanqas drawwiet speċjali. Ma ngħammrux fi bliet għalina, waħedna. Anqas ma nitkellmu b’ilsna li oħrajn ma jifhmux. Ngħixu, anzi, skont id-drawwiet tan-nies tal-post fl-ilbies, fl-ikel u f’kollox. Proprju parti sħiħa fis-soċjetà, però bl-ideat u l-valuri tagħna. Anzi, kif aħna llum, aktar lesti naċċettaw u nifhmu lill-oħrajn milli li jippruvaw jifhmu huma lilna. Aktar moħħna biex infittxu l-verità milli oħrajn li abbandunaw u dallmu din is-sejħa naturali.

Il-Ħidma

3. F’dan, għax nibqa’ nemmen li għandi dmir, bħala bniedem fis-soċjetà, li nagħti sehmi ma’ oħrajn biex naħdmu għas-sewwa. Nagħti l-kontribut tiegħi, wara snin ta’ esperjenza, sabiex ngħixu f’soċjetà aħjar milli għandna. Anzi, sabiex nibnu waħda li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer ħaqqhom jippretendu mingħandna. Ħassejt, proprju f’dan, li nżid fil-kitba tiegħi. Hemm il-poter politiku, ċertament, imma l-pinna tibqa’ soda u tibdel il-fehmiet tal-persuni. Mhux biss, imma ħadt ħsieb li jiġi pubblikat librett, li qiegħed jitqassam, bit-titolu Fid-Direzzjoni t-Tajba, sabiex infakkar u nimmarka iktar dan. Ċertament ressaqt, kemm stajt u kemm flaħt, interpellanzi parlamentari. Għamilt, fejn kelli, interventi fid-dibattiti. Tkellimt u ddibattejt ma’ kemm stajt deputati biex il-Parlament ikun strument li jmexxi u jfassal liġijiet tajba. M’għandix indiema minn dan, u nittama li ħadd ma ħa għalih, jew ħassu offiż, bi kliemi. Biss, dmiri għandi nwettqu kif inhuwa mistenni, u kif naħseb li l-elettorat jippretendi minni.

Id-dinja ddur


4. Tgħallimt, maż-żmien, li d-dinja ddur u li l-pendlu jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra. Tgħallimt li, fid-dlam, wieħed jiftakar li jkun hemm lura d-dawl. Fhimt aktar li jkun żball jekk wieħed, b’xi mod, jaqta’ qalbu mill-bniedem. Kull persuna hija maħluqa b’missjoni u raġuni preċiża. Kull persuna għandha fiha nfisha s-sejħa sabiex tfittex it-tajjeb u l-verità. Biss, id-demokrazija titlob li l-bnedmin jinġiebu lkoll f’daqqa b’ideat u proġetti siewja. Titlob parteċipazzjoni attiva minn kull bniedem. Titlob li tinbena politika minn isfel għal fuq. Iż-żmien tat-tmexxija ta’ bniedem wieħed waħdu għadda sew. U dan jidher aktar f’dak li qiegħed jiġi propost fil-politika nazzjonali.

Sfidi ġodda

5. Jekk terz tal-elettorat qiegħed jiddikjara li ma jridx jivvota. Jekk aktar bnedmin qed jitħajru f’dan, irridu nifhmu li hemm dawk li mhumiex jaraw, jew jiġu ispirati minna l-politiċi. Kien hemm wisq żbalji tul dawn l-aħħar snin li minħabba fihom diversi mxew ‘il bgħid mill-politika. Ma nilludux ruħna li kollox ser jiġi f’daqqa f’postu bit-trapass taż-żmien. Irridu nifhmu li għandna naħdmu sabiex ninbidlu fil-metodu li bih issir il-politika. Jekk ma mmorrux lura għand in-nies, niddiskutu u nifhmu dak li huwa verament importanti għalihom, il-pożizzjoni ser tibqa’ l-istess. Għandna leġislatura quddiemna li fiha rridu, b’inizjattiva demokratika, immorru lura lejn l-irkejjen kollha tal-pajjiż u s-soċjetà sabiex nibnu. Aħna nibqgħu l-partit tal-libertà, partit popolari, immexxi mill-ideali Nsara, inter-klassista, li nibqgħu rridu nifhmu l-ġenerazzjonijiet fil-miri tagħhom.

Staġun tal-bidla

6. Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex nieqes mill-bnedmin li għandhom intelliġenza. Uħud verament għadhom ġodda, u fir-realtà, fit-triq tlifna wkoll l-esperjenzi politiċi ta’ oħrajn validi ħafna. Biss, dan ma jfissirx li m’aħniex kapaċi nidħlu għal dan l-istaġun ta’ bidla. Żmien fejn irridu nibnu aktar fil-koperazzjoni u nieħdu l-passi neċessarji biex kull persuna fil-Partit tinġieb f’daqqa, flimkien. Kull wieħed jaħdem biex, f’daqqa, nifhmu li l-poter fih sens jekk ikun hemm missjoni u direzzjoni ċara. Nifhmu li kull persuna hija importanti u essenzjali. Li tkun strument ta’ bidla u twettiq ta’ riformi fuq dak li hemm, sabiex ikollna pjan u programm għas-snin li ġejjin. Iktar u iktar f’soċjetà fejn il-maġġoranza kbira jibqgħu jidentifikaw ruħhom bħala dawk li jużaw il-Lingwa Maltija u li huma Nsara.

Ottimiżmu

7. Nibqa’, f’dan, ottimist li l-affarijiet jinbidlu. Nibqa’ nemmen u nittama li kull persuna tifhem li dawn is-snin li għad fadal f’din il-leġislatura m’għandhomx jintilfu. Iridu jiġu utilizzati sabiex nibdlu u nkunu partit taċ-ċentru, moderat, u li huwa popolari. Inkunu kapaċi li, flimkien, nieħdu deċiżjonijiet li minnhom il-poplu jħossu li għandu partit li jirrappreżentah. Nifhmu aktar li dak li mhuwiex jappella u mhux jirnexxi jrid, b’għaqal politiku, jinbidel. Tul din is-sena wassalt dan il-messaġġ, u beħsiebni nkompli. Dan għax nemmen li nkunu aħjar milli aħna. U għandna dmir, għax il-poplu jippretendi: l-ewwel, li nkunu Oppożizzjoni ntelliġenti, kapaċi; u t-tieni: li nibnu programm politiku li għandu jitwettaq fis-snin li ġejjin. Għaddiet sena, ċertament, u proprju għalhekk, f’din l-esperjenza li għandna nħarsu li nkomplu naħdmu u nħarsu ‘l quddiem.

11.5.23

RAĦAL ĠDID – ĠNIEN LORRY SANT – XOGĦLIJIET

8488. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5406, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet fi Ġnien Lorry Sant, f’Raħal Ġdid waqgħu lura u għadhom mhux lesti?

 

03/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid illi bħalissa l-proġett fl-imsemmi ġnien wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu, hekk kif qed isir il-pavimentar finali tal-istess ġnien.

 

Seduta  120

10/05/2023

ĦLAS LILL-BARKLORA B’RABTA MAT-TURISTI LI NIŻLU F’PAJJIŻNA

8487. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6842 u b’referenza għall-istatistika li turi li fl-ewwel tliet xhur tas-sena niżlu f’pajjiżna 72,000 persuna bil-cruiseliners, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Att dwar il-Ħlas ta’ Dritt lill-Barklori (Kap. 73 tal-Liġijiet ta’ Malta) ġiex osservat u jekk inġabrux il-flus hemm indikati? Jekk iva, meta ser jiġu distribwiti lill-barklora? 

 

03/05/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6941.

 

Seduta  120

10/05/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KUNSILL TAL-EWROPA – XOGĦOL

8486. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum għaddej ix-xogħol fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa fil-karreġġjata minn Ħaż-Żabbar lejn il-Fgura billi qiegħda tingħalaq arterja importanti għat-traffiku kuljum? Jista' jgħid ukoll x'ħidma twettqet biex l-inkonvenjent jonqos?

 

03/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-interpellanza tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  120

10/05/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KUNSILL TAL-EWROPA – XOGĦOL

8485. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum għaddej ix-xogħol fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa fil-karreġġjata minn Ħaż-Żabbar lejn il-Fgura billi qiegħda tingħalaq arterja importanti għat-traffiku kuljum?

 

03/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa fil-karreġġjata minn Ħaż-Żabbar lejn il-Fgura hu previst li jkun lest f’Awwissu ta’ din is-sena. Ta’ min jinnota li t-traffiku baqa’ għaddej b’mod ikkontrollat mis-south bound lanes.

 

Seduta  120

10/05/2023

IL-FURJANA – MANUTENZJONI TAŻ-ŻONA WARA L-LIBRERIJA PUBBLIKA ĊENTRALI

8484. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żona li tinsab wara l-Librerija Pubblika Ċentrali ġewwa l-Furjana, faċċata tal-Imsida Bastion Historic Garden, hijiex ser tiġi kkurata u miżmuma tajjeb?

 

03/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika eżattament iż-żona li qiegħed jirreferi għaliha.

 

Seduta  120

10/05/2023

IL-FURJANA – MANUTENZJONI TAŻ-ŻONA WARA L-LIBRERIJA PUBBLIKA ĊENTRALI

8483. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żona li tinsab wara l-Librerija Pubblika Ċentrali ġewwa l-Furjana, faċċata tal-Imsida Bastion Historic Garden, hijiex ser tiġi kkurata u miżmuma tajjeb?

 

03/05/2023

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Nitlob lil-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  120

10/05/2023

10.5.23

Fejn tqegħdek l-Istorja

1.  Huwa minnu li min jikteb il-kotba tal-istorja jispiċċa jħalli memorji differenti ta’ oħrajn. Jispiċċa jkun dak li bl-opinjonijiet veri, jew dawk servili tiegħu, jibdel dak li bnedmin varji jkunu wettqu. Huwa minnu li l-istorja nkitbet, u sa ċertu punt, għadha tinkiteb mir-rebbieħa, imma llum għandna numru ta’ vantaġġi. Tul ħajjet il-bniedem huma ħafna dawk li pinġew f’dawl ikrah ħidmet oħrajn. Kif ukoll hemm dawk li ngħataw merti politiċi, militari jew kulturali li, fil-fatt, ma kellhomx. Imma, kif kien qal sewwa Erasmu ta’ Rotterdam, hemm poteri differenti li fihom il-pinna tibqa’ waħda mit-tlieta l-iktar importanti f’ħajjet il-bniedem.

Ċerti drabi

2.  Hemm dawk li f’kitba waħda, li tispiċċa li hija moqrija u f’ċertu sens ikkunsidrata popolari, dak kollu li jkun wettaq jispiċċa mkejjel skont dik il-lenti. Kollox jgħaddi minn dik l-‘analiżi’ li tista’, kif l-istoriċi jippruvaw li tkun, intenzjonata jew minħabba raġunijiet oħra tista’ tkun personali. Min kiteb seta’ kien il-każ li ma kellux simpatija, anzi antipatija, forsi wkoll dożi akbar ta’ mibgħeda. Seta’ wkoll ħoloq minn persuna magħrufa karattru f’kitba letterarja li wara baqgħet fiż-żmien. Biċċiet mill-bniedem li jibqgħu hemm. Elementi umani li l-preġudizzji u l-antipatiji personali jirkbu fuq dak li huwa oġġettiv. Hemm min jagħmilha parti mill-eżistenza tiegħu li jmaqdar persuni partikolari. Hemm min jirnexxilu f’dan, u hemm min le. Il-fatt jibqa’ li t-tajn jibqa’ jeħel f’dak li huwa.

Hekk sibtni

3.  F’dan, li lkoll nafu imma f’ħafna drabi ninsew, sibtni ftit jiem ilu. Waqt li kont qiegħed nerġa’ naħseb fuq il-varji poteri politiċi Ewropej ta’ żmien il-Kavallieri, qrajt trattat politiku dwar ħidmet Armand Jean du Plessis (1585-1642). Persuna magħrufa bħala l-Kardinal Richelieu. Sibtni nifhem aktar li dak li seħħ tlett mija u ħamsin sena ilu għadu rilevanti magħna. Għadu jinfluwenza kif il-bnedmin jaħsbu. Kif iħarsu lejn il-poter u r-responsabbiltà politika. Kif jibnu fl-opinjoni interna tagħhom il-profil tal-elementi essenzjali biex ikollhom mexxejja tal-Istat tajba u li jservu għas-sewwa. Ċertament, għal xi wħud mhuwiex wieħed mill-aqwa karattri. Forsi dawk bħali li ta’ tfal qrajna jew rajna l-films varji b’kitbet Alexandre Dumas tal-1844 fejn l-eroj tal-istorja kienu dawn it-Tlett Muskettieri. U fejn dan il-Kardinal tpinġa bħala l-ħażin influwenzaw. Biss, fil-verità, diversi kitbiet fil-ġurnali barranin u ta’ pajjiżna jirreferu għalih f’dawk li, forsi l-istorja tgħinhom jikkoreġu aħjar, l-opinjonijiet.

Kawtela u attenzjoni

4.  Min qara ftit jagħraf li l-karriera politika tiegħu hija mill-iktar interessanti. Imma mhux biss. Kien persuna ta’ kultura, ideat varji. Kien dak li kien l-awtur ta’ trattati reliġjużi. Wieħed li ġie mgħolli fil-Knisja għal pożizzjoni ta’ Prinċep tagħha Kardinali. Kien ukoll dak li sab ruħu msejjaħ biex imexxi l-Istat ta’ dik li kienet Franza ta’ dawk iż-żminijiet. Kien bniedem li jemmen fl-ordni soċjali. Ma kienx dak li jitpinġa bħala l-kattiv u l-krudili, imma dak li kien jagħraf li wiret anarkija politika u li mingħajr ordni ma setax iġib lil pajjiżu lura f’dak li kien jixraqlu. Anzi, forsi aħjar, dak li telaq bil-ħsieb li jrid jirriforma u jordna, li spiċċa sab li jista’ iktar tat-tieni milli tal-ewwel. Sforz il-kwalitajiet uniċi tiegħu u dik li żamm il-poter f’idejh għal snin twal li fil-fatt ġieb ħafna għira kontra tiegħu. Ħafna drabi, f’qalb u f’moħħ dawk li għandhom opinjoni għolja tagħhom infushom, imma li fil-fatt ma kellhomx it-talenti li ħasbu li għandhom u li huwa maż-żmien wera li kellu.

Mudell


5.  Difatti, huwa kkunsidrat illum minn numru sew ta’ studjużi li huwa forma ta’ mudell ta’ aġir politiku attent, prudenti u fil-kawtela. Fejn il-każ u l-bżonnijiet partikolari isibu ruħhom iggwidati mid-dimensjonijiet storiċi kulturali, u d-deċiżjonijiet jittieħdu f’dawl ta’ prinċipji u pragmatiżmu. Fehem ferm iktar minn oħrajn dak li kien għaddej fl-Ewropa. B’mod partikolari l-influwenzi u l-aġendi tal-Imperu Spanjol. Imma kien għaqli wkoll fil-mod li mexa bih fil-konfront tal-moviment protestant tal-Ugonotti. Kien taħtu li fil-battalja ta’ La Rochelle (1628) din l-influwenza tqegħdet f’postha, imma li fl-istess ħin ma tilifx f’għaqlu li jeradika ‘l-Franċiżi bħalu, anzi li minflok użahom fl-allejanzi interni, li swewlu wkoll.

Deċiżjonijiet


6.  Fil-fatt, meta wieħed jaqra iktar dwaru jagħraf li kien kapaċi fi kwalità politika importanti ħafna. Kien jagħraf il-mument meta deċiżjoni politika għandha tittieħed. Jagħraf iċ-ċirkostanzi, u wara jaġixxi b’determinazzjoni. Fid-dinja li fiha kien jgħix dan kellu lieva fir-relazzjonijiet tal-Istat mal-Knisja, dik ma’ stati u monarkiji oħra u dik tas-soċjetà nnifisha. Kien bniedem li jagħti kas dak li għaddej, kif ukoll dawk l-iktar l-isfel u varji fil-pajjiż. Kien bniedem tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja Kattolika. Imma kien ukoll dak li ħabb il-liġi. Kien, f’dawn l-elementi kollha, parti mill-Kontro-riforma Kattolika. Deċiż fuq naħa li jaħdem sabiex l-Istat ikun sod u ordinat, fuq l-oħra li jirriforma l-Kattoliċeżimu u bil-persważjoni, u mhux bl-impożizzjoni, jikkonverti lura lil dawk li kienu telquha.

Għalih

7.  Kien influwenza politika kbira f’pajjiżu. Waħda li mexxa u uża b’intelliġenza sabiex jipproteġi l-Istat mingħajr ma jitlef mis-sustanza ta’ dak li għandu jkun. Kien jemmen li l-ħsieb u l-aġir politiku jridu jimxu wkoll fid-dawl tar-reliġjon u tal-liġi. Id-deċiżjonijiet politiċi tiegħu kienu ggwidati u bbażati fuq il-liġi. Kif kien qal l-istoriku Fritz Dickmann (1906-1969): “For Richelieu the great political decisions were also decisions of conscience; much more than we might expect he evaluates questions of power politics by way of legal concepts.” Kif ukoll l-istorja turi li kien joqgħod attent ħafna sabiex ma jkollux deċiżjonijiet politiċi li ma jistgħux jiġu ġustifikati bil-liġi. Ma kienx, f’dan, arbitrarju, imma fl-għarfien li dak li qiegħed iseħħ huwa fl-ordni legali nazzjonali u dak bejn l-istati.

Ta’ Kultura

8.  Kien il-bniedem li ġieb fis-seħħ l-Academie Française, li għadha ħajja sallum. Kien jemmen li l-Lingwa Franċiża hija l-iktar indikata għal dibattiti u analiżi kalma li tmexxi r-raġuni. Kien f’dan, u għadu kkunsidrat dak li bl-aġir tiegħu nfetaħ kapitolu importanti fl-iżvilupp tal-letteratura unika ta’ pajjiżu. Kien, f’dan ukoll, għas-servizz tal-Istat. Bniedem li faċilment jitqiegħed f’kategorija tad-despoti, imma fir-realtà ġieb il-liberazzjoni tal-Istat. Iggwidat maż-żmien b’ideat u esperjenzi varji, ċertament huwa figura politika li jixraqlu attenzjoni. Iktar u iktar meta wieħed isib awturi storiċi li jfittxu li jkunu oġġettivi u mhux suġġettivi f’ħidmiethom. Fl-aħħar tal-ġurnata, taħseb x’taħseb dwaru jibqa’ figura ċentrali fil-ħajja politika Ewropea. Wieħed li l-istorja għandha tagħraf tqegħdu fid-dawl proprju tiegħu.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...