9.5.23

Stat soċjali ġdid

1.  Il-meetings li saru miż-żewġ partiti politiċi prinċipali ta’ pajjiżna nhar it-Tnejn li għadda, l-1 ta’ Mejju, għandhom jgħinuna. Għandhom ikunu parti mill-proċess sabiex il-politika terġa’ tirkupra d-dinjità li ħaqqha. Tiġi lura fl-istima li l-pajjiż u l-poplu jippretendi minnha. Ħafna drabi niġi ttantat naħseb li ninsabu fejn ninsabu, bi kważi terz sħiħ tal-elettorat ma jridx jivvota, hu minħabba dak li seħħ aktar minn dak li qiegħed iseħħ. Jew aħjar, il-preżent mhuwiex iqawwihom biex jibdlu l-fehma f’dak li raw fil-passat. Ngħid li dan ġej mill-imrar tal-esperjenza politika tal-aħħar snin li uriet dak li seħħ taħt dik il-persuna li kienet qed tmexxi lill-Partit Laburista.

Deher kollox differenti

2.  F’dan, ħafna ġew imsaħħra wara dak kollu li kien qiegħed jgħid u jagħmel. Għaddejna minn żmien twil fejn l-elettorat kien jinsisti magħna li l-mudell it-tajjeb kien hu, u dak kollu li aħna konna wettaqna ma kienx biżżejjed għalihom. Diversi biddlu l-opinjoni tal-vot tagħhom minħabba f’hekk. Dawn, illum jifhmu li fdaw wisq u wħud iridu jimxu lura għal dak li jridu li jseħħ tajjeb. Jifhmu li taw il-vot elettorali tagħhom lil min ma żammx mal-kelma li kien ta b’tant konvinzjoni u persważjoni lill-poplu. Il-kelma li kien ser imexxi b’onestà, b’integrità, b’mertu u b’ġustizzja. L-eventi ta’ dawn is-snin, speċjalment tul it-tieni leġislatura tal-Partit Laburista, uriet il-kontra. Ġiebet għad-dawl li ma kienx minnu dak li ngħad, u minflok, ir-riżultat kien il-kontra. Biss, tant persuni ma jistgħux jemmnu li seħħ dan kollu, li llum stess jistgħu biss jikkunslaw billi jipprotestaw u billi ma jipparteċipawx.

Parteċipazzjoni

3.  Id-demokrazija tiddependi mis-sehem attiv taċ-ċittadin, u mhux biss tal-politiċi. Huwa neċessarju, anzi, sabiex nimxu ‘l quddiem, iktar u iktar f’dan il-mument, meta l-istituzzjonijiet iridu jsibu punti ġodda biex jimxu ‘l quddiem minnhom. It-Tnejn wera biċ-ċar għaż-żewġ partiti li hemm bżonn linja politika ġdida fi ħdanhom li tibdel. Dik li ġġib iktar persuni konxji ta’ dak li qiegħed isir, u l-iktar kif għandu jiġi riformat. Dan il-Gvern preżenti għamel wisq wegħdi li mhuwiex kapaċi jsostni. Ġie wisq bi programmi politiċi li l-poplu ma jridx jaċċetta. Qiegħed isib ruħu biċċa biċċa maqtugħ mir-realtajiet soċjali. Il-proċess ta’ djalogu qiegħed jiġi ridott fil-minimu fil-kelma ‘konsultazzjoni’. Wieħed jingħata dak li wħud jaraw fl-interess tagħhom li jagħtu, mhux ta’ dak li verament hu.

Id-djalogu

4.  Il-ħaddiem, iċ-ċittadin għandu bżonn l-għajnuna biex isemma’ leħnu. L-għajnuna ta’ strutturi mhux kumplikati jew mimlija b’ritratti ta’ pubbliċità. Lok fejn jispjega, kif jista’, dak li għaddej minnu u jitlob rimedju. Jekk irridu nibnu mill-ġdid is-soċjetà li għandna wara t-tiġrif morali u soċjali li għaddejna minnu, dan għandu jkun essenzjali. Ninsabu f’soċjetà fejn il-vuċijiet kollha tagħna ma jinstemgħux. Uħud biss dawk li jafu lil min jikteb. L-oħrajn għandhom il-problemi tagħhom li ħadd ma jagħti każhom. Mhux biss, imma min jirrappreżenta mhuwiex huwa wkoll jifhem jew isir konxju minn din ir-realtà. Il-fatti veri tad-diffikultajiet umani mhumiex għad-dispożizzjoni ta’ min irid imexxi. Survey jgħin, imma fid-domandi li jsiru persuna ma tistax telenka dak li tkun għaddejja minnu.

Nittama f’dan

5.  Nittama, f’dan, li hemm illum għarfien akbar fil-klassi politika li l-pożizzjoni mhijiex feliċi u trid bidla. Bidliet biex il-poplu jerġa’ jiġi lura wara l-mexxejja tiegħu. Ibda, ċertament, mit-twaqqif ta’ struttura fl-Istat aħjar milli għandna. Aħna fil-Partit Nazzjonalista konna, u nibqgħu favur l-Istat Soċjali. Anzi, bħala Demokristjani nemmnu iktar fil-kunċett li kull persuna għandha bżonn, mill-Gvern tal-ġurnata, għajnuna personalizzata. Mhux kull persuna fis-soċjetà għandha l-istess sitwazzjoni. M’aħniex, bħall-partiti liberali, li jaraw kif inaqqsu jew jaqtgħu l-għajnuniet. M’aħniex mal-partiti li jħarsu biss lejn min għandu bżonn bħala żejjed fis-soċjetà li l-liberaliżmu daħħal u li dan il-Gvern aċċetta.

Sistema aqwa

6.  Illum, iktar minn qabel, għandna jkollna sistema favur il-bnedmin. Mhux dik li tħares lejhom bħala numri jew individwi. Dik li twieġeb għal dawk li jinsabu fl-irkejjen tagħhom, waħedhom ifittxu bidliet u bil-ħsieb li m’hemmx min ser jaqbeż għalihom, jew jibdel verament. Diversi huma abbandunati ma’ oħrajn li jinsabu fis-solitudni li jidħlu u li jitqegħdu fiha. Fl-indifferenza u d-disprezz li jiltaqgħu magħhom il-ħin kollu. Iktar u iktar meta ma jsibux dejjem l-għajnuna soċjali li għandhom bżonn. Iktar u iktar meta l-karba tagħhom qegħda taqa’ fuq widnejn torox. Klassi politika li mhix tersaq biex tifhem dak li għaddej, u trid tiddependi biss fuq dak li l-‘konsultazzjoni’ tagħtiha x’tiekol.

Il-bidla


7.  F’dan, għalhekk, ċertament wasal iż-żmien li permezz ta’ proċess ta’ djalogu veru u awtentiku naraw mill-ġdid is-soċjetà tagħna u l-bżonnijiet veri tagħha. Nibdlu l-kategoriji u l-istrutturi sabiex ikun hemm iktar għajnuna mmirata tajjeb u l-infieq jasal fil-bwiet ta’ dawk li għandhom bżonn. Fejn tonqos iktar l-idea li kull min jirċievi l-għajnuna soċjali huwa approfittatur jew għażżien, jew dak li daħħal lilu nnifsu fl-inkwiet. Hawn bżonnijiet varji u l-bnedmin isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet li għalihom m’għandhomx tort, u anki jekk għandhom b’xi mod, dan ma jiswiex. Huwa kontro-produċenti għas-soċjetà li tippenalizza billi ma tgħinx. Anzi, huwa ċar li l-politika ekonomika għaqlija trid b’dan tagħraf iġġib lil kull bniedem jipparteċipa fid-demokrazija u l-ħajja tagħha, għax il-messaġġ hu li hija parti mis-soċjetà.

Mhux diffiċli

8.  Dan mhuwiex diffiċli. Irid biss l-impenn veru. Irid lil min iqatta’ aktar ħin jisma’ l-kritika u d-dwejjaq. Jisma’ fejn falla u jifhem fejn irid jibdel. Għandna bżonn kunċetti aħjar, speċjalment fl-għarfien li l-bnedmin huma suġġetti tas-soċjetà, u mhux oġġetti tagħha. Fl-għarfien li għandna nqisu modi sabiex nagħtu għażliet ġodda. Bħal dak li n-nisa fis-soċjetà li għandhom l-ulied li ma nħarsux lejhom bħala strumenti fl-ekonomija, imma parti essenzjali tal-pajjiż. Pajjiżna ilu jħaddem l-istat soċjali tiegħu għal dawn l-aħħar mitt sena. Bħal ma nibdlu kategoriji u għajnuniet maż-żmien, ngħid li wasal iktar iż-żmien li dan isir mill-ġdid. Nispera li dan il-proċess jinbeda sabiex insalvaw iktar bnedmin fis-soċjetà u ngħinuhom mhux jinżlu ‘l isfel fil-faqar kif inhuma, imma jitilgħu ‘l fuq fejn għandhom ikunu.

Nirringrazzja

9.  F’dan, nirringrazzja lid-diversi li ġew għall-attività politika li saret fl-1 ta’ Mejju. Dawk li jħossu l-impenn soċjali tagħhom li jkunu preżenti u jagħtu sostenn. Dawk li raw, f’dan, mod ta’ kif jipparteċipaw biex jibdlu. Biss, issa huwa fuqna d-dmir li fl-għarfien ta’ dak li hu għaddej, niċċaqilqu u nibdew il-proċessi tal-bidliet. Huwa pass ‘il quddiem li wieħed jifhem fejn qiegħed. Warajh jiġi dak li jibda jfittex l-aħjar mod ta’ kif jimxi ‘l quddiem. Ifittex fid-djalogu u d-diskussjoni, u mhux fl-impożizzjoni. Din is-soċjetà jixirqilha politika nazzjonali aħjar. Jixirqilha li jkun hemm programmi aqwa li huma msawra minn isfel għal fuq, u mhux il-kontra. Jixirqilha, fuq kollox, Stat Soċjali Ġdid.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...