23.5.23

Is-Saħħa tal-Verità

1.   Ninsabu f’mument partikolari tal-istorja ta’ pajjiżna. Wieħed li jitlob attenzjoni u riflessjoni differenti. Għax fil-kumplikazzjonijiet tal-ħajja nagħrfu li hemm veritajiet li ma jingħadux, anzi, li jinħbew, u oħrajn li anki jekk jiġu għad-dawl, ma jitwemmnux. Ħafna drabi, kollox jiddependi minn fatturi varji, fosthom min jiddikjara punt bħala li huwa veru. Jekk huwa jitwemmen, allura kelmtu wkoll. Jekk le, jista’ jħambaq kemm irid, għax fejn hu jibqa’. Imma f’dan mhux biss. Is-soċjetà preżenti tant semgħet b’aġir żbaljat u ċaħdiet tiegħu, li tinsab f’dubju tant qawwi li tippreferi ma tagħtix każ. Fir-realtà, kollox jiddependi fuq kemm il-mezzi ta’ informazzjoni huma mogħtija kredibilità u kemm dawn qegħdin, effettivament, jaslu għand it-truf kollha tas-soċjetà.

Toroq differenti

2.   Hemm, f’dan kollu, żewġ realtajiet li rridu naffrontaw għall-ġid ta’ dan il-pajjiż. Għax hemm karba għal bidla sabiex dak kollu li qiegħed jirriżulta jinbidel, imma għad m’hemmx miġbura l-livell ta’ fiduċja. L-ewwel waħda hija dik li titlaq mill-punt li qed naraw, bil-fatti, li anki jekk is-sejħa hija leġittima u l-kawża hija ġusta, il-poplu għadu mhuwiex warajna. It-tieni: li l-metodu ta’ kif issir il-ħidma politika tagħna baqgħet fl-istess stili u toroq. Dak li qiegħed iseħħ illum ilu jsir minna għal dawn l-aħħar għaxar snin skorruti, u ma rnexxiex. Huwa evidenti għalija li dawn it-toroq iridu jinbidlu. Biex il-pajjiż ikollu gvern tajjeb u li verament jixraqlu, dan għandna dmir li nwettquh.

Ħafna ma jisimgħux

3.   Jekk għandna diġà terz tal-poplu li bħalissa qed jgħidilna li ma jridx ikollu x’jaqsam fis-sistema demokratika tagħna, jekk dak li qed ngħidu mhuwiex jasal għand il-poplu kollu, allura hemm bżonn li wieħed jagħraf, l-ewwel, ir-realtà u jaħdem biex jibdilha. Bħala persuna fil-ħajja pubblika niddejjaq nara li l-kawża politika tagħna fi ħdan il-partit li nimmilitaw fih tintilef. Niddejjaq iktar jekk nara s-sinjali, minn issa, ta’ dak li ġej fil-futur u ma nirreaġixxix għalihom. U jekk qabel il-pożizzjoni kienet mod, illum tant aggravat ruħha li huwa fl-interess nazzjonali li dawn il-bidliet isiru. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li x-xorti ser tiġi favur tagħna, u li ser ikun hemm il-bidla mingħajr l-użu tar-raġuni. Fejn kull ma rridu nagħmlu huwa li nirreżistu, anki jekk niżlin iktar ‘l isfel fl-importanza u r-rilevanza. Nagħraf li hemm min ma jridx jara, min ma jridx jisma’ b’dan kollu, u li anzi jrid iħalli l-eventi ‘jippreċipitaw’. Imma b’rispett kbir lejn kulħadd, jien m’għandix dan f’ħidmieti. Anki jekk nagħraf li hemm linja żbaljata li fiha l-messaġġ huwa li għandi nibqa’ fis-silenzju.

Skumdità

4.   Nagħraf, f’dan, l-iskumdità tal-argument għal xi wħud. Nagħraf ukoll li nista’ ndejjaq b’dan, imma ma narax li huwa sewwa li nibqa’ lura milli nagħmel dan. Nifhem li xi wħud jaħsbu bħat-Taljani u jgħidu: “Dare tempo al tempo”, imma hawn, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar mhuwa jiġi solvut xejn. Iktar u iktar fir-riflessjoni neċessarja fix-xenarju tallum, u dan wara ġimgħa ta’ ħidma attiva tal-Partit. Fejn huwa iktar evidenti li, f’termini politiċi, ninsabu mexjin f’aktar passi twal fid-deżert. Fejn ma hemmx konsolazzjonijiet ta’ direzzjoni, imma minflok, li kontinwament sejrin minn miraġġ għal ieħor. F’kif jispjegahom il-Miklem Malti bħala: “Dehra qarrieqa li l-għajnejn jaħsbu li jkunu jaraw fejn ma jkunx hemm ħlief id-dawl naturali mifrud.” Nistgħu nkomplu għaddejjin hekk u nibqgħu fis-silenzju, u nistgħu wkoll naffrontaw l-iskumdità li nibdlu.

Fil-politika

5. Fil-politika hemm regoli ċari li wieħed irid isegwi. Ma naħsbux li aħna, jew xi ħaddieħor, kapaċi jivvinta l-ġodda. Ir-regoli tal-politika t-tajba kienu stabbiliti minn żmien Ateni u Ruma. Proprju għalhekk, jekk irridu nżidu fil-preżenza politika tagħna, irridu nagħrfu li, l-ewwel, irridu nwasslu, mingħajr dewmien, il-messaġġ tagħna lit-truf kollha tas-soċjetà. Trid tinbeda inizjattiva demokratika issa, li minnha l-Partit jorganizza ruħu sabiex il-politika tiġi diskussa u dibattuta f’kull belt u raħal u f’kull każin li għad għandna. Inlaqqgħu n-nies f’konferenzi u djalogi. Irridu nibdew staġun politiku ġdid b’dan. Jekk ma nġibux il-bnedmin biex jieħdu sehem attiv, parteċipattiv, u li jieħdu pjaċir f’dan, inkunu qed nitilfu appuntament, illum nazzjonali, u mhux aktar għall-Partit. Jekk hemm min jaħseb u jimmaġina li partit huwa biss NGO, qiegħed jiżbalja. Ħidmietna hija differenti. M’aħniex parti minn għaqdiet li għandhom il-kawżi tagħhom, anki jekk jista’ jkun hemm konverġenza fuq punti varji. Imma d-differenza u l-indipendenza trid tibqa’ asserita, inkella nkunu qed nagħmlu ħsara lill-Partit, lill-istess NGO, u finalment lill-pajjiż. Kull naħa ġġorr ir-responsabbiltà demokratika tagħha.

Tempesti fir-ramel

6.   Nikteb iktar dan illum quddiem ir-riħ qawwi li jrid ikompli jonfoħ naħa jew oħra. Nistgħu nimxu ‘l hemm u ‘l hawn qisna nafu fejn sejrin, u jista’ jkun aktar għaqli li wieħed jieqaf jistkenn sakemm tiġi lura l-kalma. Fejn wieħed ikun jista’ jieqaf jaħseb u jħares lejn il-mappa li hemm bżonn li naqbdu biex nidħlu lura Ġerusalemm. Jekk m’aħniex nifhmu li l-politika ssir fil-pjazez u fil-Parlament, u mhux fil-Qorti jew fuq l-għatba tagħha, nibqgħu fejn aħna. Il-kunsens politiku ma jiżdiedx b’dan, aktar u aktar meta l-effett elettorali huwa minimu. Jiżdied mhux fl-istampa, imma fis-sens u s-sustanza ta’ dak li jingħad. Fl-użu ċar tar-raġuni, fejn l-argumenti jiġu spjegati minn min qiegħed fil-politika. Jekk irridu li għada pitgħada mmexxu dan il-pajjiż u noħorġuh mill-kuriduri li jinsab fihom fl-aġenda twila ta’ riformi li hemm bżonn isiru, dan irid isir.

Ir-Raġuni ma tridx forza

7.   Proprju f’dan il-Ħadd li f’Ħal Tarxien niċċelebraw il-Festa ta’ Marija Annunzjata li dan kollu huwa iktar ċar. Iktar evidenti li, bil-fidi u bir-raġuni, wieħed jasal. Billi jisma’ l-vuċijiet kollha fis-soċjetà u jibni pjan ta’ ħidma u azzjoni minnhom. Preżentement, minflok qed nitilqu nimxu, u xi wħud jiġru ‘l quddiem, meta m’għandniex lill-elettorat qed jimxi warajna. Jekk nemmnu fil-verità ta’ dak kollu li qiegħed joħroġ, irridu nassiguraw li, l-ewwel, din tgħaddi għand il-bnedmin. Fejn irridu nilliberaw ruħna mill-kunċett li, bil-mezzi soċjali ser naslu, u li issa niddependu biss fuq kemm inġibu ‘Likes’ jew kemm ikollna ‘Shares’. Hemm min diġà xeba minn dan kollu u ma jridx jarana. Fejn hemm sejħa għall-politika iktar awtentika, iktar tal-bnedmin. Fejn l-ingann ta’ kull forma jew daqs ma jkunx.  Fuq kollox, fejn nafdaw kompletament fil-forza u s-saħħa tal-Verità.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...