16.5.23

Inħarsu ‘l quddiem

1. Tul din il-ġimgħa għaddiet minn fuqi sena minn meta ħadt il-ġurament ta’ deputat fil-Parlament f’din il-leġislatura. Għaddiet, f’ħafna sens, malajr. Għaddiet fil-ħidma li għażilt li għandi nservi fiha sabiex nipprova nwettaq, jew aħjar, inkun strument għas-sewwa. Sibt għajnuna u appoġġ minn diversi minnkom. Sibt suġġerimenti varji. Sibt aktar bnedmin li jridu jiddiskutu u jiftħu kapitoli ġodda fid-dinja tal-politika ta’ pajjiżna. Kienet, u tibqa’ esperjenza differenti minn oħrajn. Waħda li sawritni aktar, u anzi, saħħitli d-determinazzjoni li ninsisti fuq diversi punti. Għadni nemmen li d-dinja tagħna tista’ tinbidel għas-sewwa li ħaqqna lkoll.

Nisrani fil-politika

2. Żammejt dan il-fanal jixgħel ġewwa fija kemm stajt. Għax jekk għal uħud, li tkun Nisrani hija xi xkiel jien sibtha, minflok, ta’ gwida vera. Għax kif qrajt din il-ġimgħa, l-Insara m’għandhomx x’jagħżilhom esternament mill-bqija tal-bnedmin: la l-pajjiż, la l-ilsien u lanqas drawwiet speċjali. Ma ngħammrux fi bliet għalina, waħedna. Anqas ma nitkellmu b’ilsna li oħrajn ma jifhmux. Ngħixu, anzi, skont id-drawwiet tan-nies tal-post fl-ilbies, fl-ikel u f’kollox. Proprju parti sħiħa fis-soċjetà, però bl-ideat u l-valuri tagħna. Anzi, kif aħna llum, aktar lesti naċċettaw u nifhmu lill-oħrajn milli li jippruvaw jifhmu huma lilna. Aktar moħħna biex infittxu l-verità milli oħrajn li abbandunaw u dallmu din is-sejħa naturali.

Il-Ħidma

3. F’dan, għax nibqa’ nemmen li għandi dmir, bħala bniedem fis-soċjetà, li nagħti sehmi ma’ oħrajn biex naħdmu għas-sewwa. Nagħti l-kontribut tiegħi, wara snin ta’ esperjenza, sabiex ngħixu f’soċjetà aħjar milli għandna. Anzi, sabiex nibnu waħda li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer ħaqqhom jippretendu mingħandna. Ħassejt, proprju f’dan, li nżid fil-kitba tiegħi. Hemm il-poter politiku, ċertament, imma l-pinna tibqa’ soda u tibdel il-fehmiet tal-persuni. Mhux biss, imma ħadt ħsieb li jiġi pubblikat librett, li qiegħed jitqassam, bit-titolu Fid-Direzzjoni t-Tajba, sabiex infakkar u nimmarka iktar dan. Ċertament ressaqt, kemm stajt u kemm flaħt, interpellanzi parlamentari. Għamilt, fejn kelli, interventi fid-dibattiti. Tkellimt u ddibattejt ma’ kemm stajt deputati biex il-Parlament ikun strument li jmexxi u jfassal liġijiet tajba. M’għandix indiema minn dan, u nittama li ħadd ma ħa għalih, jew ħassu offiż, bi kliemi. Biss, dmiri għandi nwettqu kif inhuwa mistenni, u kif naħseb li l-elettorat jippretendi minni.

Id-dinja ddur


4. Tgħallimt, maż-żmien, li d-dinja ddur u li l-pendlu jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra. Tgħallimt li, fid-dlam, wieħed jiftakar li jkun hemm lura d-dawl. Fhimt aktar li jkun żball jekk wieħed, b’xi mod, jaqta’ qalbu mill-bniedem. Kull persuna hija maħluqa b’missjoni u raġuni preċiża. Kull persuna għandha fiha nfisha s-sejħa sabiex tfittex it-tajjeb u l-verità. Biss, id-demokrazija titlob li l-bnedmin jinġiebu lkoll f’daqqa b’ideat u proġetti siewja. Titlob parteċipazzjoni attiva minn kull bniedem. Titlob li tinbena politika minn isfel għal fuq. Iż-żmien tat-tmexxija ta’ bniedem wieħed waħdu għadda sew. U dan jidher aktar f’dak li qiegħed jiġi propost fil-politika nazzjonali.

Sfidi ġodda

5. Jekk terz tal-elettorat qiegħed jiddikjara li ma jridx jivvota. Jekk aktar bnedmin qed jitħajru f’dan, irridu nifhmu li hemm dawk li mhumiex jaraw, jew jiġu ispirati minna l-politiċi. Kien hemm wisq żbalji tul dawn l-aħħar snin li minħabba fihom diversi mxew ‘il bgħid mill-politika. Ma nilludux ruħna li kollox ser jiġi f’daqqa f’postu bit-trapass taż-żmien. Irridu nifhmu li għandna naħdmu sabiex ninbidlu fil-metodu li bih issir il-politika. Jekk ma mmorrux lura għand in-nies, niddiskutu u nifhmu dak li huwa verament importanti għalihom, il-pożizzjoni ser tibqa’ l-istess. Għandna leġislatura quddiemna li fiha rridu, b’inizjattiva demokratika, immorru lura lejn l-irkejjen kollha tal-pajjiż u s-soċjetà sabiex nibnu. Aħna nibqgħu l-partit tal-libertà, partit popolari, immexxi mill-ideali Nsara, inter-klassista, li nibqgħu rridu nifhmu l-ġenerazzjonijiet fil-miri tagħhom.

Staġun tal-bidla

6. Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex nieqes mill-bnedmin li għandhom intelliġenza. Uħud verament għadhom ġodda, u fir-realtà, fit-triq tlifna wkoll l-esperjenzi politiċi ta’ oħrajn validi ħafna. Biss, dan ma jfissirx li m’aħniex kapaċi nidħlu għal dan l-istaġun ta’ bidla. Żmien fejn irridu nibnu aktar fil-koperazzjoni u nieħdu l-passi neċessarji biex kull persuna fil-Partit tinġieb f’daqqa, flimkien. Kull wieħed jaħdem biex, f’daqqa, nifhmu li l-poter fih sens jekk ikun hemm missjoni u direzzjoni ċara. Nifhmu li kull persuna hija importanti u essenzjali. Li tkun strument ta’ bidla u twettiq ta’ riformi fuq dak li hemm, sabiex ikollna pjan u programm għas-snin li ġejjin. Iktar u iktar f’soċjetà fejn il-maġġoranza kbira jibqgħu jidentifikaw ruħhom bħala dawk li jużaw il-Lingwa Maltija u li huma Nsara.

Ottimiżmu

7. Nibqa’, f’dan, ottimist li l-affarijiet jinbidlu. Nibqa’ nemmen u nittama li kull persuna tifhem li dawn is-snin li għad fadal f’din il-leġislatura m’għandhomx jintilfu. Iridu jiġu utilizzati sabiex nibdlu u nkunu partit taċ-ċentru, moderat, u li huwa popolari. Inkunu kapaċi li, flimkien, nieħdu deċiżjonijiet li minnhom il-poplu jħossu li għandu partit li jirrappreżentah. Nifhmu aktar li dak li mhuwiex jappella u mhux jirnexxi jrid, b’għaqal politiku, jinbidel. Tul din is-sena wassalt dan il-messaġġ, u beħsiebni nkompli. Dan għax nemmen li nkunu aħjar milli aħna. U għandna dmir, għax il-poplu jippretendi: l-ewwel, li nkunu Oppożizzjoni ntelliġenti, kapaċi; u t-tieni: li nibnu programm politiku li għandu jitwettaq fis-snin li ġejjin. Għaddiet sena, ċertament, u proprju għalhekk, f’din l-esperjenza li għandna nħarsu li nkomplu naħdmu u nħarsu ‘l quddiem.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...