2.5.23

Il-mezzi tal-produzzjoni llum

1.   Ngħid li, ċertament, għandna naqblu li Jum il-Ħaddiem għandu jibqa’ jiġi ċelebrat. Il-ġurnata tal-1 ta’ Mejju għadha, u ser tibqa’ fiż-żmien li ġej, rilevanti. Iktar u iktar f’din is-soċjetà li qed tippermetti li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema qed jitnaqqrulhom. Għandna sfruttament ta’ forom u tipi kompletament differenti milli kellna qabel. Uħud, fil-fatt, qed jiġu kkunsidrati bħala dawk viċin il-kategorija tal-iskjavitù. Il-pagi u l-kundizzjonijiet, speċjalment tal-ħaddiem barrani, mhumiex protetti kif għandhom ikunu. Hawn min tilef ħafna mill-kuxjenza soċjali li għandu jkollu. Hawn min iħares biss lejn kif jista’ jistagħna hu u ma jimpurtahx. U dan jgħodd mhux biss għal fuq il-lant tax-xogħol, imma anki fejn jidħlu l-kirjiet.

Xi jrid il-poplu

2.   F’dan li huwa għaddej hemm vojt politiku li qiegħed jitlob li jimtela. Dan bi provi akbar f’dan l-istaġun li ninsabu fih. F’dan ix-xenarju, li fih iktar bnedmin li għandhom id-dritt jivvutaw qed jagħżlu, b’deċiżjoni ċara, li ma jkunux parti mid-demokrazija tagħna. F’sitwazzjoni fejn, kif jidhru l-affarijiet, hemm inqas minn dawk li qed iħossu li hemm min jaqbeż għalihom. Dawk li qed ifittxu, fil-politiċi, bnedmin ta’ sustanza u li ma jaqgħux għat-tentazzjoni tal-artifiċjalità u s-superfiċjalità. Dawk li jħossu li ma hemmx messaġġ, programm, viżjoni politika vera, imma li anzi hemm paraventi biex kollox jibqa’ l-istess. Dawk li, fir-realtà, illuma mhumiex dawk li m’għandhomx bżonn, imma dawk li qed jaqtgħu qalbhom fin-neċessitajiet tagħhom.

Mexxejja mingħajr poplu

3.   F’dan, jidher iktar ċar li m’aħniex niltaqgħu verament mal-ħaddiem fil-kategoriji varji. Il-viżti fuq il-post tax-xogħol huma tajba, imma huma, fihom infushom, evidentement opportunitajiet għar-ritratti. Mhux biss, imma lil hemm mit-teħid tal-idejn u l-kelmtejn kordjali li jingħadu f’dak il-ħin, ftit jafu dak li qed imiss miegħu l-ħaddiem. Mhux biss, imma kif inhuwa issa r-ritwal stabbilit, min iħaddem jispiċċa jaqbad widnejn il-politiku. Tul il-perkors u fil-laqgħa finali iwassal l-aġendi tiegħu li, anke jekk mhux neċessarjament fiha nfisha żbaljata, però mhix ta’ min huwa fil-klassi tal-ħaddiem. Nisimgħu fuq ħafna proġetti, ħafna possibilitajiet ta’ pagi jew sitwazzjonijiet ta’ progress ekonomiku futur. Imma dawn huma ‘l bgħid, għax m’aħniex mar-realtà ta’ kuljum tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.

Ħaddiema mingħajr mexxejja

4.   Dan, iktar u iktar illum, meta qed immissu mal-kunċett li flok ikollna politika li toqtol il-mostru tal-inflazzjoni, qed ninjorawha. Ser ikun żball ekonomiku li naħsbu li trid tħalli s-suq ikompli għaddej. Iżid il-prezzijiet, jiżdiedu l-pagi u fit-triq jintilfu l-postijiet tax-xogħol. Ma nilludux ruħna. Għandna iktar min qiegħed jidher li huwa reġistrat iħallas il-bolla, imma ma jfissirx li għandu paga deċenti. Ma jfissirx li għandu dħul biżżejjed biex jgħix sew u jġemma’ għall-proġetti u l-ħolm tiegħu. Hemm kważi r-rassenjazzjoni li kollox ser jibqa’ l-istess. Jew forsi aħjar, nuqqas ta’ determinazzjoni u ħeġġa politika biex tibdel verament. Jew almenu biex taqbad politika li biha tipprova tikkumbatti. Ir-riżultat ser jibqa’ jkun li l-ħaddiem ser jibqa’ fejn hu u ħaddieħor jitla’ iktar ‘il fuq.

Politiċi mingħajr direzzjoni

5.   F’dan, huwa iktar ċar li l-politika nazzjonali baqgħet wieqfa fejn kienet. Inżidu iktar in-nefqa mingħajr ma naħsbu fi proposti ġodda. Nintilfu fl-amministrazzjoni tal-pajjiż mingħajr, fl-istess ħin, ma niggvernawh. Jum wara jum, il-politika hija tal-ġurnata u mhux imfassla fit-tul. Wara dak li għaddejna u għadna, l-ewwel bil-pandemija u wara bil-gwerra tal-Ukrajna, m’hemmx ideat li fihom il-bnedmin fid-dinja tax-xogħol iħossu li hemm direzzjoni. Wisq inqas ma hemm widna għal dak li qiegħed jiġi studjat u osservat mill-akkademiċi f’pajjiżna u barra minn xtutna. Ma ngħidx għalaqna widnejna għalihom. Ngħid anqas bdejna naħsbu biex niftħuhom. Id-djalogu fis-soċjetà jinsab rieqed, jistenna li jitqajjem u jitħaddem.

Ideat ċari

6.   Kellna iktar ideat ċari, għax il-bażi tal-partiti kienu iktar attivi mil-lum. Jiċċaqilqu, naturalment, tul is-sena kollha u mhux meta rriduhom jitqabdu għax waslu l-appuntamenti elettorali interni jew esterni. Fejn il-każini tal-partiti kienu jkunu ċentri ta’ attività umana. L-iktar repożitorji ta’ informazzjoni u diskussjoni. Mhux biss, imma preparazzjoni ta’ ideat u bnedmin. Bnedmin li jridu jieħdu sehem fil-ħajja interna tal-partiti billi jitkellmu u jiddikjaraw apertament dak li jidhrilhom li għandu jitfassal. Forsi mhux bl-aqwa preżentazzjonijiet, imma bl-akbar intenzjonijiet tajba. Nies li ġejjin mit-tbatija tal-lant tax-xogħol. Sofferenzi li kien hemm u li għad hemm, imma llum mhumiex jaslu fix-xmara ta’ ideat li partit għandu jkollu.

Natura morta

7.   F’dan, iktar is-sogru politiku li qed nispiċċaw partiti mpittra sbieħ. Kemm kollox huwa jidher tajjeb, perfett, f’postu, imma li m’għandux fih is-sustanza li wieħed jistenna. Imqegħda f’dawk il-pitturi antiki li huma bħalma kienu u għadhom għad-dispożizzjoni tagħna. Dawk li jirrappreżentaw fjuri, frott u ħxejjex li kienu friski, imma quddiemna llum qdiemu. Anki jekk għaddew fiż-żmien, xorta fihom valur artistiku, imma mhux f’dak li wieħed irid mill-politika, ħajja. Iktar u iktar quddiem ir-realtà li ż-żewġ partiti prinċipali twieldu mill-kategoriji varji tal-ħaddiema. Twieldu bħala partiti ta’ massa, mhux ta’ interessi partikolari. Twieldu biex jibdlu l-istat soċjali ta’ dawk li jinsabu l-iktar ‘l isfel, u mhux li jħalluhom fejn huma.

Nibqgħu nfakkru

8.   F’dan għandna nibqgħu nfakkru Jum il-Ħaddiem mhux bħala parti min-natura passata, imma dik preżenti. Jekk il-politika f’pajjiżna trid issir lura għal waħda li tirrappreżenta ‘l-poplu, trid tifhem li din il-ġurnata hija mhux simbolika, imma ta’ twelid mill-ġdid. Rinaxximent politiku li fih, il-politiċi preżenti u futuri, imissu lura fil-jum tagħhom mal-ħaddiem li huma inevitabilment jirrappreżentaw. Jifhmu iktar li tul dawn is-snin, il-ħajt tas-sejjieħ li kien idawwarhom, inħatt. Jifhmu iktar li hemm sofferenzi li mhux isibu widna jew rimedji. Jifhemu li rridu nistaqsu mill-ġdid f’idejn min jinsabu l-mezzi ta’ produzzjoni, u min qed igawdi minnhom.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...