26.5.23

Passi f’demokrazija fraġli

1.   Trabbejna fid-dell tal-kunċett li d-demokrazija hija valur uniku għall-bniedem. Anzi, f’dan kellna, minkejja d-diffikultajiet f’pajjiżna, il-linja li d-dinja sejra lejn aktar demokrazija. Proċess li konna nagħrfu li jieħu żmienu, imma ladarba jibda ma jistax jitwaqqaf. Progress f’dan sar, u ħafna popli huma 'l bgħid mill-ħakmiet passati. L-iktar dawk li kienu taħt id-dittatorjat tal-Unjoni Sovjetika. Mhux kull pajjiż mexa fl-istess ritmu, jew segwa l-istess metodu. Kull poplu ħadem u stinka sabiex bena s-sistema tiegħu. Ngħidu x’ngħidu, id-demokrazija titieħed, ma tiġix esportata jew imposta, wisq inqas bl-użu tal-armi kif rajna f’dak li seħħ reċentement fl-Afganistan.

Sinjali

2.   Hemm diversi fatturi li preżentement qegħdin iżommu popli varji milli jgawdu minn dak li din is-sistema politika sservi fih. Magħhom kien hemm ukoll ‘deklin’ fl-immaġini internazzjonali tal-istat li kien jiġi identifikat mad-demokrazija. Meta l-ex-President Donald Trump iddeċieda li jiftaħ konfront ma’ dak kollu li qabel kien aċċettat fi proċess elettorali, u li anzi stiga sabiex ikun hemm l-attakk fuq il-Kungress, ix-xenarju nbidel. Mument li serva sabiex ikompli jaqsam il-pajjiż u li jkompli jipperikolah għas-snin li ġejjin. Imma l-iktar li ħafna fehmu li anki d-demokrazija Amerikana mhix qegħda taħdem kif għandha, u anzi, hemm elementi awtoritarji li ġew miżrugħa.

Valuri komuni

3.   Diġà ninsabu fil-kumplikazzjonijiet ta’ dinja li żviluppat f’xenarji varji mmirati lejn kunflitti, għeluq tas-swieq u l-fruntieri u tas-supremaziji militari u politiċi ta’ stati fuq oħra. Imma magħna għandna livelli varji ta’ attakki lil dawn il-valuri komuni. Għax qegħdin diġà f’pożizzjoni fejn il-prijoritajiet tal-ħajja mhumiex diskussi fl-aġendi politiċi. Fejn il-problemi ta’ kuljum taċ-ċittadin mhux diskussi. Fejn hemm inġustizzji soċjali qawwija f’diżlivelli fil-kwalità tax-xogħol quddiem il-poteri ta’ ċerti azjendi kummerċjali kbar, li wara l-pandemija żiedu s-saħħa tagħhom. B’eżempji ħżiena minn min imexxi, f’episodji skandalużi ta’ korruzzjoni politika fejn il-maġġoranzi parlamentari jiġu wżati bħala forma ta’ tirannija li trid tmeri s-sewwa magħruf. Fejn, terġa’, il-protezzjoni tal-iżbaljat tiġi ġġustifikata f’xi forma ta’ lealtà. Fejn il-kultura politika hija orfni sew u l-ideat varji, flok huma proċess ta’ djalogu, ġew f’dawk ta’ ġlied personali mill-iktar baxx.

Kif tikseb lura

4.   Għandna llum iktar fuqna d-dmir li naħdmu biex insalvaw lura u nissudaw id-demokrazija. Għandna l-vantaġġ li aħna fl-Unjoni Ewropea li, jingħad x’jingħad dwarha, li timxi bil-mod, li hija maqsuma, jew li hija fraġli, fir-realtà hija pilastru indispensabbli tad-demokrazija. Minkejja dak li għaddejna u li aħna għaddejjin minnu fl-Unjoni, hija tibqa’ tiddefendi u taħdem biex tissoda d-demokrazija. F’dan kellna opportunità unika li tlifna f’dawn is-snin. Kellna, bħala pajjiż, il-bieb miftuħ sabiex nieħdu ħsieb immexxu aħjar lill-Istat Malti u nħaddmu, u mhux naħqru, id-demokrazija tagħna. Bl-eżempji żbaljati li rajna fil-Gvernijiet tal-Partit Laburista, l-immaġini u l-effett kumulattiv li kien ġabar, f’daqqa ntilef. Irridu naħdmu biex niġbruh lura. Nerġgħu nkunu parti minn dawk l-istati li huma sodi, eżemplari u mhux problematiċi. Vuċi soda fil-kapitolu.

Djalogu

5.   F’dan, ċertament, ilna nbatu minn nuqqas ta’ użu tad-diskussjoni u d-djalogu nazzjonali. Diġà fl-2013 konna tlaqna mill-punt fejn l-Oppożizzjoni trid tiġi skreditata u ftuħ ta’ ideat ma kinux permessi. Il-messaġġ kien li, ladarba nbidel il-Gvern, allura kollox isir kif irid hu mingħajr ħadd ma jindaħallu jew ibiddillu l-ideat. Jekk il-Partit Laburista jinsab fil-pożizzjoni preżenti b’wirt politiku li għada pitgħada jrid jikkonfronta miegħu nnifsu, huwa wkoll frott u kaġun ta’ dan. Twieldet linja ta’ arroganza li ma kinitx tippermetti lilha nfisha taċċetta li fit-tmexxija tal-pajjiż minn Gvernijiet Nazzjonalisti saru ħafna avvanzi. Ftit kienu l-Ministri li pubblikament kienu, b’sogru għalihom infushom, jiddikjaraw dan. Għax huwa ċar li ninsabu f’soċjetà li fiha tirrenja d-diversità ta’ ideat. Fejn bid-diskussjoni u d-djalogu wieħed iġib iktar kompatibilità, armonija u uniformità. Proċess li huwa l-iktar importanti f’demokrazija ta’ vera. Wieħed li jesiġi paċenzja, determinazzjoni, perseveranza u ftuħ tal-mentalità biex minnhom insibu iktar miri komuni.

Konfrontazzjoni


6.   Għal raġunijiet varji, l-għeluq għal dan il-proċess demokratiku ġieb miegħu iktar konfrontazzjoni. Ħafna drabi, inutli u sterili. Iktar u iktar meta qiegħed jitwieled fid-dell ta’ politika reazzjonarja tal-lemin. Fejn il-ħidma li għandha ssir biex il-poplu jimxi ‘l quddiem fih qiegħed, minflok, jispiċċa b’elettorat li jrid jiddistakka ruħu minnu. Fejn flok il-verità tiġi maħruġa barra u mxerrda, tiġi minflok oskurata u mħawda fid-diskors dispreġġjattiv li jingħad. Iktar u iktar fejn, fl-iżbalji li saru taħt dan il-Gvern, is-soluzzjoni mhix l-għajjat, l-aggressività, imma li wieħed jispjega. Fejn bih jinbeda l-proċess sabiex il-Gvern tal-pajjiż jinbidel, u meta dan iseħħ ikun hemm programm ċar, trasparenti u maqbul minn qabel. Qegħdin fil-politika għas-servizz tal-poplu, mhux għal tagħna.

Giovanni Falcone

7.   Illum infakkru l-memorja ta’ dan il-bniedem kuraġġuż, li għaraf li l-kriminalità trid tikkumbattiha b’intelliġenza. Meta flok għaqal u attenzjoni jintużaw strumenti oħra jintilef kollox, u min qiegħed fid-dinja tal-korruzzjoni u l-illegalità jaqbillu. Hemm linja ta’ ħidma li trid issir b’paċenzja u perseveranza attenta għad-dettalji. Diskors żejjed u barra minn postu ma jwassal għal imkien. Mhux biss, imma hemm bżonn li wieħed jagħraf iktar li, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa biss b’tibdil fil-Gvern li s-sistema tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel. Min jaħseb li billi qiegħed jipprotesta ser iġib lil dan il-Gvern preżenti biex jiċċaqlaq qiegħed jilludi iktar ruħu.

Dmirna

8.   Minkejja dak kollu li għaddej, għandna nagħrfu li għandna dmir lejn is-sewwa, il-legalità u d-demokrazija. Kif kien qal tajjeb Falcone: “Occorre compiere fino in fondo il proprio dovere, qualunque sia il sacrificio da sopportare, costi quel che costi perché è in ciò che sta l’essenza della dignità umana.” Pariri preċiżi għal min qiegħed għas-servizz tal-popolu u mhux għalih innifsu. Proprju għalhekk li dmirna jikber iktar fl-għarfien li, għalkemm qegħdin f’sistema demokratika fraġli, irridu naħdmu biex b’għemilna nissudawha. Passi fis-sewwa, kontra l-kurrenti, imma mmirati biex inġibu lilna nfusna fl-Istat Demokratiku li ħaqqna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...