24.6.14

Demokrazija, libertà u ġustizzja soċjali


1.         Illum, forsi wkoll aktar minn qabel, diversi qegħdin jistaqsu lilhom infushom: x’soċjetà għandna?  X’valuri, ideat, miri, bnedmin li qed jgħixu magħna għandhom?  Nistaqsu x’boxxliet soċjali, materjali, spiritwali, politiċi qegħdin isegwu fl-aġir ta’ kuljum tagħhom?  Qed nistaqsu ħafna, imma fuq in-naħa l-oħra jista’jkun ukoll li qed nagħmlu ħafna domandi u ser nidħlu f’ħafna qari ta’ karti u studju soċjoloġiċi, antropoloġiċi, li tridu intom, meta r-risposti huma sempliċi ħafna diġà quddiemna.  Il-bniedem għandu ħabta jmur għal dak li huwa kumplikat u diffiċli għalih għax jaħseb li ser isib soluzzjonijiet għall-kriżijiet tiegħu mingħajr ma jinduna li quddiemu għandu diġà ħafna tweġibiet.  Għandna ħabta nieħdu t-triq it-twila meta hemm oħra ferm iqsar.  Dak huwa l-bniedem, parti essenzjali tiegħu nnifsu li jrid jissielet għas-sewwa.

2.         Ngħid dan għax f’dawn l-aħħar snin abbandunajna dak li verament jgħodd għal kull persuna.  Abbandunajna li fil-bniedem hemm talba, ħeġġa kontinwa sabiex jilħaq dak li l-valuri nsara fir-realtà fetħu t-triq għalih.  Is-soċjetà tagħna hija ferm aħjar ekonomikament milli kienet fi żminijiet u sekli oħra, ma hemmx dubju.  Biss, ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu f’soċjetà fejn hemm prijorità lejn il-kisba tal-ugwaljanza.  Hemm żgur metodi differenti ta’ kif wieħed jikseb dan, bħal ma hemm ukoll setturi varji fejn dan jista’ jiġi milħuq.  Li jidher aktar manifest huwa li l-politika tagħna abbandunat f’dawn l-aħħar snin is-sejħa tagħha sabiex tassigura kontinwament li min qiegħed taħt jitla’ ‘l fuq.  Fortunatament nemmnu li biex isir dan ma hemmx lok li tniżżel lil ħaddieħor ‘l isfel.  Biss, altru dak li stqarrejna u altru dak li sar.

3.         Meta wieħed imur lura u jirrifletti jsib diversi mumenti meta l-linja tagħna kienet iktar li nħallu l-affarijiet kif inhuma.  Il-ġlieda għal ħajja deċenti għal kull membru tas-soċjetà mhix faċli.  Anzi, fl-aħħar ħames snin kienet iktar kumplikata.  L-iżvantaġġ għalina kien li fiha ħareġ iktar ċar li l-inkwiet kbir kien marbut mal-fatt li anke dawk li kienu f’pożizzjoni tajba kienu ser jitilfu dan.  Il-Partit Nazzjonalista, tul din it-triq, kien qiegħed jitlef mingħajr ma neċessarjament jinduna.  Kien qiegħed jitlef dak li huwa rrappreżenta u li kien identifikat miegħu fis-soċjetà tagħna.  Il-fatt li ma baqax jinsisti fuq il-valuri nsara tiegħu bħala fonti ta’ ispirazzjoni fl-aġir politiku tiegħu, il-fatt li ma baqax għaddej bl-istess determinazzjoni u perseveranza sabiex jibdel il-pożizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ min sab ruħu żvantaġġjat neħħietlu mill-ġibda elettorali li kellu qabel.

4.         Is-soċjetà ma tistax tibqa’ statika, trid timxi ‘l quddiem.  Però ma narax li f’dan trid titlef minn dak li jsawwarha.  Il-ġlieda għas-sewwa, dik għall-ġustizzja, għall-ugwaljanza, għal ħajja deċenti, ngħidu x’ngħidu hemm tibqa’ – ma tintilifx.  Personalment ma nistax naċċetta dak li diversi, f’rassenjazzjonijiet varji tagħhom, qed joħorġu bil-ħsieb li aħna soċjetà destinata għall-falliment soċjali.  Anqas ma nista’ naċċetta li għandna noqogħdu lura u ma naħdmux f’din it-triq sabiex dawn il-prinċipji demokratiċi u nsara jseħħu.  Ma nilludix ruħi billi naħseb li s-soċjetà ser tkun f’xi jum perfetta, però daqshekk ieħor m’jinix lest li noqgħod lura u nħalli l-affarijiet għaddejjin mingħajr ma jibqa’ impenjat għas-sewwa.  Hemm f’dan sagrifiċċji, u terġa’, l-ħajja pubblika fiha l-atrit tagħha.  Biss dan ma jfissirx li għandna noqogħdu lura.  Is-servizz tagħna lejn dawk li jagħżlu lilna biex nirrappreżentawhom hemm irid jibqa’ indirizzat.

5.         Dawk li jaħsbu li d-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali u l-libertà jinkisbu fuq il-karta għax jiġu miktuba sejrin żbaljati.  Altru dak li tgħid il-liġi u altru dak li jseħħ fil-ħajja ta’ kuljum.  Dan il-gvern preżenti m’għandux valuri li tista’ tmiss u tidentifika.  Għandu però l-ħsieb li jagħmel dak li jaħseb li ħaddieħor iridu jagħmel mingħajr ma neċessarjament iqis jekk dan huwiex tajjeb jew le, ġust jew inġust.  F’dan il-proċess jidher ċar li l-alleanza hija dik li kollox jibqa’ kif inhuwa.  Min huwa b’saħħtu ekonomikament jibqa’ hemm u min m’huwiex ma jiċċaqlaqx.  Il-viżjoni tul l-aħħar ħames snin fl-oppożizzjoni kienet dik li tagħmel aċċettabbli ma’ numru ta’ persuni partit li qabel ma kienux komdi miegħu.  Dan sar u ġie affermat elettoralment, biss issa l-pajjiż sab ruħu f’diffikultajiet ekonomiċi li ser isarrfu sabiex inaqqsu miċ-ċirkolazzjoni tal-ġid ekonomiku.  Għalhekk, min għandu qiegħed joqgħod iktar minn pass lura milli jħaddem flusu u dan ser ikompli jwassal, fuq naħa għall-istess pożizzjonijiet ekonomiċi u fuq l-istess linja sabiex minn qiegħed minn taħt jibqa’ hemm.

6.         Il-ħidma politika mhix sempliċement dik li trid iġġib bidla fil-partit fil-Gvern.  L-attività, il-ħsieb fil-politika jrid jibqa’ dak li jindirizza li jġib iktar ugwaljanza u ħajja deċenti għall-bnedmin li jgħixu fis-soċjetà tagħna.  Għażilna li s-sistema politika tkun waħda demokratika, bażata u marbuta mal-iktar mudell avvanzat fid-dinja: dak Ewropew.  Għamilna hekk għax ngħarfu: l-ewwel, li d-demokrazija trid tħaddimha u tiġġieled għaliha kull ġurnata; it-tieni, li permezz tal-istrumenti superjuri li hija tagħti fuq sistemi oħra, allura wieħed jista’ verament iġib iktar ġustizzja soċjali.  Is-sejħa ta’ diversi fl-aħħar elezzjoni kienet indirizzata proprju fuq dan.  Sejħa li titlob li l-ġid ta-soċjetà jitqassam aħjar u ħadd ma jiżvantaġġja ruħu fuq dak u l-ieħor.  Il-vot popolari kien żgur lejn iktar ugwaljanza.  Minflok, f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern attwali mexa fuq il-linja li jagħti lil min m’għandux jagħti bi żbilanċi kbar.  Il-konsegwenza hija li l-id tal-poter qegħda ssarraf f’waħda li ma tridx tibni fuq il-ġustizzja bejn il-membri tas-soċjetà.  L-inġustizzji li s-soċjetà tagħna għandha u dawk li dan il-Gvern qiegħed ikompli joħloq huma raġunijiet validi għal aktar ħidma politika nazzjonalista vera u ffukata.  Waħda li tħares li ġġib aktar demokrazija, libertà u fuq kollox, ġustizzja soċjali.




16.6.14

Pajjiż li jibqa’ dinamiku



1.         Il-qabżiet li din is-soċjetà qed tara u ser tibqa’ tara qegħdin kull darba jibdlu t-tessut soċjali u ekonomiku tagħha.  Hemm kumplessitajiet ġodda li huma operattivi u li qed jibdlu dak li m’aħniex neċessarjament nifhmu jew napprezzaw.  Kull ġenerazzjoni għandha quddiemha diversi deċiżjonijiet li hija trid tipprova tieħu.  Drabi hemm min jipprova jżomm lilu nnifsu pożittiv, proattiv u jmur lura lejn sekli ta’ eżistenza umana u jislet lezzjonijiet għalih sabiex ma jitlifx ritmu ta’ żvilupp jew ma jmurx lura f’passi żbaljati, drabi oħra le.  Hemm min jara li huwa antikwat jew kontra-indikat għalih li jgħarbel dak li għamlu ta’ qablu u jerġa’ jidħol fl-istess xenarji li daħlu fihom oħrajn.

2.         Il-problemi f’dan is-seklu kibru fl-isforzi li kull demokrazija għandha tagħmel fir-rapport bejn min jeleġġi u min jiġi elett.  Id-demokrazija indiretta għandha piżijiet ġodda li trid taffronta sabiex iżżomm lilha nnifisha viċin f’din ir-rabta.  Il-proċessi, it-toroq ta’ informazzjoni bejn il-poplu u l-parlamentari huma dejjem aktar diffiċli.  Qabel, l-ostakli prinċipali kienu l-illitteriżmu u l-injoranza, mentri llum hemm forom strambi ta’ indifferenza.

3.         Il-poplu m’huwiex massa li ssegwi fl-għama, imma jrid jifhem iktar dak li qiegħed isir.  Hemm varjetà fis-setturi li fiha naqsam is-soċjetà.  Żgur mhux forsi dak tas-segwaċi li, jgħid x’jgħid il-partit ma jiċċaqilqux, illum qed jonqos.  Biss hemm żewġ kategoriji li inkontra-kambju qed jikbru.  Hemm, l-ewwel, dawk li meta jaraw wiċċna żżejjed fuq il-mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni, ikomplu jaqtgħuna barra.  Jikklassifikawna bħala irrelevanti, mingħajr sustanza politika u għalhekk irridu nuru li aħna tajbin billi nidhru ħafna.

4.         Hemm imbagħad dawk li huma maqtugħa kompletament minn kollox.  Dawk li ma tistax tilħaqhom jekk mhux b’kumbinazzjoni, fejn l-inqas timmaġina.  Din hija ġenerazzjoni kompletament ġdida u differenti fil-kastell li fih jgħixu mingħajr ma jindunaw.  Is-sistema demokratika tagħna fortunatament tiggarantixxi l-protezzjoni u l-pakkett ta’ drittijiet li hemm għal min illum jaf li m’għandux bżonn li jara l-aħbarijiet, jixtri l-gazzetti, jidħol fl-internet jew jattendi b’xi mod għal laqgħat pubbliċi.  Qiegħed hemm għal rasu, jgħix b’mod attiv għalih innifsu però passiv għar-rigward tas-soċjetà, l-Istat u l-pajjiż.

5.         Ir-rapport politiku bejn il-partiti u dawn iż-żewġ kategoriji jrid jiġi analizzat u konfrontat.  Kuntrarjament għal dak li jista’ jingħad, il-livell ta’ kontenut fil-messaġġ u fil-ħidma qiegħed kull darba jintalab li jiżdied.  Ninnota li għad hemm wisq nuqqas ta’ umiltà fil-bżonn li wieħed li jrid jirrappreżenta jipprova jifforma ruħu b’qari u preparazzjoni politika.  Mentri l-poplu jrid li jkollu politiċi li kapaċi jifhmu x’qed jiġri u jħares 'il quddiem lejn soluzzjonijiet li mhux jidhru sbieħ, imma huma huma tajbin.

6.         It-tieni kategorija titlob ferm aktar attenzjoni.  Hemm min jista’ jaħseb li dawn il-persuni huma milħuqa minn mezzi ta’ komunikazzjoni moderna ta’ teknoloġija ġdida, però dan m’huwiex minnu.  Forsi l-affluwenza ekonomika, l-ġid materjali, in-nuqqas ta’ bżonn li wieħed jipparteċipa attivament fil-ħajja pubblika qed iwasslu sabiex numru ta’ persuni fl-età żagħżugħa jħarsu iktar lejn kif tgħix u titgawda l-ħajja.  Nemmen li xorta hemm il-bżonn li nidħlu lejn programmi politiċi indirizzati sabiex wieħed jgħaddi l-informazzjoni neċessarja biex ir-rabta tibqa’ hemm.


7.         Il-pajjiż baqa’ għal dan iż-żmien kollu wieħed li jħares 'il quddiem, jiffissa għalih termini u proġetti li jmexxuh proprju għax żamm din ir-rabta għaddejja.  Il-proċess ta’ dibattitu, ta’ informazzjoni jrid jiġi intensifikat b’attenzjoni u b’toroq ta’ komunikazzjoni li jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu kollu.  Fuq dan il-pedament il-pajjiż ser ikompli jimxi 'l quddiem, jibni lilu nnifsu.  Il-forza tagħna bħala poplu hemm qegħda: li nżommu l-proċess dinamiku tagħna għaddej.

Dan l-artikolu kien deher f'lulju 2010

Is-sajf dieħel sew.



1.         It-Tazza tad-Dinja ġimgħa ilu waslet fi tmiemha.  Ġustament rebaħ l-aħjar pajjiż, Spanja, li pass wara pass, b’determinazzjoni u b’logħob mill-isbaħ waslu biex ħadu t-Tazza magħhom id-dar.  Bqajt immeraviljat bil-kwantità ta’ ċelebrazzjonijiet li saru fil-belt kapitali Madrid.  Niżżlu isimhom fl-istorja tal-ballun u ma hemmx dubju li għandhom biex jiftaħru għall-erba’ snin li ġejjin.

2.         It-tmiem tal-attività ġiebet magħha vojt f’dawk id-diversi bħali li kienu jħarsu 'l quddiem għall-appuntamenti, anke jekk fl-aħħarnett effettivament ma kienx jirnexxili narahom kollha.  Il-prospett tas-sajf u ftit ħin sabiex wieħed ikun jista’ jaħseb u jaqra iktar infetaħ.  Dan aktar u aktar għax matul din il-ġimgħa l-ħajja parlamentari waqfet għall-“vaganzi” tas-sajf.  L-impenn ta’ kważi kuljum f’dak il-post għal diversi membri attivi jfisser li l-perjodu jieħu xejriet differenti.

3.         Il-partiti tal-ballun, mhux dawk politici, servew diġà s-sajf.  Għax għalkemm nies bħali kienu jingħalqu d-dar sabiex isegwu, ħafna oħrajn użaw dan biex joħorġu barra u jaraw il-logħob fil-miftuħ, mal-ħbieb.  Kien hemm fil-bidu min beża’ li ser ikun hemm nuqqasijiet fit-toroq b’ċelebrazzjonijiet, xorb, daqq ta’ ħornijiet u sewqan storbjuż, però (forsi għax l-Ingliżi u t-Taljani ma tantx ibbrillaw) dan kollu ma seħħx.  Konna bilgħaqal ħafna, ferm iktar mis-soltu u ma rajniex dak li soltu jseħħ.

4.         Però minn dan naħseb li nistgħu ngħidu li d-drawwiet tagħna bħala pajjiż u poplu qegħdin jinbidlu sew.  Huwa ċar, u tul dan is-sajf bħal dak ta’ qablu ħarġet iktar, li aħna nippreferu noħorġu barra u naljenaw ruħna.  Nara u nisma’ ferm iktar persuni li matul il-ġimgħa joħorġu jixorbu jew jieklu.  Hawn ferm iktar postijiet fejn wieħed imur u hawn varjetà ta’ ikel li qiegħed għad-disposizzjoni tal-poplu.  Is-sajf qed jara iktar Maltin u Għawdxin ifittxu l-bieb ta’ barra.

5.         Mhux biss, imma għandek issa parti dejjem ikbar ta’ persuni minn pajjiżna li qegħdin ifittxu li f’xi ħin minn dawn ix-xhur isiefru.  L-istatistika qed turi li hemm żieda kostanti f’pajjiżi differenti.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni bl-ajru llum huma strumenti li aħna qegħdin nużaw b’mod qawwi.  Dan jidher għax m’għadniex marbuta ma’ vjaġġi bejn Londra u Ruma (għalkemm dawn baqgħu destinazzjonijiet popolari), imma espandew għal kull rokna tad-dinja.

6.         Għalkemm ma rridx niġġeneralizza u, żgur mhux forsi, li hemm min la joħroġ u wisq anqas isiefru, però għandna oġġettivament naċċettaw li dawn l-opportunitajiet ġodda qegħdin jibdluna.  L-impatt tal-ġid ekonomiku fuqna bħala soċjetà qed idawwarna f’soċjetà kompletament differenti.  Ma narax li ser ikun hemm xenarju fejn il-pajjiż ser b’xi mod jaċċetta li jmur lura lejn dak li konna snin ilu.

7.         Forsi naqsu x-xalati wara l-festi, forsi inqas nies minn qabel qed iqattgħu jiem ħdejn ix-xatt jew fil-bajjiet tagħna, biss xorta nibqgħu pajjiż li huwa marbut ma’ ċiklu.  Jaħdem kemm jiflaħ fix-xitwa, joħroġ mill-inqas u jinġabar kmieni imma dak ikun qed jagħmlu għax għandu quddiemu dawn il-ġimgħat tas-sajf.  Naħseb li din il-kultura, dan il-mod ta’ kif infasslu l-ħajja ser jibqa’ magħna u jkun żbaljat min jaħseb li jista’ jibdelha mil-lum għal għada.  Is-sajf dieħel sew u hemm lok għall-mistrieħ u riflessjoni fuq dak li aħna u fejn sejrin.  Nawgura s-sajf it-tajjeb lil kulħadd u nittama li ssibu l-ħin sabiex taqraw ktieb tajjeb.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tat-18 ta Lulju 2010 tal-Illum.

Għadna fuq quddiem nett.



1.         Nistgħu niġi kkritikati fuq ħafna suġġetti, biss fuq l-edukazzjoni ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li tul dawn l-aħħar snin għamilna passi kbar 'il quddiem.  Il-poplu għandu ċar kristall quddiem għajnejh li, kemm ilu fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista ma ppruvajniex inċekknu s-settur, imma żidnih.  Ħadd ma jista’ jiċħad li flok għamilnieha diffiċli, flok għalaqna l-iskejjel u naqqasna t-toroq għat-tagħlim, ħadna ħsieb inkattruhom.  Anqas ħadd minna, u dan tajjeb li nfakkruh lil min forsi għandu memorja qasira jew selettiva, ma keċċa lill-għalliema, sakkarhom barra jew bagħat għalihom wieħed wieħed sabiex jagħmel pressjoni fuqhom biex jabbandunaw lil sħabhom.

2.         Il-pajjiż innota tajjeb li ma ħadniex l-istrateġija li nġelldu lill-ġenituri mal-iskejjel, jew lill-għaliema mal-istudenti tagħhom imma ġibna paċi u stabilità.  Mhux biss, imma ma qsamniex, ma kissirniex, m’għamilniex l-iżball li ndaħħlu l-politika partiġġjana fost l-għalliema, bejniethom jew mal-ġenituri.  Il-politika ħallejnieha barra u ħarisna li minflok nikkonċentraw li nżidu fil-kwalità tat-tagħlim u nagħtu dinjità aqwa lill-għalliema.  Ħadd ma jista’ jiċħad li l-professjoni ta’ għalliem biċ-ċertifikat tal-Istat rikonoxxut u sod dan il-partit welldu, rawmu u sarrfu.

3.         L-edukazzjoni, nerġa’ nirrepeti, mhix għodda, strument politiku.  Nidħlu għaliha b’passjoni għax nemmnu fiha.  Iva nemmnu li l-elettorat tagħna, il-poplu jiggwadanja jekk jiġi mgħallem.  Qatt ma bżajna minn dawk li nirrappreżentaw.  Anqas qatt ma rajna l-edukazzjoni bħala għodda elitista, f’idejn klassi limitata tas-soċjetà, imma ħarisa biex inxerrduha u nassiguraw li aktar bnedmin fuq din il-gżira jieħdu l-edukazzjoni li jixtiequ.  Ma rajniex u anqas fittixna mezzi ta’ oppressjoni tal-poplu, imma fittixna li nagħtuh mezzi ta’ liberazzjoni.

4.         L-istudent illum għandu l-bibien miftuħa.  Mhux biss, anke l-ħaddiem għandu mezzi ġodda għalih biex ikompli fit-tagħlim.  M’għandniex pajjiż fejn l-edukazzjoni tiddependi mill-ekonomija, imma hija l-ekonomija li trid mill-edukazzjoni.  M’għandiex fi stat fejn it-talent Malti u Għawdxi, biex jimxi 'l quddiem irid l-ewwel il-parrinu.  Spiċċajna minn dik is-sistema fejn jekk m’għandekx post tax-xogħol garantit ma tistax tistudja.  Illum, min għandu post tax-xogħol qiegħed anzi jsib lil min iħaddmu jinkoraġġih għax jaf li dan huwa avvanz għalih ukoll.

5.         Is-soċjetà mxiet 'il quddiem għax ma bżajniex minnha, imma kellna u għad għandna fiduċja fiha.  Fiduċja fil-poplu, fl-istudenti, f’dawk li huma żgħar u miftuħa għat-tagħlim.  Il-proċess ma kienx nieqes minn problemi, imma kellna quddiemna u għad għandna viżjoni pożittiva.  Ma nħarsux negattivament imma bi spirtu ta’ altruwiżmu.  Ma nfittxux li nċekknu s-sistema jew nieħdu attitudni rgħiba, imma nħarsu 'l quddiem.

6.         Il-progress għamilnieh u nkomplu nagħmluh għax għandna għal qalbna l-edukazzjoni tal-poplu, b’mod partikolari għax aħna kommessi li nkomplu niggarantixxu futur liż-żgħażagħ tagħna.  Il-pajjiż ikompli javvanza skond kemm ikun ġeneruż mas-sistema edukattiva.  Dan nafuh u nibqgħu narawh.  Ir-rekord Nazzjonalista huwa dan: il-ġenerazzjonijiet jgħaddu, però meta oħrajn iħarsu lura jgħarfu li l-għaqal tagħna mexxa 'l quddiem lill-poplu, il-kultura, l-ekonomija, il-livell tal-għixien tagħna, id-demokrazija u l-liġi.  Inbdilna proprju għalhekk.  Jgħidu x’jgħidu, fuq quddiem konna u anzi nibqgħu fuq quddiem nett proprju għax l-edukazzjoni hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà li l-Partit Nazzjonalista jfassal.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tat- 18 ta Lulju 2010 tal-Mument.

Il-kultura patrimonju.



1.                  Tul dawn l-aħħar snin biż-żieda kbira ta’ bnedmin li jsiefru minn post għall-ieħor inbidel il-mod ta’ kif il-wirt kulturali jiġi kkunsidrat mill-bniedem.  Filwaqt li għal sekli sħaħ il-ħsieb ta’ vjaġġ sabiex tara bliet oħra kien marbut prinċiparjament ma’ 'l hekk imsejjaħ “Grand Tour”, l-Ewropej kienu jaraw li jew huma jew uliedhom (li ħafna drabi kienu jkunu ġejjin minn familja tal-flus) iduru sabiex jaraw l-postijiet storiċi u kulturali li kien hemm.

2.                  Hemm ħafna rakkonti ta’ dak li kienu raw dawn il-bnedmin.  Diversi ġew f’pajjiżna wkoll.  Fortunatament ħallew għalina x’sabu u x’raw.  Biss f’dawn l-aħħar snin, dak il-fenomenu li nsejħu “turiżmu” kiber b’mod rapidu.  Ma baqax aktar marbut u limitat ma’ dawk li għandhom il-flus imma espanda sew.   Illum hemm volum kbir ta’ persuni li jduru minn belt għal oħra minn kull settur tas-soċjetà.  Iduru malajr, fil-kumdità ta’ dak li jkunu qegħdin ifittxu.  Il-flessibilità u l-opportunitajiet li hemm, terġà, komplew kabbru din il-parti mill-ħajja tal-bniedem.

3.                  Il-bidliet ġabu magħhom għarfien aħjar ta’ dak kollu li l-mużewijiet jirrappreżentaw.  Filwaqt li qabel it-Tieni Gwerra l-ħsieb kien marbut mal-bżonn ta’ espożizzjoni ta’ identità nazzjonali, iktar tard dan inbidel.  Sar issa  patrimonju li qiegħed għad-disposizzjoni ta’ kull ċittadin tad-dinja.  L-opra tal-arti ma baqgħetx limitata u marbuta territorjalment imma nfatmet.  Dan fisser li l-patrimonju sar kalamita għall-bnedmin.

4.                  Dan renda dak li qabel kien jidher bħala sempliċi “wiri” għall-mod ta’ kif jiġu minflok ġenerati l-flus.  Filwaqt li preċedentement il-ħsieb kien dak li fih l-Istati kienu joħorġu flejjes huma għaż-żamma ta’ dawn il-postijiet, b’dan il-kunċett ġdid l-affarijiet nbidlu sew.  M’humiex biss il-mużewijiet li ġiebu dħul ġdid minn varjetà ta’ metodi talli rendew il-possibilità ta’ iktar restawr, użu korrett u espożizzjoni aktar intelliġenti ta’ dak li kien preċedentement ċass.

5.                  Il-“valur” għalhekk ma baqax wieħed storiku u kulturali imma sar evidentement wieħed ekonomiku.  Pajjiżi li wara l-aħħar Gwerra Dinija kienu moħħhom fir-rikostruzzjoni biex jipprovdu s-servizzi bażiċi, u li  sussegwentement qabdu t-triq sabiex jakkwistaw l-indipendenza tagħhom ma rawx il-patrimonju bħala prijorità.  Però llum, wara dawn is-snin, hemm għarfien sew.  Diversi Stati sabu ruħhom fil-pożizzjoni fejn l-identità tagħhom setgħu jidħlu għaliha billi jarawha fil-mużewijiet ta’ Stati oħra li kienu ddominawhom.  Għal dan kien hemm u għad hemm lok ta’ reazzjoni.

6.                  Fis-sena 2008, l-UNESCO f’Ateni kienu organizzaw konferenza interessanti bit-tema “The return of cultural objects to their countries of origin”, suġġett li jolqot numru ta’ pajjiżi, sija jekk għandhom diġà mużewijiet mimlija kif ukoll jekk le.  Dan kien iktar rilevanti invista tal-Konvenzjoni importanti magħrufa bħala “Convention on the Means of Prohibiting and Preventing the Illict Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property” li stabbiliet li mill-1970 ‘l quddiem dak li jittiehed irid jiġi rritornat lura fil-pajjiż ta’ oriġini. Però għalkemm ħalliet it-triq miftuħa għall-ftehim bilaterali ma pprovdietx li dak li ġie meħud fis-snin ta’ qabel għandu jiġi ritornat bħala prinċipju.

7.                  Wieħed jista’ jkollu dubju fuq oġġetti li għalkemm m’humiex fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jispiċċaw mitlufa sforz il-volumi li għandhom, però fejn il-patrimonju kollu ġie meħud, tiddubita.  Ftit ġimgħat ilu kelli l-opportunità li nsegwi dokumentarju li ġie preparat mill-British Museum dwar l-istatwi tal-bronż ta’ ‘Ile-Ife’ min-Niġerja li jinsabu f’dak il-mużew.  Tibqa’ meraviljat bil-valur artistiku u bl-abbiltà kbira ta’ dawk in-nies li kienu kapaċi jaħdmuhom.  L-iktar li però fhimt huwa li dan l-patrimonju kollu huwa marbut fil-mużew imsemmi u l-Istat oriġinali, n-Niġerja, m’għandux dawn l-oġġetti f’idejh sabiex jesibijhom.  Sitwazzjoni li titlob soluzzjoni għax għandu jkun hemm qbil li l-pajjiżi ta’ oriġini għandhom ikollhom il-maġġoranza ta’ dan il-wirt storiku.

8.                  Dan huwa suġġett interessanti ħafna għad-dinja kulturali li mhux faċli ssolvi, però tajjeb li nirriflettu fuqu,  iktar u iktar meta aħna fortunatament għandna għad-disposizzjoni tagħna tant wirt li l-poplu tagħna ma jgħarrafx lilu nnifsu dwaru.


Dan l-artikolu kien deher fl-Illum tal-25 ta Lulju 2010.

Il-burokrazija t-tajba



1.         Ebda Stat ma jista’ jippretendi li jimxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma jaħdimx tajjeb u ma jkunx organizzat.  Jingħad x’jingħad, kull min jamministra f’isem il-poplu għall-ġid komuni jaf li għandu bżonn servizz ċivili li huwa kapaċi.  Uffiċjali tal-pajjiż li ħadu taħriġ u ġurament ta’ lealtà li jservu liċ-ċittadini.  Mingħajr servizz ċivili, mingħajr bnedmin li jgħarfu jagħżlu karriera f’din il-linja, pajjiż, stat u poplu ma jimxu xejn.

2.         Anzi, kull min jaqra u jagħraf l-esperjenzi ta’diversi ċiviltajiet jaf li s-sistema effiċjenti tissudak filwaqt li waħda ħażina tibgħatek lura.  Waħda mir-raġunijiet prinċipali li wasslu lill-Imperu Ruman fejn effettivament irnexxielu jasal kienet proprju l-abbiltà ta’ bnedmin li kieku kapaċi jħaddmu malajr l-apparat imperjali b’sistemi prattiċi, sempliċi u diretti.  Kellhom mekkaniżmi ferm tajba u li jaħdmu.  Bnew toroq kbar f’kull rokna tal-konkwisti Rumani, kellhom bliet f’kull parti mfasla b’arti u organizzazzjoni li għadhom hemm sal-lum.

3.         Iċ-ċavetta tas-suċċess li għadha mill-iktar timmanifesta ruħha sal-lum kienet l-għażla tal-persuni li ffurmaw u mexxew lill-poplu.  Il-bini, il-kitba, il-letteratura u l-liġi twieldu u baqgħu magħna sal-lum għax kien hemm bnedmin mgħallma tajjeb.  Dawk li għaddew mid-dixxiplina tal-formazzjoni edukattiva rumana.  Dawk li spiċċaw dutturi tal-liġi kienu l-persuni li ġew inkarigati mill-imperturi sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni.

4.         L-eżempju ta’ ċiviltajiet oħra huwa hemm ukoll.  Poplu jimxi ‘l quddiem meta jkollu amministraturi mħarġġa tajjeb.  Pajjiżna m’huwiex eċċezzjoni għar-regola.  F’dan il-mument anzi, l-Kap taċ-Ċivil Dr Godwin Grima huwa persuna mħarrġa fil-liġi u fl-istess ħin wieħed li għażel li jsegwi karriera fis-Servizz Ċivili.  Għalhekk għandna għad-disposizzjoni u servizz tal-Istat persuna mħarreġ tajjeb u li għandu viżjoni ta’ dak li huwa mistenni miċ-Ċivil.  F’dawn l-aħħar snin li ilu jokkupa din il-kariga rajtu jagħmel passi kontinwi u diretti sabiex jibdel biċċa biċċa dan is-settur lejn servizz aktar modern u effiċjenti.

5.         Fil-fatt hemm diversi bidliet li huwa rnexxielu jġib.  Għalija nara li bil-preżenza tiegħu rreġistra li l-avukat, in-nutar, dawk mgħallma fil-liġi għandhom futur fis-Servizz Ċivili.  In-numru tagħhom fortunatament żdied tajjeb u huwa ‘l bogħod minn dak li kien fl-antik fejn l-avukat fiċ-Ċivil ried ikun fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew nutar fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern biss.  Saru, mertu tiegħu, qabżiet ‘il quddiem, ma hemmx dubju, però nemmen li nistgħu ndaħħlu aktar minn dawk li kull sena jiggradwaw mill-Università.  Biss, dan huwa kollu għall-futur.


6.         Dawn huma miri għall-impjegati ġodda fis-servizz tal-pajjiż u huma evidentement tajba.  Iktar ma jkun hemm gradwati tant aħjar għax magħhom iġibu d-dixxiplini differenti li studjaw magħhom.  Però t-tagħlim, l-avvanz edukattiv, l-ispeċjalizzazzjoni m’għandhomx ikunu limitati għal dawk li deħlin issa imma għandu jkun miftuħ għal min diġà daħal.  Il-ftehim li ġie ffirmat din il-ġimgħa bejn il-Gvern u l-Università sabiex ħaddiema oħra jkunu jistgħu jibdew il-kors li jwassalhom għal “Higher Diploma in Public Accounting and Finance” huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.  Is-servizz tal-pajjiż huwa l-burokrazija tiegħu.  Aktar ma jsiru passi u investiment fih aktar nimxu ‘l quddiem fis-setturi soċjali, ekonomiċi u kulturali.  Iċ-ċivil, il-burokrazija t-tajba huma ċ-ċwievet tas-suċċess tagħna.  Aktar ma ninvestu fihom, aktar aħjar.

Dan l-artikolu kien deher fl-1 ta Awissu 2010 fl-Illum.

Il-pajjiż jitmexxa sew.



1.         Ħafna drabi m’għandniex il-ħin li noqogħdu lura u naraw ftit dak li konna għal dak li aħna llum.  Meta wieħed iqis iż-żmien tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet jara li hemm qabżiet verament kbar ma’ dak li huwa għaddej illum.  Il-poplu għadda minn numru ta’ esperjenzi u proprju dawn ikkundizzjonawh kulturalment f’diversi punti.  M’hemmx dubju li dak is-siġill ta’ eventi storiċi ffurmana f’dak li aħna.  Mhux biss, imma direttament u indirettament sawrulna l-aġenda nazzjonali fil-prijoritajiet leġislattivi u istituzzjonali.

2.         L-ekonomija hija u tibqa’ prijorità għal kull żmien, biss il-bżonn tad-difiża tad-demokrazija mill-biża’ li terġa’ tintilef wasslitna għal diversi deċiżjonijiet li ħadna proprju biex nassigurawha kontra kemm nistgħu nimmaġinaw li jista’ jkun hemm theddid għaliha.  Il-bżonn, il-prinċipju li ebda soċjetà Maltija ma tista’ timxi ‘l quddiem jekk ma tkunx immexxija demokratikament huwa llum parti sħiħa minn formazzjoni soċjali unika.  Biss inkunu qed nilludu ruħna jekk naħsbu li kulħadd għandu dik l-istess imħabba għaliha li għandna aħna.  Mhux kull persuna jemmen b’qalbu kollha li d-demokrazija hija l-aħjar sistema politika.

3.         Il-biża’ li dak li seħħ fil-pajjiż jintilef jixprunana l-ħin kollu sabiex immexxu ‘l quddiem pratiċi amministrattivi, liġijiet u politika li jiggarantixxu d-demokrazija.  Mingħajr id-demokrazija l-bniedem ma jimxix ‘il quddiem, mingħajr din is-sistema politika ma jkunx hemm avvanzi soċjali u ekonomiċi.  Ekonomija hija b’saħħitha biss f’qasam demokratiku.  Għalina dan tant huwa importanti li bqajna naħdmu kemm nifilħu għas-skapitu ta’ saħħitna proprju biex nimxu u mhux nieqfu f’din it-triq.

4.         Għadna kemm għalaqna l-proċess sħiħ tal-approvazzjoni tad-diversi liġijiet li jitwieldu mill-miżuri tal-Budget li ma bdejniex diġà, mertu tal-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech, il-passi lejn dak li ġej.  Din il-prattika hija, ma hemmx dubju, tajba.  Permezz tagħha hemm parteċipazzjoni demokratika qawwija li qatt qabel ma rajna bħalha.  Nemmnu mhux biss fid-demokrazija parlamentari, imma anke f’dik ekonomika.  Aktar ma jagħtu kontribut dawk li huma nvoluti fis-settur, tant aħjar.

5.         Il-pajjiż irnexxielu jaħdem tajjeb u jaffronta dak li ħaddieħor dam biex jaffronta, proprju għax għandna dan il-proċess liberu u trasparenti.  Il-bieb huwa miftuħ beraħ għal min jersaq ‘il quddiem bi proposti u miżuri li bihom jistgħu jitwettqu linji ta’ ħidmiet li permezz tagħhom jitkabbar il-ġid komuni u jassigura aħjar l-istrutturi soċjali u ekonomiċi tagħna.  Proprju għax nemmnu fid-demokrazija li nibqgħu miftuħa għad-diskussjoni biex intejbu dak li għandna.

6.         Il-poplu tagħna fortunatament għandu llum sistema li biha qed jieħu lura l-paċi u l-istabilità.  Dawn huma ċ-ċwievet li minnhom qed inserrħu ras il-pajjiż minn qabel.  Ma hemmx sulluzzi, anqas sorpriżi imma linja ċara.  Id-demokrazija sarrafniha f’dan.  Tajnieha valur kbir proprju biex kulħadd ikun jista’ jippjana ‘l quddiem għal dak li nkunu qegħdin infasslu.  Mhux biss, imma għandu f’idejh mod li bih joffri ideat, suġġerimenti u proposti li jistgħu jitwettqu.  Jgħidu x’jgħidu, illum għandna nammettu li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kellna sistema demokratika taħdem tajjeb bħal ma għandna.

Dan l-artikolu deher fil-Mument tal-1 ta Awissu 2010.


11.6.14

Il-ħidma trid tkompli ssir.



1.         Dawn il-jiem għamlu ħafna ġid biex jerġgu jġibu l-kalma u r-raġuni f’partit li f’dawn l-aħħar xhur għadda minn ħafna bidliet.  Smajna b’diversi pariri mogħtija lilna.  Uħud b’reazzjonijiet diversi, oħrajn bażati fuq ftit fatti.  Għadni ma qrajtx opinjoni sħiħa u kompluta, u nifhem, għax biex tasal għal dan irid jgħaddi iktar żmien.  Irid isir kuntatt lura mar-raġunijiet li wasslu lil dawk li vvutaw lura lill-Gvern, dawk lilna, dawk li ma vvutawx u dawk li vvutaw għal partiti oħra.  Ma hemmx bżonn ta’ għaġġla f’dan il-mument u ngħiduha, biex partit jifhem li ma jistax jaħdem aktar fil- u bil-politika mil-loġika tal-Gvern iżda tal-Oppożizzjoni, jieħu l-ħin.

2.      Iktar riflessjoni, iktar attenzjoni għad-dettalji li fil-politika Maltija huma determinanti għad fadal biex isiru sewwa.  Fil-verità, ħafna għadhom qegħdin fil-proċess li jifhmu x’wassal għat-telfa tal-2013 u għalhekk ma nistgħux nippretendu li ser jifhmu dik tal-2014.  Iż-żewġ elezzjonijiet huma separati u distinti.  It-tnejn għandhom forzi, kawżi u effetti tagħhom.  Biex immissuhom irridu nieħdu l-ħin tagħna.  Il-fatt li l-maġġoranza elettorali Laburista reġgħet ġiet ikkonfermata ma tfissirx neċessarjament li dak li wettqet l-Oppożizzjoni deher u ġie ġudikat kontra.  Din ma kinetx elezzjoni fejn il-Partit Nazzjonalista kien waħdu fl-iżbarra tal-akkużati.

3.      Il-kwistjonijiet li tqajmu tul dawn ix-xhur mill-opinjoni pubblika u mill-Oppożizzjoni ma kienux mingħajr effett.  Anqas dan il-vot ma neħħihom minn fuq l-aġenda nazzjonali.  Il-bejgħ taċ-ċittadinanza, it-tqegħid ta’ bastiment tal-gass fl-abitat, it-trasferimenti bla sens u rażan, in-nuqqas kważi assolut ta’ meritokrazija, il-kwistjoni tal-addozzjonijiet minn koppji tal-istess sess ma sparixxewx.  Għadhom hemm u magħhom f’dawn il-ġimgħat żdiedu punti oħra.  Il-maġġoranza ġiet stimulata artifiċjalment favur il-partit fil-gvern, b’mekkaniżmi oħra fejn il-linja kienet li tidħol fin-nofs aġenda differenti li tneħħi dak li qajjimha.

4.      Dak li sar tajjeb mill-Oppożizzjoni hemm baqa’.  Dak li ma sarx b’attenzjoni u b’sens lejn dak li għaddej, anzi bħallikieku ma huwiex għaddej, ma wassalx għal dak li għamel iktar ġid.  Il-proċess tal-bidla fil-kultura u mentalità politika tal-partit jieħu ż-żmien tiegħu.  Bħalma rridu naċċettaw li min kien ilu jismagħna għal snin, issa għandu dritt li jesiġi li jisma’ minn min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-poter.  Fil-frattemp, il-ħin f’idejna.  Minna jiddependi kemm ser nutilizzawh tajjeb.  Nifhmu għal darb’oħra min aħna.  Nifhmu li l-politika mhix azzjoni imma, fuq kollox, ħsieb, ideat u viżjoni għall-futur.  Napprezzaw verament li aħna partit taċ-ċentru, wieħed li huwa demokratiku kristjan.

5.      Jista’ jkun hemm min jikkritikana fuq dan.  Dan huwa iktar milli leġittimu, però fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu jippretendi mingħandna li nkunu dak li aħna u li ma nippruvawx nilbsu dak li ma jixirqilniex.  Diskors differenti jħawwad ‘l-elettorat li, għalkemm definittivament iridna fl-Oppożizzjoni, irid ikun ċert li jista’ jiddependi minna meta jiddeċiedi ‘l-kontra.  Nirbħu iktar billi nkunu sempliċement dak li aħna.  Il-partit m’għandux bżonn ipokresiji, flaġellazzjonijiet pubbliċi, wisq inqas pieni kapitali.  Irid biss li jkun kif kien il-partit tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-fatt li l-valuri tagħna huma nsara u mhux tal-konvenjenza jew bla għaqal.


6.      L-elezzjonijiet jiġu għax huma parti integrali mit-tessut demokratiku.  Aħna għandna demokrazija indiretta, però l-Partit Nazzjonalista kien u għadu tal-politika li jikkonsulta ruħu kemm jista’ u raġjonevolment direttament man-nies.  Jingħad x’jingħad, dak il-ġudizzju juri: l-ewwel, il-poplu xi jrid; it-tieni, li min jirrappreżentah qiegħed hemm fuq mandat temporanju u mhux permanenti.  Din l-elezzjoni għaddiet.  Għad hemm x’nifhmu minnha, biss f’ebda mument ma nistgħu nnaqqsu mill-importanza ta’ tali eżerċizzju politiku.  Din hija d-demokrazija, repubblika Ewropea u avvanzata.  Dmirna fl-Oppożizzjoni jinkwadra ruħu, iktar minn qabel, li nkomplu nwettqu ħidmitna aħjar mill-jum ta’ qabel; u t-tieni, li fuq naħa nibqgħu niggarantixxu dak li ġie akkwistat u fuq l-oħra li nħarsu lejn dak li s-soċjetà ser ikollha bżonn.  Għalhekk, ma hemmx dubju li l-ħidma trid tkompli ssir fit-triq it-tajba.

10.6.14

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN – SPEJJEŻ FUQ MAGNI ĠODDA TA’ PHOTOCOPIERS.


9733. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intefqu spejjeż mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u mill-ambaxxati f’servizzi jew magni ġodda ta’ fotokopjatriċi minn Marzu 2013 sa Marzu 2014?

02/06/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant  illi n-nefqa totali hija  madwar €10,800.

Seduta  160

10/06/2014

MALTA ENTERPRISE – AMBAXXATA MALTIJA F’WASHINGTON


9732. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fl-Ambaxxata Maltija f’Washington hemmx rappreżentant tal-Malta Enterprise u jekk iva min hu? 

02/06/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Fl-Ambaxxata Maltija f’Washington ma hemmx rappreżentant tal-Malta Enterprise. Jien infurmat iżda li l-Malta Enterprise qed tippjana biex fl-aħħar, wara snin ta’ abbandun, l-Istati Uniti se jkunu qed jingħataw l-attenzjoni kollha meħtieġa bħala għajn potenzjali ewlenija ta’ Investiment Dirett Barrani. Għal dan l-għan, u b’osservanza tal-proċeduri kollha stabbiliti ghal impjieg fis-servizz pubbliku, ġiet impjegata persuna li qed taħdem skond pjan ta’ xogħol prestabbilit u b’expected outcomes preċiżi. Jien infurmat li din il-ħidma diġa’ waslet sabiex kumpanija ta’ servizzi industrijali fil-qasam bio-mediku ser iżżur Malta qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2014 biex tistudja l-possibilita’ ta’ mpjant f’pajjiżna. Għandi wkoll pjaċir ngħid li permezz tal-ħidma ta' dan l-uffiċjal, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Houston, Texas, qed tiddiskuti mal-Malta Enterprise il-possibilita’ ta’ kooperazzjoni li tibda iseħħ fi żmien qasir.

Seduta  159
09/06/2014







QORTI - IMPJEGATI

9731. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema grad u pożizzjoni ġew impjegati t-13-il impjegat ġdid li daħlu jaħdmu l-Qorti minn Marzu 2013 sa Marzu 2014 u jekk is-sejħiet kienux interni jew esterni?

02/06/2014

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħiet kienu kollha sejħiet esterni. L-informazzjoni mitluba hi kif ġej:
Impjegat 1 : Junior Legal Officer
Impjegat 1 : Tradesman
6 Impjegati: Clerk
Impjegat 1 : Judicial Assistant
3 Impjegati : Casual Clerk
Impjegat 1 : Messenger Duties

Seduta  159

09/06/2014

QORTI - XOGĦLIJIET



9730. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9269 u jinforma lill-Kamra dwar x’xogħlijiet saru fil-bini tal-Qorti  minn Marzu 2013 sa Marzu 2014 u jista’ jindika kemm intefqu flus?

02/06/2014


  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma l-Onor. Interpellant li:
L-ispiża fuq ix-xogħolijiet imsemmija kienet ta’ €1,074,625 miljun.
Il-parti l-kbira minn din l-ispiża (iktar minn €947,000) marret ghall-uffiċji ġodda għall-membri tal-ġudikatura fi Strada Stretta maġenb il-Qorti tal-Familja.
Spiża oħra sostanzjali (iktar minn €37,000) marret għal żewġ luggage X-Ray Machines, waħda għall-Qorti prinċipali u l-oħra għall-Family Court.
Ħlasijiet oħra marru fost oħrajn fuq għamara, units tal-arja kkundizzjonata u spejjeż tal-periti.

Seduta  159

09/06/2014

KASTILJA – SPEJJEŻ FL-UFFIĊINI


9729. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9274, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru spejjeż ta’ kull tip u forma fl-uffiċini kollha tal-Auberge de Castille minn Marzu 2013 sa Marzu 2014?

02/06/2014

ONOR. JOSEPH MUSCAT: It-tagħrif għadu qed jinġabar

Seduta 159
09/06/2014


KASTILJA – ĦADDIEMA ĠODDA



9728. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9275, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fis-sezzjonijiet kollha fl-uffiċini tal-Auberge de Castille minn Marzu 2013 sa Marzu 2014?

02/06/2014

  ONOR. JOSEPH MUSCAT:  Impjegati li ma kienux parti mis-segretarjat personali u li wara Marzu 2013 bdew joperaw bħala parti mill-OPM, jammontaw għal 58. Il-maġġoranza assoluta tagħhom jagħmlu parti mis-segretarjat privat tiegħi u tas-Segretarjat Parlamentari li jagħmel parti mill-OPM.

Seduta  159
09/06/2014


MINISTERU GĦALL-FINANZI - XIRI TA' KAROZZI.



9727. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9168 u 7771 u jinforma lill-Kamra bil-lista dettaljata ta’ kemm-il Ministeru awtorizza li jinxtraw karozzi ġodda tul l-aħħar sena u kemm-il kuntratt ġdid għall-kirjiet ta' vetturi tul l-istess sena mill-Gvern u kemm kien hemm każijiet ta' xiri u kiri ta' vetturi li ma kienx awtorizzat?

02/06/2014p

ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Din l-informazzjoni tinkludi kirjiet u xiri ta’ karozzi li saru mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013 u li ġew approvati mill-Ministeru għall-Finanzi.  Din l-informazzjoni ma tinkludix kirjiet qosra ta’ ġranet li jkunu saru sabiex fost oħrajn, jissostitwixxu karozzi li jkunu bil-ħsara jew għat-tiswija.  Din l-informazzjoni ma tinkludix ukoll kirjiet qodma li ġew imġedda matul is-sena li fuqha qed nirrapurtaw.

Seduta 159

09/06/2014

5.6.14

FREEDOM OF INFORMATION ACT - TALBIET

9640. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk irċeviex talbiet taħt il-Freedom of Information Act f’dawn l-aħħar xhur u jekk iva jista’ jindika kemm-il waħda u jekk kienx hemm tweġibiet fuqhom ai termini tal-att?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika b'mod aktar speċifiku l-perjodu li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija tiegħu.

Seduta  157
03/06/2014

ATT DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-INFORMATUR - DISPOŻIZZJONIJIET


9639. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin:
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-dispożizzjonijiet kontenuti fil-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Informatur Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta rigward membri tal-korp diplomatiku ai termini tas-sub-artikolu tlieta (3) fl-artikolu tnejn (2) humiex ser jiġu fis-seħħ sal-aħħar ta’ din is-sena jew sal-aħħar ta’ din il-leġislatura?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija  tiegħu lill-Ministru konċernat.

Seduta  157

03/06/2014

WORLD TRADE ORGANIZATION - AMBAXXATUR


9638. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-ambaxxatur tagħna fil-World Trade Organization (WTO) iweġibx lejn l-Ministeru jew le? Jekk iva jista’ jgħid x’pożizzjonijiet ittieħdu f’dawn l-aħħar tnax-il-xhar fi ħdan din l-organizzazzjoni?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ambaxxatur u Rappreżentant  Permanenti għall-World Trade Organisation (WTO) iwieġeb lejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Malta ħadet il-pożizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex tingħaqad mal-consensus ġenerali fuq l-hekk imsejjaħ 'pakkett ta' Bali' . Malta ngħaqdet ukoll mal-UE fl-għażla tad-Direttur Ġenerali ġdid tal-WTO.

Seduta  157

03/06/2014

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN - KONSULENTI.


9637. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm għandu konsulenti preżentament, min huma u kemm qed jiġu rimunerati għal dan u fuq liema linja qed jagħtu pariri?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament il-Ministeru għandu disa' (9) konsulenti li d-dettalji tagħhom qed jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Seduta  157

03/06/2014

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN – SMOKING AREA


9636. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ġietx identifikata żona fil-Ministeru fejn jista’ jsir it-tipjip?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tipjip fil-Ministeru huwa pprojbit ġewwa u f' partijiet magħluqa jew imsaqqfa .

Hemm biżżejjed spazji miftuħa fil-Ministeru fejn min irid ipejjep jista' jmur.

Naħseb li mil-lat ta' saħħa dan l-arranġament huwa aħjar milli jkollok kamra magħluqa mħollija  għat-tipjip biss.

Seduta  156

02/06/2014

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN – TIBDIL FIS-SEGRETARJU PERMANENTI


9635. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min huwa jew hija s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru? Jista’ jinforma lill-Kamra għala kien hemm xi tibdil tul din is-sena u kif saret il-ħatra l-ġdida?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Nterpellant li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru hija s-Sinjura Fiona Formosa. It-tibdil sar wara li s-Segretarju Permanenti  ta' qabilha  nħatar Ambaxxatur għall-Olanda b'residenza  f' The Hague. Il-ħatra l-ġdida saret bil-mod kif jinħatru s-Segretarji Permanenti l-oħra kollha, jiġifieri b'appointment, kif dejjem sar fl-amministrazzjonijiet preċedenti.

Seduta  156

02/06/2014

AMBAXXATUR GĦALL-PAJJIŻNA AKKREDITAT MAT-TURKIJA


9634. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx Ambaxxatur għall-pajjiżna akkreditat mat-Turkija?

28/05/2014

  

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant, li preżentament, Malta għandha Ambaxxatriċi mhux residenti akkreditata għat-Turkija.

Seduta  156
02/06/2014


MEMBRI TAL-KORP DIPLOMATIKU – PROĊESS TAT-TQASSIM TA’ POSTINGS


9633. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hiex il-policy stabbilita tal-Ministeru u tal-Gvern li fil-proċess tat-tqassim tal-postings, ma jiġux magħżula persuni li huma membri tal-korp diplomatiku ?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA: 
Ninforma l-Onor. Interpellant  li nirrifjuta bl-aktar mod assolut l-allegazzjoni infondata tal-Onor. Membru li hemm xi policy li membri tal-korp diplomatiku ma jingħatawx postings.

Nirrakkomanda lill-Onor. Membru jagħmel ftit riċerka u jara l-verita' ta' dan li qiegħed ngħidlu.

Seduta  156

02/06/2014

TILQIMA TAL-YELLOW FEVER


9632. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ‘l hekk imsejħa tilqima tal-yellowfever hiex nieqsa, u jekk iva jekk hiex ordnata billi hemm għadd ta’ missjunarji u volontarji li ma jistgħux jitlaqmu?

28/05/2014

  ONOR. KONRAD MIZZI:  It-tilqima tal-yellow fever tinsab in stock.

Seduta  156

02/06/2014

ISTITUT KULTURALI MALTI


9631. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju, x’preparazzjonijiet saru u liema diffikultajiet hemm, sabiex l-Istitut Kulturali Malti jiġi stabbilit?

28/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-kuntest ta' taħdidiet li għaddejjin bejn il-Ministri konċernati, qegħdin jitfasslu emendi fl-"Att Dwar Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta (Kap 515)" sabiex l-Istitut Kulturali Malti li hemm referenza  għalih f'Artiklu 11 (e) jibda fil-futur jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Seduta  156

02/06/2014

2.6.14

Bidla Ingliża.



1.         Ftit ġimgħat ilu rajna bidla fix-xenarju politiku Ingliż li aħna familjari mal-andament tiegħu.  Mill-istaġun ta’ Margaret Thatcher għaddejna għal dak ta’ Tony Blair u issa jista’ jkun li bdejna dak ta’ mexxej żgħir ieħor David Cameron.  Interessanti li bħalma l-era konservattiva Thatċerjana ġiet fi tmiemha fil-perjodu qsajjar li fih mexxa John Major, hekk ukoll dik ta’ Blair għaddiet hija wkoll minn dik ta’ Gordon Brown.  Hu x’inhu, jidher ċar li l-pajjiż ħareġ minn tmexxija laburista u issa dieħel f’xenarju kompletament differenti.

2.         Fil-verità l-era Blair għamlet diversi tibdiliet importanti fil-pajjiż li permezz tagħhom ir-Renju Unit reġa’ ħa pożizzjoni importanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Fil-fora Ewropej, minn Stat li ma tantx kien favur ħidma iktar viċina, sar wieħed li biddel ħafna.  Pajjiżna wkoll kellu l-opportunità li jaħdem tajjeb ma’ din l-amministrazzjoni.  Jien rajt numru ta’ ministri tal-intern u tal-ġustizzja li tkellimt u kkoperajt magħhom, partikolarment Jack Straw u Alan Johnson.  Kien fil-fatt Johnson li għamel l-appoġġ lejna fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari ferm iktar konkreta.

3.         Apparti minn din il-konsegwenza elettorali kien hemm ukoll bidla fil-persuni li jiffurmaw il-parlament Ingliż, dik li hi msejħa l-“House of Commons”.  Hemm saret bidla ikbar mis-soltu, b’mija u tnejn u tletin deputat li jew irrinunzjaw għas-siġġu, jew telqu, inkella nbidlu.  Dan kien l-ogħla ammont, li qabel kien stabbilit fl-1945 wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta kien hemm mija u ħamsa u għoxrin.  Telqu persuni importanti fiż-żewġ partiti importanti bħal Michael Howard, membru veteran tal-Partit Konservattiv li serva bħala ministru taħt diversi leġislaturi; Ann Widdecombe hija wkoll mimlija b’esperjenza; Patricia Hewitt, John Reid u Alan Melbrun fost diversi oħra.  Dawn apparti r-Reverendu Ian Paisley, l-fundatur tad-Democratic Unionists fl-Irlanda ta’ Fuq.  Għalhekk jidher evidenti li fix-xhur u s-snin li ġejjin ser ikun hemm l-ispazju għal uċuh oħra fi ħdan dak il-parlament, li qabel ma kienx hemm f’telf ta’ esperjenza politika.

4.         Ma’ dan hemm għall-ewwel darba f’ħafna snin, gvern li huma mmexxi minn koalizzjoni ta’ żewġ partiti: dak Konservattiv u dak Liberali.  Issa jrid jingħad li dawn il-partiti twieldu kontra xulxin u baqgħu rivali tradizzjonali u għalhekk kienet iktar diffiċli sabiex meta ebda partit mit-tlieta prinċipali ma ġieb il-maġġoranza li effettivament ikun hemm din l-għaqda.  F’din l-alleanza politika għandek żewġ mexxejja li għadhom fl-ewwel esperjenza ta’ responsabbiltà u li għalhekk forwi waslu għal ftehim iktar malajr.  Fuq naħa, David Cameron għall-Konservattivi bħala Prim Ministru u Nick Clegg għal-Liberali, li nħatar bħala Deputat Prim Ministru - bit-tnejn ġejjin minn ambjenti kompletament differenti.

5.         Clegg huwa fil-fatt l-iktar iffurmat, b’viżjoni politika Ewropea sija għax miżżewweġ mara Spanjola, b’omm Olandiża, jitkellem ħames lingwi, ġie mgħallem fil-Belġju, ħadem bħala impjegat tal-Unjoni Ewropea u serva wkoll bħala Membru Parlamentari Ewropew.  Cameron huwa iktar bin l-Ingilterra, mgħallem fil-kulleġġ prestiġjuż għal dik l-art ta’ Eton u jirrappreżenta klassi ta’ ideat u pożizzjoni soċjo-ekonomika 'l fuq fis-soċjetà.  Però t-tnejn għandhom in komuni fattur wieħed li jgħaqqadhom u dan huwa li t-tnejn huma nies prattiċi, jfittxu li jaraw l-affarijiet isiru iktar milli sempliċement itawlu l-ħajja tagħhom fis-siġġu parlamentari.

6.         Alastair Campbell, li huwa assoċjat ma’ Blair u magħruf għall-fatt li kienet ħidmietu fil-midja li tat vantaġġ lil-laburisti, wara l-formazzjoni tal-koalizzjoni qal: “They have an inevitable honeymoon, as all new government do.  But when it comes to the crunch the splits will begin to show; and once the cracks start to show that will become a more intresting narrative for the media.”  Però, kontra dan hemm il-fatt li jridu, kif diġà bdew, jaffrontaw numru ta’ problemi li jafu li mhux ser ikun possibbli għalihom li jaħirbu.  Fost dawn hemm diversi miżuri fiskali xejn faċli biex jiġu mplimentati li jfissru qtugħ ta’ biljuni fl-infiq tal-Istat u żidiet fit-taxxa.  Dan ifisser li jkun żball politiku għalihom it-tnejn li jmorru lejn elezzjoni qabel jgħaddi t-terminu kollu tal-leġislatura.

7.         Il-politika fl-Ingilterra rat f’dawn l-aħħar xhur taqlib kbir, ma hemmx dubju.  Dak li jseħħ f’dawk il-gżejjer għandu effett fuqna wkoll, sija fuq livell kummerċjali, ekonomiku, turistiku u Ewropew.  Ma hemmx dubju li t-tmexxija ta’ Gordon Brown kienet sabet ruħha f’diffikultajiet kbar u dan naqqas mill-impatt li setgħet kienet kapaċi jkollha.  Il-bidla fl-amministrazzjoni ser tmissna mill-viċin.  Nittamaw li din twassal għal iktar stabilità ekonomika politika u paċi interna u dan għax l-Ewropa għandha bżonn ta’ pajjiż bħar-Renju Unit li huwa kapaċi li jinbidel u jipparteċipa attivament fil-kamp politiku kollu.



 Artikolu li deher fil-harga tal-Illum tal-11 ta Lulju 2010.

Djalogu mhux kundanna.



1.         Is-sejħa parlamentari lejn diskussjoni dwar is-suġġett tad-divorzju din il-ġimgħa okkupat parti mill-ħidma politika tagħna.  Wieħed jifhem li l-għan prinċipali kien dak li jitellgħa iktar 'il fuq dan il-punt, li f’pajjiżna ilu jiġu kkunsidrat minn numru ta’ persuni.  Mhux dejjem faċli li tersaq lejh, speċjalment meta hemm il-pre-kunċett li persuna li hija kattolika prattikanti ma tistax tifforma opinjoni oġġettiva.

2.         Il-familja, iż-żwieġ, l-inkwiet bejn il-miżżewġin, l-effetti pożittivi u negattivi fis-soċjetà m’humiex f’idejn dominju ta’ xi wħud, imma qegħdin fi ħdan il-poplu.  Hija l-komunità tagħna li tqis, tikkalkula, taqra u tosserva.  Iċ-ċittadin ta’ dawn il-gżejjer ma jitlaqx mill-ħsieb li hemm min jista’ jieħu sehem fil-formazzjoni tal-qafas legali neċessarju biex ikun hemm soluzzjonijiet u oħrajn le, iżda jaċċetta lil kulħadd.

3.         Fil-fatt, din il-mozzjoni tibda minn dan il-kunflitt.  Kunflitt li jqajjem il-mistoqsija fi ħdan dawk li jridu d-divorzju ta’ jekk humiex lesti li jaċċettaw opinjonijiet kuntrarji għal tagħhom u ma jippruvawx iwaqqgħuhom għaż-żufjett għax huma kattoliċi u m’humhiex konvinti li dan il-mekkaniżmu ser iġib il-ġid lis-soċjetà.  Aħna ngħixu f’soċjetà demokratika, libera, pluralista, sekulari m’hemmx dubju, imma dan ma jfissirx li l-argumenti jintrebħu bil-forza u mhux bil-persważjoni.

4.         Il-Partit Nazzjonalista ma qagħadx lura milli jiddibatti kull suġġett li jitressaqlu jew li jressaq.  Anzi, din il-ġimgħa wera l-abbiltà tiegħu li jwieġeb immedjatament, tempestivament għal sejħa li ma saritx fil-Partit imma barra, minn membru parlamentari tiegħu għad-diskussjoni.  Mhux talli ma ħrabniex imma affrontajnieha.  Biss, fil-kawtela u fil-linja ta’ attenzjoni li żammejna ħareġ ċar li ħadd ma kien qed jagħlaq lilu nnifsu għal djalogu ulterjuri jew li jkun b’xi mod intolleranti, magħluq għall-konvinzjoni.

5.         Id-dibattitu fuq dan is-suġġett dejjem qbilna li għandu jkompli jsir, però hemm id-dmir li l-pajjiż isir jaf il-fatti kollha.  F’ebda mument, la jien u lanqas ħaddieħor fil-grupp parlamentari ma rabat rasu u ddikjara li ma kienx miftuħ għall-persważjoni.  Anzi huwa aċċettat li ma hemmx pre-kunċetti imma l-bżonn li l-argumenti jsiru bir-raġuni u mhux bis-sentimenti, bl-użu tal-moħħ u mhux tal-qalb, billi jitħares l-interess mhux dak individwali imma dak tal-ġid komuni.

6.         Moħħna miftuħ għall-użu tar-raġuni u l-argumenti, m’huwiex magħluq.  Għalhekk huwa ċar u evidenti li l-partit ma ħariġx jikkundanna, anqas qabbad xi ġabra ta’ persuni sabiex jippruvaw ikissru lil min tkellem.  Ma ħriġniex ngħidu li ma nittollerawhx, anqas li m’aħniex lesti li naċċettawh jew li qbadna u qtajnih imma rrispettajnih bil-mod naturali, normali li bih ilna dawn is-snin kollha li daħħalna d-demokrazija nagħmlu.


7.         Il-poplu għandu d-dritt għall-aħjar sistema legali, għall-aqwa qafas soċjali u dan aħna għandna d-dmir li nagħtuh.  F’soċjetà żgħira bħal tagħna, fejn taqta’ fejn taqta’ joħroġ id-demm, dan il-grad ta’ responsabbiltà jogħla.  Jistgħu jippruvaw imaqdruna, iċekknuna, jistmerruna, imma xorta jibqa’ fuqna d-dmir li nibqgħu metikolużi, determinati biex dak li jsir ikun iħares li jġib lis-soċjetà 'il quddiem mhux b’mod materjali biss, imma prinċipalment mill-aspett tar-rispett tad-dinjità umana.  Li hu żgur hu li, kuntrarjament għal dak li sar mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fil-konfront tal-membru parlamentari Adrian Vassallo, aħna ma nikkundannawx imma niddjalogaw.

Artikolu li deher fil-gazzetti f'Lulju 2010.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...