2.6.14

Il-progress marbut mal-edukazzjoni



1.         Jingħad x’jingħad mid-diversi politiċi jew kittieba fil-gazzetti varji, ħadd ma jista’ jaħrab mill-fatt li dan il-poplu f’dawn l-aħħar għoxrin sena mexa ‘l quddiem proprju għax l-edukazzjoni ħadet ir-ruħ.  Mhux ser noqgħod niċċita d-diversi kittieba fuq dan is-suġġett bħal Horace Mann jew John Dewey.  Hemm fiċ-ċar rabta diretta bejn l-edukazzjoni, il-faqar materjali u d-demokrazija u din ħadd ma jista’ b’xi mod jaħrabha.  Il-Partit li qiegħed preżentement fil-Gvern qatt ma tilef il-viżjoni tiegħu fuq dan il-punt.  Baqa’ jemmen li aktar ma jinvesti fl-edukazzjoni aktar ser jeqred il-faqar intellettwali u materjali u jissoda l-istituzzjonijiet demokratiċi.

2.         Ħadd ma jista’ jiċħad li fl-1987 ġew meħuda numru ta’ deċiżjonijiet politiċi li għadhom sallum iservu bħala pedamenti sodi għas-sistema edukattiva tagħna.  Saru qabżiet kbar għax l-għerf, l-istudju, l-ispeċjalizzazzjoni, semmi dak li trid, kienu prijoritajiet assoluti.  Il-filosofija ta’ l-Istat Malti nbidlet ta’ taħt fuq.  Minn wieħed li ma kienx interessat fid-demokrazija għal wieħed li fehem li l-pajjiż ma jistax jikber mingħajr dan il-valur.  Minn wieħed li ried iħalli lura lill-ulied il-ħaddiem mit-tagħlim għal ieħor li ressaqhom quddiem nett.

3.         Ir-riżultati kienu, għadhom u jibqgħu kontinwi sakemm jibqa’ fil-Gvern dan il-Partit li jiġġieled sew sabiex ma jkunx hemm xeħħa mal-bżonn tal-edukazzjoni.  Id-deċiżjoni li tipprovdi studenti bi stipendji ma kenitx fl-għama.  Kienet u tibqa’ waħda li fiha ħafna sustanza għax mertu tagħha ferm u ferm iktar Maltin u Għawdxin li qabel ma kienux ikomplu jistudjaw ħadu formazzjoni universitarja.  M’għandniex ninsew kemm kienu dawk li kitbu għax kienu raw dan il-pass bħala attakk għall-pożizzjoni tagħhom.  Minflok, dan il-Partit Nazzjonalista żamm lilu nnifsu jemmen ġustament li qiegħed itella’ 'l fuq lil min huwa isfel, mingħajr ma jniżżel jew jumilja lil ħadd.  Ma kienx konservattiv, imma baqa’ dejjem iħares 'il quddiem.

4.         Il-kwantità kbira ta’ studenti li qed jistudjaw u ma jieqfux wara s-sekondarja żdied, irdoppja, trippla, kwadruppla u m’hawnx sena meta l-figuri marru lura.  Anzi, daħħalna l-MCAST li kompla assigura li ferm aktar studenti jkomplu fit-triq li jaħirbu mill-faqar intellettwali u materjali.  L-edukazzjoni f’dan il-pajjiż ipprovdiet f’dożi differenti iktar tixrid tal-għerf u żvilupp tal-persuna nnifisha fuq naħa u strumenti aħjar sabiex wieħed isib impjieg li jiżviluppa aktar il-bniedem u jrendi aktar.

5.         Il-bnedmin f’dawn il-gżejjer huma mimlija bid-don tal-prattiċità.  Ħafna jorbtu dak li jridu jistudjaw ma’ dak li jridu jservu fih fil-ħajja.  Il-pagi, d-dħul, iż-żieda fil-prodott gross nazzjonali żdiedu u telgħu 'l fuq f’dawn is-snin proprju għax is-sistema edukattiva kienet kapaċi tagħti u tipprovdi toroq ġodda.  L-abbiltà tas-sistema, l-flessibilità u l-kapaċità li tibni linji ġodda ta’ taħriġ u tagħlim f’suġġetti varji huma llum iċ-ċwievet li qed ikomplu jservu sabiex jibdlu dan il-pajjiż.  Ma sarx qafas wieħed, imma baqa’ jinbena’ u jiżviluppa.

6.         Anqas ħadd ma jista’ jgħid li hemm xi nuqqas fl-abbundanza ta’ ideat sabiex dak li għandna ntejbuħ.  Tisma’ l-aħbarijiet kuljum u tista’ ssegwi kemm dan huwa minnu.  Qed inkomplu nassiguraw li l-edukazzjoni ma tmurx b’xi mod lura.  Il-faqar jiġi attakkat fuq iż-żewġ livelli tiegħu bl-edukazzjoni.  Il-faqar intellettwali u materjali jintrebħu b’iktar edukazzjoni ta’ sustanza.  Is-sistema ma tistax tieqaf, trid tkompli.  Dan huwa poplu li mexa 'l quddiem, però jekk jieqaf imur lura.  Għalhekk nibqgħu determinati li nassiguraw aktar edukazzjoni għax din tassigura l-progress veru u mhux dak illużorju, bażat fuq ideat żbaljati.


Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tat-2 ta Lulju 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...