2.6.14

Qisu l-bieraħ.



1.            Dan il-pajjiż għandu ħabta li, l-ewwel, jinsa stejjer ta’ suċċess għalih; u t-tieni, li jintilef jitmaqdar.  Forsi, mhux ċert, li hija parti minn dak li aħna bħala poplu għax missirijietna ħallewlna t-tagħlim li min imaqdar jagħmel dan għax għandu interess hu li jixtri.  Juri bħala ħażin dak li jaf li huwa tajjeb u qiegħed jaħdem għax għandu interess li jieħdu f’idejh.  Il-politika Maltija mhix nieqsa minn dan l-element uman.

2.            Ngħid dan għax meta żżomm f’rasek tinduna kemm il-Gvern wettaq passi kbar għal din is-soċjetà li l-Oppożizzjoni tifhem tant li tara l-bżonn politiku li tpinġi ikrah dak li jaħdem.  Meta jsiru diskorsi kontinwi ta’ attakki varji fuq numru ta’ setturi, wieħed jinduna ferm iktar malajr kemm dawn m’għandhomx bażi meta tqishom mar-realtà.  L-iktar wieħed evidenti huwa s-servizz li jingħata ta’ kull siegħa ġewwa l-Isptar Mater Dei.

3.            F’jum it-twelid tal-Prim Ministru, proprju fl-1 ta’ Lulju 2007, kontra dak kollu li ngħad u kontra x-xewqat mhux dejjem eċċellenti tal-Oppożizzjoni ġie miftuħ uffiċċjalment dan l-Isptar.  Dan irrappreżenta qabża 'l quddiem fil-kwalità u l-livell tas-servizz mediku.  Altru dak li kellna fl-isptar l-antik ta’ San Luqa u altru dak li hemm fil-ġdid.  Ma hemmx dubbju li l-Gvern irrikonoxxa li kien hemm bżonn dan il-pass sabiex il-pajjiż igawdi minn dak li d-dinja waslet għalih fis-settur mediku, anzi f’numru ta’ setturi morna aktar 'il quddiem.

4.            Issa li ilna tlett snin f’din l-esperjenza posittiva, issa li l-poplu ilu juża jum wara jum, siegħa wara siegħa, issa li żdiedu s-servizzi, l-operazzjonijiet, il-kuri u issa li l-ambjent sħiħ inbidel ta’ taħt fuq il-pajjiż kollu jaf li dak li wettaq Gvern  Nazzjonalista mmexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien, għadu u ser jibqa’ taħtu wieħed eċċellenti.  Il-Maltin u l-Għawdxin li jużaw is-servizzi tiegħu, li jmorru jinviżtaw qraba, ġirien u ħbieb, dan jafuh.  Jaf li ma hemmx servizzi aqwa li huma b’xejn, imma l-Partit Laburista jibqa’, minkejja dan kollu jmerri s-sewwa magħruf u jmaqdru.

5.            Nammetti magħkom li ma nistax napprezza u nifhem biżżejjed din l-istrateġija politika, waħda li qisha turi li hemm min irrid jingħaqad ma’ min jista’ jkollu interessi oħra.  Ma nifhimx għala Ħadd wara Ħadd irridu nisimgħu żewġ messaġġi, l-ewwel li s-servizz fih xi ħaġa ħażina u t-tieni li dan mhux ser jibqa’ aktar b’xejn.  Il-poplu ċert li jisma’ u jgħarbel.  Jara li minkejja t-tmaqdir mhux ġustifikat, servizz eċċellenti baqa’ jingħata u dan il-poplu ma jħallasx tiegħu.

6.            Għaddew diġà tlett snin, qisu l-bieraħ u ma morrniex lura anzi l-ħin kollu nżidu fis-servizzi mediċi, fit-tipi ta’ operazzjonijiet u l-livell baqa’ jogħla 'l fuq.  Dan hu li dan il-Gvern kien u għadu kapaċi jagħmel.  Jagħti lil dan l-pajjiż servizz mediku li jirrispettah, dak li fl-opinjoni tagħna jixraqlu.  Min jipprova jmaqdru jiżbalja u jitlef fil-kredibilità politika tiegħu.  Is-saħħa għandu jkollna l-interess li nsostnuha u narawha dejjem aħjar milli hi.  Fortunatament, il-pajjiż dan jarah u jmissu b’idejh kuljum.  Jgħidu x’jgħidu dawk li jridu jmaqdru biex jixtru hemm kontriehom il-verità tal-fatti.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tat-2 ta Lulju 2010.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...