27.3.15

Konvinzjoni u Esperjenza’ Diskors tal-Profs.Roger Ellul Micallef.

Eċċellenza, Sinjuri,

            Meta Dr Mifsud Bonnici ċempilli, biex jgħidli li kienet waslet biex tiġi ippublikata l-awtobijografija li kien kiteb, nistqarr li ma kontx sorpriż, għax kont smajt li kien qed jaħdem fuqha tul dawn l-aħħar snin.  Iżda nammetti li ma stennejtx l-istedina ġentili tiegħu, biex inkun wieħed mit-tlett kelliema hawn illejla.  B’rispett kbir lejh ilqajt l-istedina tiegħu.  Wara bdejt naħseb ftit fuq in-numru ta’ laqgħat u diskussjonijiet li kelli miegħu matul is-snin. 

            Dan il-ktieb wasal għandi t-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra.  Xtaqt li kelli biżżejjed ħin biex inkun nista’ niflieh u nixtarru aħjar.  Wieħed, fil-verità, ma tantx ma jdum sabiex jinduna li dan hu ktieb li bilfors ħa ħafna żmien biex jinħema.  Il-kittieb żgur m’għandux bżonn l-ebda introduzzjoni minn naħa tiegħi.  Kittieb prolifiku, l-aktar b’ilsien pajjiżu, li għaraf iħaddem tajjeb ħafna.  Il-ħsibijiet, il-valuri, x-xewqat, it-tamiet, l-aspirazzjonijiet u l-kisbiet tiegħu huma magħrufa biżżejjed.  L-għejjun li xorob minnhom huma evidenti meta wieħed iqalleb fil-ktieb.  Il-figura ta’ ommu u l-valuri li żergħet fih u f’ħuh jidhru mill-ewwel ftit paġni tal-ktieb.  L-imħabba tiegħu lejn il-Letteratura, il-Filosofija, l-Arti, u naturalment il-Liġi ħadha mingħand missieru, il-Professur Carmelo Mifsud Bonniċi.  Dan ta ħafna lil pajjiżu u forsi ftit inqas lill-familja tiegħu.  Hija ħasra kbira, anke għax jidher li ma tantx ħa ħsieb saħħtu, li miet f’età relattivament żgħira, wara li sofra żewġ attakki ta’ puplesija li, fl-aħħar snin, tista tgħid, m’ippermettulu jagħmel xejn jew ftit.  Tant li Dr Ugo u ħuh kienu jittraskrivu n-noti fuq aspetti legali li kien jiddettalhom hu.  Xogħol ta’ amanuensis, li issa qed jipprovaw jiddeċifraw.  Il-papà, kiteb Dr Ugo, kien dejjem mimli kliem favur Malta u l-Maltin.  Wara mewtu, jgħid l-awtur, induna kemm missieru kien iħobb lil Malta, skond hu ‘b’imħabba sħuna.’  Il-figura ta’ missieru, il-Gross, tiddomina l-ewwel snin ta’ l-awtur u biċċa sew mill-ewwel terz tal-ktieb.  Dr Ugo stqarr – ‘L-ikbar eroj ta’ ħajti kien minn dejjem u jibqa’ missieri.’  Raġel, li minn student, kien jipposjedi kultura vasta u li għex fi żminijiet diffiċli meta Malta kienet kolonja Ingliża.  Meta l-edukazzjoni ingħatat ftit importanza għax donnu ma kienx hemm flus għaliha.  Il Gross kien politiku li qies lilu nnifsu, u ħadem, ta’ Nazzjonalist Indipendenti.

            Meta wieħed jiġi biex jevalwa b’mod kritiku awtobijografija, ta’ l-inqas, ngħid għalija, isibha pjuttost diffiċli joftom l-ktieb mill-kittieb.  Anki għaliex il-ktieb huwa frott ta’ ġabra ta’ aneddoti, ta’ esperjenzi u ġrajjiet li seħħu matul ħajjet il-kittieb.  Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li f’awtobijografija l-awtur ikun eżerċita ftit jew wisq ċerta awtoċensura u awtokritika kemm f’dak li għażel li jsemmi, kif ukoll, u forsi ta’ mportanza ikbar, f’dak li ddeċida li jħalli barra.  Mad-daqqa t’għajn ma tantx jidher li Dr U. Mifsud Bonniċi ħalla ħafna barra.  Kiteb xogħol ta’ aktar minn 1200 paġna.  Mill-għexieren ta’ awtobijografiji li jien qrajt matul is-snin, naħseb li l-ktieb li qed niddiskutu llejla jikser kull record ta’ tul.

            Fost dawk l-awtobijografiji li qrajt jien, hemm dik ta’ John Henry, Cardinal Newman, ippubblikata fl-1864, li għażel li jintitolha ‘Apologia Pro Vita Sua’.  Fiż-żminijiet klassiċi dan it-tip ta’ xogħol letterarju kien ikun intitolat Apologia, għaliex fih il-kittieb kien jittanta jiġġustifika dak li għamel f’ħajtu, aktar milli jipprovdi dokumentazzjoni tagħha.  Xi drabi kienet tkun miżjuda b’serje ta’ aneddoti, bħal, per eżempju, f’dik li kiteb wieħed mill-Founding Fathers ta’ l-Istati Uniti, xjenzat u ambaxxatur, skopritur ta’ l-elettriku, Benjamin Franklin, ‘The private life of Benjamin Franklin’, li l-ewwel kien ippublikat bil-Franċiż fl-1791 u sentejn wara inqaleb għall-Ingliż u ġie ppublikat f’Londra.  Jew tal-filosfu, ekonomista, u storiku skoċċiż David Hume, ‘The Life of David Hume.  Written by Himself’, fl-1777.  Dr Ugo Mifsud Bonniċi għażel għalih it-titlu ta’ ‘Konvinzjoni u Esperjenza’.  Ma nafx jekk l-esperjenza għandiex tiġi qabel il-konvinzjoni, għaliex jien naħseb, li ħafna drabi, din ta’ l-aħħar tkun imlewna minn ta’ l-ewwel.  Fil-ftit ħin li kelli biex inqalleb dan il-ktieb monumentali – monumentali mhux biss fit-tul – ħadt l-impressjoni li l-awtur għażel trattament li jinkludi ż-żewġ forom ta’ awtobijografija kemm dik ta’ ‘self justification’ kif ukoll dik ta’ ‘self documentation’.  Dan il-ktieb ikopri kemm il-ħajja, u, sa ċertu punt, anki żminijiet li fihom, għex il-kittieb.

Li hu żgur hu, li dan il-ktieb mhux sempliċement storja, narrativa tal-ħajja ta’ l-awtur.  Forsi fost ta’ l-ewwel minn din it-tip ta’awtobijografija kien il-ktieb ‘Vita’ ta’ Benvenuto Cellini (1558) u dik, ta’ dak li lili interessani għal ħafna żmien, Girolamo Cardano, tabib, matematiku u astrologu li ppublika ‘De Vita Propria’ fl-1576.  Il-problema b’din il-forma ta’ ktieb hi li ħafna drabi, xogħol, li minn natura tiegħu hu wieħed soġġettiv, awtur jistrieħ fuq il-memorja u din taf tilgħab l-iskerzi.  Il-qarrej, kurjuż ħa jara x’seta’ żvela l-awtur, ifittex ħa jara jiskoprix x’seta’ qerr il-kittieb, l-aktar fuq episodji li jikkonċernaw il-ħajja pubblika, soċjali u politika tal-pajjiż.  Ifittex jara jekk l-awtur għamilx qrara ġenerali – bħal forma ta’ ‘Confessiones’, ta’ Santu Wistin, li kiteb fis-seklu erbgħa, jew ‘Les Confessions’ ta’ Jean Jacques Rousseau, li ġie ppublikat fl-1782, erba’ snin wara mewtu.  Ma naħsibx li l-awtur tagħna għamel dil-forma ta’ qrara, anki għax forsi ħass li ma kellux bżonnha, imma numru ta’ ‘confessions’, qrar żgħir, għamel.  Fihom l-awtur kiteb fuq emozzjonijiet li ħass u sentimenti u nkwiet li għadda minnhom f’ċirkużtanzi partikolari u fi ġrajjiet speċifiċi.  Fost dawn, l-iktar li laqtitni hi x-xena fejn omm l-awtur telgħet il-qorti biex tieħu ġurament quddiem maġistrat, ex-kollega ta’ żewġha, li ma kelliex mi mnejn tħallas il-miżati rikjesti mill-Università fejn uliedha kienu jistudjaw.  Umiljazzjoni li l-awtur qal li ħalef li jagħmel minn kollox biex ħaddieħor ma jsofrix minnha ’l quddiem.  Fil-bidu tas-sebgħajnijiet tneħħew il-miżati mill-Università u meta Dr Ugo kien ministru ta’ l-edukazzjoni, kien forsi l-iktar ministru fil-kabinett li kien favur l-għotja ta’ l-istipendi.  Xi ħaġa li għadu jiġi kkritikat għaliha sal-lum.  Eżempju ċar ta’ esperjenza li sarraf f’konvinzjoni.  Mumenti diffiċli kellu wkoll f’ħajtu, bħal ma jkollu kulħadd.  Wieħed minn dawn, deskritt fil-ktieb b’ċerta delikatezza, kien meta mar, flimkien ma’ żewġ parlamentari oħra, għand Ġorġ Borġ Olivier, fl-eqqel tal-lejl, biex, f’isem il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jwassallu l-messaġġ li xtaquh jikkollabora ħalli jintgħażel suċċessur.  Jidher li baqgħet tidwi f’widnejn Dr Ugo dak li sellimlu bih fl-aħħar nett Dr Borg Olivier: ‘Jalla qatt f’ħajtek ma jiġu jgħidulek fil-ħdax ta’ bil-lejl, dak li intom ġejtu tgħiduli llejla.’

Aneddotti mżewqa b’ċertu umoriżmu dan il-ktieb fih ukoll.  Darba waħda, jirrakkonta l-awtur, missieru ħadu miegħu l-qorti.  Għal xi l-ħdax ħadu jieħu kafè.  Ordna tużżana pastizzi li minnhom Dr Ugo missu tnejn.  Inqasmu b’ċerta matematika preċiża, ħamsa minn kull sitta għall-Professur.  Meta waslu d-dar f’xi s-sagħtejn, qal lil martu li kienu mejtin bil-ġuħ, speċjalment Ugo.  Din lestitilhom froġa tal-pastard, li Ugo reġa’ missu minnha bl-istess proporzjon.

Dr Mifsud Bonnici dejjem emmen fl-importanza ta’ edukazzjoni wiesgħa bħala dritt fundamentali li għandha kull persuna.  Twemmin li kien stqarr seklu u ftit qabel, il-politiku Amerikan u riformatur edukattiv, Horace Mann: ‘I believe in a great principle of natural law which proves the absolute right of every human being to an education, and which, of course, proves the correlative duty of every government to see that the means of the education are provided for all.’  Fil-ktieb hu jagħti rendikont tas-sebgħa snin li għamel bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni – ministeru li ħafna drabi kien miżjud b’responsabiltajiet oħrajn, bħal per eżempju l-Intern, Żgħażagħ u Sport, l-Ambjent, Xandir, u Kultura.  Jidher li l-awtur jaqbel żgur mal-filosofu Stojku Grieg, Epictetus li għex fl-ewwel seklu wara Kristu, u li għal xi żmien kien skjav ta’ Ruma, li kien isostni li ‘Ħielsa biss huma dawk li ħadu edukazzjoni’, ‘Only the educated are free.’ 

Naqraw f’din l-awtobijografija ta’ Dr Ugo, kemm kien għal qalbu dan il-ministeru u kemm ma xtaqx li jitilqu biex jinħatar President tar-Repubblika.  Jien, ftit mill-ewwel ġranet ta’ wara li kien aċċetta dal kważi ‘poisoned chalice’, għexthom miegħu.  Niftakar li konna Madrid għal-laqgħa tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni għolja.  Jien, li ma kontx għadni Rettur, kont mistieden nattendi bħala rappreżentant tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, peress li dak iż-żmien kont Chairman tal-Kunsill fuq Problemi ta’ l-Università.  Dr Ugo kien hemm ma’ delegazzjoni żgħira Maltija li kienet tinkludi lis-Sur Nazju Abela.  L-għada jew il-pitgħada li konna hemm, waslet l-aħbar minn Malta, li Dr Ugo kien se jkun il-President il-ġdid.  Fraħtlu u rringrazzjani, imma ma kienx hemm għalfejn tkun tabib biex tinduna li ma kien kuntent xejn, biex ma ngħidx imnikket.  Żorna l-Escorial u Salamanka flimkien.  Ir-Rettur ta’ hemm kien ħabib tieghi, s-sena ta’ qabel kont qallibt fl-arkivji ta’ l-Università hemmhekk.  Dr Ugo interessa ruħu f’dak kollu li ra u sema’ iżda ma kienx il-Ministru li kont sirt naf.  Fl-awtobijografija jirrakkonta dan f’iżjed dettal. 

Intqal minn ċerti soċjoloġi u psikoloġi li awtobijografija toffri lill-awtur l-opportunità li jirrikreja l-istorja.  Xi għaxar snin ilu Berhegger Scott fl-essay tiegħu ‘Sublime inauthenticity: How critical is the truth in autobiography?’ kiteb li min jikteb awtobijografija ikollu ‘end point’ f’moħħu, li mill-bidu nett hu jkun irid jilħaq.  Din iġġielu, forsi, xi kultant mingħajr ma jintebah, li jagħżel u jinkludi biss, u nikkwota, ‘certain events of their life that will help shape the overall story of their life in order to reach said endpoint.  This raises the question of how true is this life story if you’re consciously excluding certain aspects of it.’  U jistaqsi Scott, ‘What gives us readers, the right to determine whether or not it’s considered true’.  Aħna li għexna biċċa sew ta’ żmien ma’ Dr Ugo, f’dan il-ktieb insibu rakkont veritier u dettaljat ta’ dak li seħħ u għadda minnu l-awtur.  Nikkonkludi dan l-aspett bil-vers tal-Manzoni mill-poeżija tiegħu ‘Il Cinque Maggio’ li kiteb fis-17 ta’ Lulju 1821 fl-okkażjoni tal-mewt ta’ Napuljun: ‘Ai posteri l’ardua sentenza.’  Il-ġudizzju aħħari fuq dan il-ktieb u fuq l-awtur, li tiegħu nistqarr li jien ħabib, għad jingħata, forsi b’mod iżjed oġġettiv minni, mill-ġenerazzjoni li jmiss.

Fl-epilogu tal-ktieb Dr Ugo Mifsud Bonnici jikkwota lil Albert Camus, awtur, ġurnalist u filosfu Franco-Alġerin, rebbieħ fl-1957 tal-Premju Nobel għall-Letteratura, li sostna li d-demokrazija hija l-eżerċizzju soċjali u politiku tal-modestja.  Dr Ugo jikkonkludi li l-istorja li rrakonta turi x’għamel fil-limitazzjonijiet kbar tiegħu.  Naħseb li ħafna minnkom – jekk mhux kulħadd – taqblu miegħi li l-awtur ta’ dan il-ktieb irnexxielu jwettaq ħafna għal pajjiżu u l-limitazzjonijiet tiegħu qatt ma kienu daqshekk kbar daqs kemm sostna.

Fl-aħħar nett, lil dawk li jħobbu jaqraw qabel ma jorqdu, nissuġerilhom li jakkwistaw jew jixtru leġiju, għax mhux faċli iżomm il-ktieb f’idejk għal tul ta’ żmien.  Ktieb mimli anedotti u ħsibijiet, mimli daqs bajda, bħal ħajja ta’ l-awtur, li minn meta kien għadu student awtodefinixxa lilu nnifsu Nazzjonalist indipendenti kif kien għamel missieru.  L-awtur jista’ jkun deskritt bħala patrijott li dejjem ħaseb b’moħħu, fittex is-sewwa u bl-ikbar sentimenti ta’ tolleranza evita l-konfronti u fittex jiddjaloga, bi kliem meqjus, ma’ kulħadd.  Grazzi.


KONVINZJONI U ESPERJENZA- diskors tal-Profs.Joseph M. Pirotta.

Ecċellenza, Mistiednin Distinti, Sinjuri,

Qarrejja ifaċċjati b’kotba ta’ ċertu tul, bħal mhu Konvinzjoni u Esperjenza ta’ Dr Ugo Mifsud Bonnici, ħafna drabi għandhom it-tendenza li assoċjaw it-tul ma’ toqol impenetrabbli ta’ ħsieb u stil ta’ kitba peżanti li tgħajjik. Min jagħmel ġuddizzju preliminari ta’ din ix-xorta fuq il-ktieb li qed ikun ippreżentat illejla jiżbalja. Ħsieb fih, u mhux ftit, iżda żgur mhux opak, anzi ċar daqs kemm hu ħafna drabi provokanti. Fuq kollox jagħti lill-qarrej l-opportunità li jixref wara l-kwinti, jidħol fil-kmamar tad-deċiżjoni, bir-riżultat li jikber fl-għarfien tal-grajjiet politiċi kontemporarji ta’ pajjiżna u ta’ xi wħud mill-personaġġi li sawruhom.
Dr Mifsud Bonnici għażel struttura sempliċi imma effettiva. Qasam il-ktieb fi tliet partijiet: tfulitu sar-rebħa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-1987; is-seba’ snin li dam ministru; u minn meta sar President lil ’hawn. Kull parti tiġġenera interess partikulari. L-ewwel waħda tgħin biex nifmhu x’sawwar lill-awtur biex sar Ugo, maħbub mhux biss fid-distrett tiegħu iżda rrispettat ukoll fil-kumplament tal-pajjiż. Nikkonnoxxu kemm kien influwenzat mill-ġenituri tiegħu. Naħseb li ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li bejnithom għaġnu l-forma mentis tiegħu. Lil missieru Ugo isejjaħlu ‘l-eroj ta’ ħajti’. Tilfu meta kellu biss sittax-il sena, iżda spiraħ permezz ta’ kitbietu u d-diskorsi politiċi tiegħu. Dawn imlewħ b’imħabba lejn pajjiżu u b’fervur biex itejjeb il-qagħda ta’ Malta u niesha. Missieru injettah ukoll b’ġibda lejn il-ġurisprudenza li tmur lil hinn mill-konfini tal-professjoni. Seddaq fih għozza għall-ilsien Malti, għall-letteratura u għall-Università ta’ Malta. Il-Gross ma kienx hekk biss fiżikament. Naraw lill-ommu, bit-tmun tat-trobbija ta’ wliedha f’idejha u għal bosta snin issosten tal-familja, iżżomm dejjem ’l bogħod mill-palk pubbliku. Madankollu sabet il-ħin biex tiżra f’uliedha l-ġibda lejn, u l-apprezzament tal-mużika klassika. Meta taqra u tixtar dwar is-snin bikrin ta’ l-awtur malajr tapprezza l-pedament sod li kellu qabel aċċetta l-istedina biex jittanta jilbes dak li huwa isejjaħ il-mantel ta’ tribun tal-poplu taħt il-bandiera Nazzjonalista.
Ħa d-deċiżjoni li joħroġ għall-politika, kontra l-parir ta’ ommu li kienet imġarrba. Fehem li kienet deċiżjoni li tirrikjedi impenn totali li qatt ma naqas li jagħti. Involva ruħu fil-partit mhux biss fuq livell distrettwali imma ukoll nazzjonali. Ikkontesta l-elezzjoni ta’ l-1966 u tela’. Ħa parti attiva fil-Parlament fejn wera interess partikolari fl-edukazzjoni, għalkemm dejjem baqa’ isegwi żviluppi f’oqsma oħra. Imbotta biex l-iskejjel sekondarji saru aċċessibbli għal kulħadd. Beda jikteb regolarment fil-gazzetti tal-partit u ħabrek biex dawn jikbru u jespandu. Kien parti mit-telfiet elettorali ta’ l-1971 u l-elf 1976, u mis-serqa ta’ l-elezzjoni minn ħalq il-Partit Nazzjonalista fl-1981. Fehem minn kmieni l-ħtieġa ta’ ri-organizzazjoni tal-partit, l-ewwel permezz ta’ eżerċizzju ta’ demokratizzazjoni interna u wara permezz ta’ bidla fit-tmexxijja. Issieħeb u kkolabora ma’ dawk ta’ l-istess ħsieb. Taħt it-tmexxijja ta’ Eddie Fenech Adami, u flimkien ma’ Guido De Marco, Louis Galea, Ċensu Tabone u oħrajn, Ugo ħabrek kemm felaħ biex il-Partit Nazzjonalista jevolvi politika moderna, aġġornata għall-ħtiġiet tal-pajjiż, u lesta biex tqiegħed fil-prattika pjani mirquma wara konsultazzjoni twila ma’ setturi differenti ta’ l-elettorat.  
Ippermettuli hawn niftaħ parentesi żgħira. Il-ktieb ifakkarna li minħabba li kien iħobb jitkellem fil-Parlament fuq kull suġġett in-naħa Laburista kienu laqqmhu lil Ċensu Tabone ‘il-melħa’. Jien u naqra l-ktieb u niltaqa’ mal-bosta personalitajiet qawwija li kienu jimilittaw fil-Partit Nazzjonalista għaddieli l-ħsieb li Eddie Fenech Adami ma kellhux għalfejn jitħabat wisq f’każ li jkollu bżonn ta’ niskata melħ.
It-tieni parti tal-ktieb tittratta l-ħidma ta’ Dr Mifsud Bonnici bħala Ministru. Fl-1987 kellu portafol mifrux li kien jinkludi barra l-Edukazzjoni, l-Libreriji, il-Mużewijiet, l-Isport, il-Kultura, iż-Żgħażagħ, l-Ambjent u x-Xandir. Fl-1992 ma’ l-Edukazzjoni kien mgħoti ukoll l-portafol ta’ l-Intern. Ikun tedjanti jekk hawn nipprova nagħti rendikont tal-ħidma mifruxa u ma’ taqta xejn ta’ l-awtur bħala Ministru. Biżżejjed ngħid li s-Sibtijiet kienu ukoll ġranet ta’ xogħol. Iżda lanqas ma nkun ġust jekk ma nfakkarx li meta Dr Mifsud Bonnici sar Ministru, l-Edukazzjoni kienet tinħtieġ taqliba mill-qiegħ. Ma kienx kwistjoni ta’ irtokki. L-iskejjel kienu għadhom ibagħtu mit-tilwima ma’ l-għalliema u mit-taqlib fl-edukazzjoni sekondarja. L-għalliema, bosta drabi disprezzati, kienu tilfu l-motivazzjoni. L-Università kienet ġiet ridotta għal rwol utilitarju strett li faga l-aspirazzjoni ta’ eluf ta’ żgħażaġħ. Li kien hemm meħtieġ ma’ kienx sempliċiment ‘il-bidla’, leit motif politiku tat-tmeninijiet, iżda revolużżjoni biex paradossalment tissostitwixxi l-kaos bil-kalma u l-armonija. Illum l-Universita kisbet għarfien internazzjonali wiegħsa u qed tfur bl-istudenti. Parti kbira mill-krettu trid tingħata lil Dr Ugo Mifsud Bonnici u lil mibki Professur Peter Serracino Inglott. Sar ħafna iżjed xoġħol f’ħafna oqsma, iżda nillimita ruħi għal żewġ referenzi oħra biss. Il-ftehim mal-Knisja dwar l-iskejjel u l-artijiet, li intlaħaq wara snin ta’ negozjati iebsin, u xogħol ta’ restwar f’bini u monumenti li xpruna l-ħidma li llum noħduha for granted.
L-aħħar parti tal-ktieb jittratta l-Presidenza. Dr Mifsud Bonnici isemmi is-sens ta’ xokk li ħass meta l-Prim Ministru insista li għandu jaċċetta l-ħatra. Jagħtina r-reazzjoni tiegħu meta kien avviċinat biex isir President. Jġħidilna, ‘Jien ksaħt’. Aktar tard, meta wasal is-siġil bil-vot tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari, Ugo iżid, ‘Niżluli msarni f’saqajja’. Minkejja kollox la darba ħa l-ġurament tal-ħatra mhedd għonqu għax xogħol bl-istess determinazzjoni u applikazzjoni li dejjem wera. Din il-parti tal-ktieb għandha l-interess partikulari tagħha. Jinfetħulna sensiela ta’ twieqi li minnhom nistgħu napprezzaw aħjar ix-xogħol utli li jagħmel il-President ta’ Malta. Għalkemm ma hiex ħatra li ġġorr magħha setgħa ezekuttiva, xorta waħda jekk użata bil-għaqal, tista tagħti kontribut ferm siwi għall-ħajja politika tal-pajjiż. Naħseb li wassal iż-żmien li l-pajjiż ma jitlifx l-esperienza kollettiva tal-Presidenti tagħna u tingħata l-opportunità fuq bażi kostituzzjonali biex ikomplu jagħtu kontribut lill-pajjiżna.
Konvinzjoni u Esperjenza hija awtobijografija, klassifikazzjoni letterarja li fiha l-awtur, permezz ta’ monologu, ipperreċ ħajtu, jew parti sostanzjali minnha, għall-eżami u l-kritika tal-qarrej. Dan hu eżerċizzju li jmur kontra l-istint uman, li jwasslu biex ’lil hinn mill-intimità taċ-ċrieki familjari, jibni ħajt ta’ difiża għall-privatezza tiegħu. Awtobijografija hija qrara pubblika li teħtieġ ammont sostanzjali ta’ onestà u kuraġġ għax is-siwi tagħha jista’ jkun kbir. Taf tagħti kontribut lejn l-istudju tal-letteratura, tal-filosofija, tax-xjenza naturali u fiżika, u ta’ l-istorja soċjali u politika ta’ pajjiż, fost oħrajn. Imma s-siwi aħħari tal-kontribut ta’ awtobijografija jistrieħ fuq il-ġudizzju li jagħmlu l-qarrejja dwar l-awtur u dwar il-valur ta’ dak li kiteb. L-ewwel ġudizzju x’aktax ikun influenzat mir-reputazzjoni, tajba jew ħażina, li diġa jkollu l-awtur. Reputazzjoni li tibqa’, tissaħaħħ jew tinbidel f’għajnejn il-qarrej waqt li jaqra dak li għandu xi jgħid il-protagonista. Ħafna jiddependi fuq il-frekwenza ta’ l-użu tal-maskri. Ikbar ma tkun it-trasparenza iktar soda tkun il-fiduċja tal-qarrej f’dak li għandu x’għid l-awtur. Fuq dan tiddependi l-valutazzjoni dwar is-siwi tal-ktieb bħala kontribuzzjoni lejn, per eżempju, għarfien aħjar ta’ l-istorja. Fuq dak li jgħid l-awtur, u ferm aktar importanti, fuq kif jgħidu, isir l-eżami tas-sinċerità u tal-kredibilità tiegħu.  Fi kliem ieħor il-qarrej jiddeċidi jekk hux ta’ min wieħed joqgħod fuq dak li hemm miktub jew le. L-istil ta’ kitba flimkien ma’ l-awtentiċità tal-vuċi jikkontribixxu b’mod qawwi lejn dan l-eżami ta’ fiduċja li minnu irid jgħaddi l-awtur.  
Dr Mifsud Bonnici jew Ugo, kif kulħadd kien isejjaħlu lil hinn mill-konfini formali, qatta’ tlieta u tletin sena fil ħajja pubblika – ‘deputat tal-poplu għal tmienja u għoxrin sena, ministru għal seba’ snin u President ta’ Malta għal ħames snin’. Iġorr miegħu perċezzjoni pubblika pożittiva anki fost l-ex avversarji politiċi tiegħu. Iżda l-iskrutinju ta’ l-awtobijografija tiegħu trid xorta tibda minn mistoqsija ċentrali: Kemm jista’ wieħed joqgħod fuq il-kontentut?
L-awtur ta’ xogħol awtobijografiku għandu kull dritt li jistabbilixxi l-parametri tal-wesgħat li se jimraħ fihom. Hekk jagħmel Dr Mifsud Bonnici meta fl-Apologia pro liber meus jiddikjara: ‘Dan il-ktieb fih mill-anqas dettalji dwar il-ħajja privata tieghi. Fih ħafna fuq l-ideat tieghi u ħafna iktar fuq il-ġrajja li għaddejt minnhom’. Jgħidilna ukoll li ‘hemm ġrajja li ma jkun ġara xejn jekk jibqgħu privati u xi ftit mistura’ iżda li hemm ‘oħrajn illi l-poplu għandu dritt li jkun jaf sewwa kif ġraw’. Iżid li ‘l-poplu għandu dritt ikun jaf dak li wettaq politiku li jkun ġie fdat bir-rappreżentanza, u iktar u iktar dak, li jkun b’xi mod eżerċita is-setgħa’. Għalhekk il-qarrej jaf x’għandu jistenna u x’mgħandux.
Kull min hu familjari ma’ l-istil ta’ kitba ta’ Dr Mifsud Bonnici, minkejja xi varjazzjonijiet minn żmien għal żmien, jaf li juża stil dirett, lineari fil-ħsieb u mingħajr ekwivoku. Dak li għandu jgħid dejjem qalu ċar, mingħajr diffikulta biex jinftiehem, dejjem mingħajr animożità personali. Jesponi l-ideat tiegħu, jikkritika dawk li ma jaqbilx magħhom, imma dejjem jattakka l-argument mhux il-persuna. Il-ktieb li qed ikun varat illejla jibqa’ fidil għal dan l-istil. Kull min jaf lil Dr Mifsud Bonnici, ddiskuta miegħu, semgħu jitkellem fil-Parlament, f’konferenzi jew f’meetings, jerġa jisma’ f’dan il-ktieb l-istess vuċi; tirrakonta, tispjega, tasal għall-konklużjonijiet waqt li żżomm lura mill-kliem iebes. Huwa ġeneruż fl-għarfien tal-kwaltijiet tajba ta’ bosta individiwi li ħadem magħhom mill-qrib jew li jafhom sewwa. Juri rispett partikulari lejn Eddie Fenech Adami meta jorbot ma’ l-elezzjoni tiegħu bħala mexxej tal-partit  din il-kwotazzjoni mill-poeżija Maud ta’ Lord Alfred Tennyson.
Ah God, for a man with heart, hand, head,
Like some of the simple great ones gone
For ever and ever by,
One still strong man in a blatant land,
Whatever they call him, what care I,
Aristocrat, democrat, plutocrat – one
Who can rule and dare not lie.

Fl-istess waqt Dr Mifsud Bonnici huwa ġentili fil-kritika ta’ l-avversarji politiċi tiegħu.
Fil-letteratura dak li bl-Ingliż jissejjaħ understatement ħafna drabi jintuża bħala kritika fina imma li taqta’. Għandna numru ta’ understatements fil-ktieb ta’ Dr Mifsud Bonnici iżda li jibqgħu biss mod ta’ espressjoni. M’humiex użati la biex inigżu u lanqas iweġġħu. Ħa nagħti eżempju. Dawk li għexu s-snin sebgħin u tmenin f’pajjiżna jafu li qabel ma sar Ministru l-awtur qatta sittax-il sena jikkumbatti, ħafna drabi f’ambjent ferm ostili, politika li aktar ma għadda ż-żmien aktar saret kuntrarju għall-prinċipji politiċi tiegħu. Politika u deċiżżjonijiet li kkawżaw tant firda u mibegħda fil-pajjiż, u li Dr Mifsud Bonnici ssielet kontra tagħhom b’ħiltu kollha. Jitkellem bla tlaqliq dwar bosta elementi ta’ diverġenza mal-politika ta’ Mintoff u l-partit immexxi minnhu. Opportunità bla qies, kieku ried, biex l-awtur idoqq il-kordi varji tal-kundanna. Mhux biss ma jagħmilx hekk iżda meta jirrifferi għal dak li seħħ f’dawk is-snin imqallba jirrikorri għal understatement par execellance. Imma understatement nieqes mix-xafra. Dawk l-azzjonijiet u dawk id-deċiżżjonijiet li kkawżaw tant saram isejjħilhom ‘xi ħwejjeġ li l-gvern preċedenti u xi nies tiegħu kienu għamlu fl-istorja politika tagħna’. Kważi kważi jistedinna biex infittxu l-intenzjoni tajba li mmotivat dawn ‘il-ħwejjeġ’. Għalhekk meta Dr Mifsud Bonnici jistqarr nuqqas ta’ ‘disprezz jew mibegħda lejn il-Partit Laburista’, il-qarrej jemmnu. U meta jisma’ lil Dr Mifsud Bonnici jilmenta li l-Presidenza kienet tfisser li se jitlaq it-tessera, li se jitlef ‘parti sostanzjali mill-libertà’ li jfisser ħsibijitu u ‘dan sa ċertu pont għal dejjem’, għax kif jispjega ‘la darba tkun President trid tkun ’il fuq mill-politika, anki wara’, jifhem għaliex dak l-understatement kolossali. Il-qarrej jemmnu. Jisma’ n-noti tal-verità u ta’ l-onestà, noti li jidwu tul il-ktieb kollu. L-artifiċjalità m’għandiex post f’dan il-ktieb. Fih Ugo jidher bil-karattru awtentiku tiegħu mdawwal minn kultura u valuri Kristjani u demokratiċi li hu iddefenda u ppromova b’ħiltu kollha.
Dr Mifsud Bonnici jelenka b’mod dettaljat dak li rnexxilu jagħmel mingħajr ftaħir narssistiku. B’jekk jiskarta n-nassa l-aktar komuni ta’ l-awtobijografija. L-ewwelnett qatt ma joqgħod lura biex jagħraf il-kontribut ta’ ħaddieħor. Nies fi ħdan il-partit, fiċ-Ċivil, professjonisti, nies tas-sena u membri tal-Kabinett, li kellhom parti jew kienu ta’ għajnuna biex l-idea, l-proġett jew il-leġiżlazzjoni li kien qed jimbotta iseħħu. Apprezzament li qatt ma hu mqanżaħ, dejjem sinċier u spontanju. Mhux hekk biss. Bħal ma joqgħodx lura milli jsemmi dak li sar b’suċċess, anqas ma jaħsibha darbtejn biex jgħidilna dwar inizjattivi li ma waslux sa fejn xtaq, jew li fallew, jew li baqgħu pjanijiet fuq il-karta, tir għall-futur. Dan ikompli jżid il-kredibilità tal-ktieb u ukoll l-importanza tiegħu.
Insemmi biss żewġ materji li fil-ġudizzju tiegħi iżejnu dan il-ktieb, ta’ l-ewwel anqas tanġibbli mit-tieni. Iserrep minn kapitlu għall-ieħor għandek issib l-istimulu kontinwu tal-ħsieb. Il-ktieb jipprovoka evalwazzjoni kontinwa dwar l-importanza tal-letteratura, l-mużika, l-arti u forom oħra ta’ kultura u dwar l-valur tagħhom fil-ħajja tal-bniedem. Iġgħielek taħseb dwar is-sistema tal-ġustizzja, dwar l-edukazzjoni, dwar s-soċjetà, dwar l-politika Maltija u dwar l-valuri li jżejnu lill-bniedem. Anki dikjarazzjonijiet li mad-daqqa ta’ għajn jistgħu jidhru ovvji jqanqlu l-ħsieb. Nikkwota eżempju wieħed minn bosta. ‘Min ikun għadu tiela fil-Gvern, ikun għadu ma nessiex il-krib taċ-ċittadin li jisma’ min ikun fl-Oppożizzjoni. Min jilleġisla jeħtieġ li jħares miż-żewġ naħat’. Il-qarrej ta’ dan il-ktieb jista’ jikseb għarfien aħjar tal-komplikazzjonijiet burokratiċi, mhux dejjem bla neċessità, li ħafna drabi joħolqu frustrazzjoni għaċ-ċittadin imma ukoll għall-leġislatur. Il-ktieb jista’ jwassal ukoll biex aktar nies japprezzaw is-sagriffiċju li l-impenn għall-ħajja politika jesiġi minn min jidħol għaliha u, żgur mhux anqas, mill-familji tagħhom.
Konvinzjoni u Eserperjenza jikkontribbwixxi b’mod importanti għal għarfien aħjar ta’ l-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-aħħar f’sensiela qasira, imma li qed titwal, ta’ memoires, awtobijografiji u bijografiji, minn u dwar politiċi. Kollha jgħinu biex aħna nagħmlu ġudizzju aktar sħiħ u ġust dwar il-motivazzjoni, il-ġustifikazzjoni, l-viżjoni u l-aġir tal-politiċi tagħna. F’dan il-ktieb hemm, fost ħwejjeġ oħra, ħafna xenetti li jitfgħu dawl fuq it-tensjoni li kemm-il darba timmanifesta ruħha fir-relazzjonijiet bejn membri ta’ l-istess partit. Iktar ma tkun b’saħħitha l-personalità ta’ l-individwi konċernati, ikbar it-tensjoni. Kontribut ieħor li jgħin biex nifmhu aħjar ġrajjiet artna. Nistqarr li bħala wieħed li l-istorja ta’ Malta tinterressani ħafna għall-bidu kont sorpriż kif inċidenti mportanti li wasslu biex pajjiżna jibdel ir-rotta, bħal l-incidenti ta’ tal-Barrani, l-qtil ta’ Raymond Caruana, l-ħruq tat-Times of Malta u issakeġġ tad-dar ta’ Dr Eddie Fenech Adami, ma jissemmewx. Iżda meta spiċċajt il-ktieb fhimt. Irrid nirreġistra ukoll kif f’dan il-ktieb naraw l-iżvolġiment fil-prattika ta’ ideologijja u ta’ viżjoni politika li wasslet għal tibdil mill-għeruq fis-soċjetà Maltija, fil-livell ta’ l-għixien tagħna, fil-perspettiva u l-aspettativa kollettiva. Jipprovdina bl-opportunita biex naraw mnejn tlaqna u fejn wasalna u biex nirriflettu sew fuq fejn nixtiequ naslu. Kull min għandu l-iċken interess fl-istorja ta’ Malta għandu jaqrah.
Lejn l-aħħar tal-ktieb l-awtur jikkwota d-definizzjoni tad-demokrazija ta’ Albert Camus: ‘Id-demokrazija hija l-eżerċizzju soċjali u politiku tal-modestja’. Ftakart fil-ktieb, Albert Camus. The Artist in the Arena ta’ Emmet Parker. Parker targumenta li Camus kien jemmen li ‘l-ħsieb primarju ta’ l-azzjoni politika għandha tkun li tissalvagwardja dawk id-drittijiet li jippermettu lill-individwu l-liberta massima kompattibbli mal-ġustizzja biex l-individwu jkun jista jieħu vantaġġ mill-potenzjalita sħiħa għal kuntentizza’. L-awtobijografija ta’ Dr Mifsud Bonnici turina li missjoni prinċipali ta’ ħajtu kien l-attentat biex jirrendi d-demokrazija, l-ħelsien u l-ġustizzja permanentament kompatibbli. Nissuġġerrixxi ukoll li l-esperjenza politika tiegħu twasslu biex jaqbel ma’ dak li qal George C. Marshall li ‘d-demokrazija hija mod ta’ gvern li l-aktar li titlob mingħand l-individwu enerġija, immaġinazzjoni u spirtu pubbliku’. Kien ta’ ġid għall-kostitwenti tat-Tieni Distrett u għall-pajjiż kollu li Dr Ugo Mifsud Bonnici kellu abbundanza tat-tliet kwalitajiet.
Il-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici huwa bniedem ta’ kultura kbira, letterarjja, artistika u mużikali; ħassieb oriġinali li qatt ma jieqaf jistaqsi; bniedem mixgħul mis-sens ta’ vokazzjoni u missjoni, li jistmerr l-inġustizzja, soċjali u ġuridika, u dejjem lest biex jiġġildilha; bniedem li ta kontribut sostanzjali lejn l-iżvilupp ta’ Malta. Bniedem li għamel differenza. Konvinzzjoni u Esperjenza huwa xhiedha affaxxinanti dwar il-bniedem li għamel din id-differenza u l-metodi li jagħżel biex jaraha sseħħ. Grazzi lill-awtur. Grazzi lil Klabb Kotba Maltin għall- pubblikazzjoni.
Grazzi lilkom sinjuri li segwejtuni.


Joseph M. Pirotta

18 ta’ Marzu, 2015

24.3.15

Toroq ġodda u tajbin jagħmlu differenza għar-residenti tal-Iklin.




Ir-residenti tal-Iklin qed igawdu minn toroq ġodda u tajbin li saru fl-aħħar tliet snin mill-Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista. Din hija differenza waħda biss li Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista kien kapaċi jagħmel.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Triq Geronimo Abos fl-Iklin, waħda mit-toroq li saru fl-aħħar tliet snin, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit ta ħarsa lejn id-differenza li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar tliet snin fl-Iklin.

Beppe Fenech Adami spjega kif anke l-fondi tal-Unjoni Ewropea kienu importanti fil-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Iklin. Fil-fatt, b’dawn il-fondi, sar ħitan tas-sejjieħ madwar il-kampanja fl-Iklin, kif ukoll saru żewġ proġetti fi Triq Patri Marjanu Vella u Triq il-Wied.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ta ħarsa wkoll lejn id-diversi xogħlijiet li saru fuq bankini kif ukoll fuq toroq fil-lokalità tal-Iklin. Fost dawn wieħed isib Triq Patri Marjanu Vella, Triq il-Klin, Triq Ċensu Busuttil, Parti minn Triq S. Erardi, Parti minn Triq il-Wied, Triq in-Namur, Parti minn Pjazza Ninu Cremona, Patri minn Triq Geronimo Abos, Parti minn Triq il-Mużika, kif ukoll Parti minn Triq Ġuże’ Ellul Mercer.

Is-suċċess ta’ Kunsill Lokali, qal Beppe Fenech Adami, jitkejjel meta jkollok numru kbir ta’ gruppi u għaqdiet li jipparteċipaw fl-attivitajiet organizzati mill-Kunsill. Hekk ġara f’Festa Fjuri, fejn minbarra l-għaqdiet tal-lokalità, pparteċipaw ukoll il-Knisja, l-Iklin Scout Group kif ukoll l-Lija-Iklin Football Nursery.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem tal-Kunsilli Lokali, ż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius irringrazzja lill-Kunsilliera attwali kif ukoll liż-żewġ kandidati żgħażagħ li huma ġodda u awgura li Kunsill Lokali ġdid ikompli jibni fuq dak ta’ qablu, jiġifieri li jagħmel differenza fil-ħajja tar-residenti tal-Iklin.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku tal-Iklin Anthony Dalli kif ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

24.03.15


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – MAĦFRIET PRESIDENZJALI.


15393. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni f’dawn l-aħħar 24 xahar li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiskontaw sentenza ta’ ħabs li ġew rilaxxati wara li ġiet milqugħa t-talba għall-maħfra presidenzjali? Jekk iva, kemm kienu dawn il-persuni?

17/03/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika maħfra presidenzjali li ngħatat f’dawn l-aħħar 24 xahar, li fiha kien irrilaxxat priġunier kien nhar il-24 ta’ Jannar 2014.

Seduta  254
24/03/2015


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – ĦABSIN.


15392. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid, separatament, kemm kien hemm rġiel u nisa li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tul is-snin 2013 u 2014?

17/03/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2013 kien hemm 61 mara u 606 raġel filwaqt li matul is-sena 2014 kien hemm 42 mara u 589 raġel.

Seduta  254

24/03/2015

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – AMNESTIJI.



15391. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu qed jiskontaw piena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bbenefikaw jew mistennija jibbenefikaw sal-aħħar ta’ din is-sena mill-amnestija li ġiet mogħtija fil-bidu ta’ din il-leġiżatura? Jista’ jindika wkoll in-natura tar-reat li kienu nstabu ħatja tiegħu?

17/03/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-amnestija li ġiet mogħtija fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura bbenefikaw 606 persuni. Dwar l-aħħar domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2713.

Seduta  254

24/03/2015

X’forom ġodda ta’ politika?



1.      Qbadna s-sentejn diġà minn meta pajjiżna għażel fil-libertà li jibdel lil min imexxi lil dan il-poplu.  F’din il-leġislatura, li qisha ma’ kull ġurnata għadha trid tibda verament timxi, jfisser konsegwentament li jonqosha issa tlett snin u f’termini matematiċi għaddew 40% tagħha.  Kif għaddew ta’ qabel jgħaddu dawn ukoll.  Il-problema ma hix fil-ħin innifsu, iżda f’dak li qiegħed isir fih.  Hawn opinjonijiet varji fuq dak li seħħ, dak li għadu qiegħed jiġri u dak li ġej għalina.  Hemm dawn l-ideat li jħarsu naħa u oħra, li xorta waħda nistgħu nisiltu numru ta’ punti minnhom.  Hawn żgur differenti, metodi oħra ta’ kif issir il-politika f’dawn il-gżejjer.  Hawn ukoll iktar fiċ-ċert aġir li huwa marbut ma’ reazzjonijiet kostanti għal dak li għada fil-leġislatura preċedenti.  Hawn ukoll ħidma li hija marbutama’ dak li amministrazzjoni trid tagħmel ma’ dak li kien hemm qabel, dak li kien tajjeb u jekk għandhiex l-għaqal li tħallih mhux minsus.

2.      L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħatejn minn meta l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ppubblika rapport dwar dak li seħħ mal-kwistjoni tal-Cafѐ Premier ħallew numru ta’ domandi u qajmu numru ta’ diskussjonijiet.  Il-kwistjoni prinċipali f’dan kollu timmira lejn x’tip ta’ tmexxija politika għandna bħalissa fil-pajjiż.  Ħadd bla ebda mod ma huwa jikkontesta li l-Prim Ministru attwali għandu appoġġ popolari qawwi warajh.  Ħadd anqas ma huwa ser joqgħod javvanza attakki f’livelli żbaljati.  Biss inkunu qed ngħixu f’dinja oħra jekk ma naċċettawx li ħafna, sija dawk li vvutawlu u sija jekk le, qed jistaqsu x’forma differenti ta’ politika għandna llum.  F’demokrazija moderna u Ewropea bħal tagħna hemm min qiegħed jistaqsi jekk ħidmet, l-involviment tal-Prim Ministru fil-każ kienx f’postu jew le?

3.      Diġà għandna quddiemna problema ta’ demokrazija li għalija hija waħda fundamentali.  Tmexxija demokratika ma hix waħda monarkika, iżda hija kolleġġjali.  F’dawn l-erbgħa u għoxrin xahar, ma’ kull ġurnata ħareġ ċar li d-deċiżjonijiet jiġu meħuda f’Kastilja u eżegwiti mill-ministri.  Il-punt huwa: b’maġġoranza bħal din, il-Prim Ministru għandu kull saħħa parlamentari u elettorali biex ineħħi lil dawk li jippruvaw jew verament jgħidu le.  Il-kalkolu ġenerali minn barra huwa li min ma jbaxxix rasu, jitlifha.  Ilkoll nafu li mhux kull ma joħroġ minn uffiċċju wieħed ġewwa Kastilja huwa tajjeb.  Biss, ma hemmx min qiegħed jipprova jżomm lura din il-linja.  Din is-sakra li qed twassal għal konċentrazzjoni anti-demokratika tal-poter li tieħu għal iktar deċiżjonijiet li ma humiex tajba u li ma humiex ma’ idejn il-poplu.  L-istorja turi li kull partit li jħalli ‘l-mexxej tiegħu jieħu dawn il-passi politiċi jkun qed jiżra l-bidu tat-tmiem tiegħu.  Il-poter politiku fis-sistema demokratika bażata fuq ir-rappreżentanza parlamentari trid li d-deċiżjonijiet jiġu, l-ewwel diskussi, ikun hemm kunsens fuqhom u wara jiġu implimentati.

4.      Il-kontra kif qegħdin naraw, iwassal għal żbalji kbar.  Jaqsmu l-partit u mhux dejjem jikkonċentraw, isaħħu jew jissudaw il-poter.  Dawn il-jiem urew li l-kap tal-pajjiż sabu ruħu f’pożizzjonijiet skomdi.  Il-konsegwenza tal-fatt li deher li qed jieħu “interess partikolari” f’xenarji li jfakkru f’dawk li jidħu għalihom is-sensara tinkwetana.  Konna nippreferu li ma jkunx hemm dan il-partit fil-Gvern, però jekk qiegħed hemm nippretendu li jimxi b’serjetà u b’aġir li huwa kompatibbli mal-pożizzjoni uffiċjali li wieħed jokkupa.  Meta persuna tieħu l-ġurament li ser isservi lill-pajjiż tkun qed tieħdu fil-konfront ta’ kull persuna u mhux ta’ naħa biss.  L-operazzjoni mhix ċara u l-istess rapport fetaħ bibien ġodda li jitolbu aktar stħarriġ.  L-agħar żgur li l-persuna li għandha tkun id-difensur li dawn l-inkorrettezzi ma jsirux, li għandu jkun dak li jissorvelja, sab ruħu fiha sorveljat minflok minn oħrajn.  Huwa jgħid għax għaġġel.  Dan huwa ċar, imma xorta jibqa’ aġir li l-ingliżi jiddefinixxu bħala “conduct unbecoming”.

5.      Il-Prim Ministru daħħal lilu nnifsu fi sqaq politiku li fih effetti negattivi.  Diversi qed jistaqsu jekk din il-linja tfissirx ukoll li ġiet kompromessa l-linja għas-sewwa li kull min imexxi jrid ikollu.  Il-pajjiż jimxi ‘l quddiem fuq iż-żerriegħa t-tajba.  Għalhekk irid żgur jikkumbatti dak li huwa żbaljat, dak li jmiss ma’ min iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-forzi ta’ dawk li huma kontra dak kollu li huwa sew u ġust.  Hemm aġir anti-legali, anti-demokratiku varju li jitolbu li wieħed jikkumbattihom, inkella jmorru l-baħar ħwejjeġ oħra.  L-eżami fuq ħidmet it-tmexxija ta’ Kastilja, u l-aktar fuq il-linja ta’ prinċipju li din tieħu kiber sew.  Dak li qabel kien aċċettat issa ser jibda’ jiġi mistoqsi.  Dak li ftit kienu jiddubitaw issa hemm ferm iktar minnu.  Dan huwa żbaljat u ser ikompli jagħmel il-ħsara.

6.      Il-kwistjoni hija serja ħafna.  Ikun żball jekk xi ħadd jipprova b’xi mod iċekkinha.  Trid tiġi affrontata.  Garanziji għall-futur iridu jidhru.  Il-poplu ma huwiex konvint li dak li sar seħħ verament għall-ġid tiegħu.  Hawn jeżisti bank ta’ prova oħra li mhux qiegħed jinqabeż.  Il-pajjiż jixraqlu li tingħadlu l-verità, li jiġi infurmat b’kollox.  Kif kawża li kienet pendenti ġiet ċeduta, u kif sar dan il-pagament kollu wieħed irid iktar informazzjoni.  Il-bnedmin, f’sistema legali u demokratika huma vitali, però ma humiex ‘il fuq mil-liġi.  F’dan għalhekk hemm żgur pożittiv li l-pajjiż għandu wirt ta’ gvernijiet passati b’uffiċċju bħal dan li għamel dmiru.  Li kieku ma kellniex dan bis-snien li tajnih, kieku kollox baqa’ fejn kien.  Kieku ma kienux joħorġu anke emails minn id l-istess Prim Ministru.  Biss, jekk irridu nħarsu ‘l quddiem, jekk irridu nimxu u nġibu lura l-fiduċja fl-istituzzjonijiet għandna dritt li ningħataw spjegazzjonijiet sħaħ u l-Gvern għandu dmir li jersaq quddiem bihom biex il-ħsara li saret tonqos.  Dan huwa punt determinanti fil-ħajja ta’ dan il-Gvern, skont kif ser jaġixxi llum ser jiġi ġudikat għada.  F’idejh biex juri.


23.3.15

KAŻIJIET TA’ VJOLENZA DOMESTIKA



15390. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew investigati każijiet ta’ vjolenza domestika u kemm persuni tressqu persuni l-Qorti fis-snin 2013 u 2014 separatament fuq dan ir-reat? Jista’ jiġi indikat kemm kien hemm minn dawn il-każijiet li kienu każijiet ta’ vjolenza fiżika u kemm minnhom ta’ psikoloġika?

17/03/2015


  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmati illi matul is-sena 2013 ġew irrapportati lill-pulizija 1,024 każ li jinvolvu vjolenza domestika filwaqt li fis-sena 2014 ġew irrapurtati 1,048 każ.  Infurmat ukoll li matul is-sena 2013 tressqu 784 każ quddiem il-Qorti tal-Familja filwaqt li fis-sena 2013 tressqu 778 quddiem l-istess qorti.

Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi fejn saru ir-rapporti kif ukoll fhiex kienu jikkonsistu u cioe fejn kien hemm vjolenza fiżika u kemm minnhom każi psikoloġiċi, kif mitlub mil-Onorevoli Interpellant.

Seduta  253

23/03/2015

IL-FGURA – KWALITÀ TAL-ILMA



15388. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13616 u 14849, jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-eżamijiet dwar il-kwalità tal-ilma fil-Fgura. billi għad hemm l-ilmenti fuq dan?

17/03/2015

  ONOR. KONRAD MIZZI:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal-villaġġi kollha f'Malta u Għawdex, it-testijiet tal-ilma fil-lokalita' tal-Fgura jsiru kull xahar.

Seduta  253

23/03/2015

UNIVERSITÀ TA’ MALTA - KORS TA’ PROKURATUR LEGALI - STIPENDJU



15387. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ prokuraturi legali fl-Università ta’ Malta għadhom mhux qed jirċievu stipendju?

17/03/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk l-istudenti Universitarji reġistrati għall-kors LLB u li jagħżlu li filwaqt li jkunu qed jagħmlu sena addizzjonali  għall-kors imsemmi jagħmlu wkoll programm full time b’60 credit li jwassalhom għal Diploma ta’ Prokuraturi Legali minn din is-sena skolastika bdew jitqiesu bħala eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u dan wara deċiżjoni tal-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-iStudenti. Id-dettalji ta’ dawn l-istudenti qed jiġu proċessati għall-ħlas b’lura mill-bidu ta’ din is-sena skolastika.

Seduta  253

23/03/2015

B. SC. CREATIVE COMPUTING - STIPENDJU


15386. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ B. Sc. Creative Computing fl-istituzzjoni, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadhom mhux qegħdin jirċievu stipendju?

17/03/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li l-istudenti li qed isegwu kors undergraduate u li applikaw taħt l-MGUS scheme kollha tħallsu u għadhom qed jitħallsu inkluż dawk li qed jattendu għall-kors ta’ B.Sc. Creative Computing fl-Istitut indikat mill-Onor. Interpellant u li kienu eliġibbli u li  kellhom id-dokumentazzjoni kollha kif rikjesta fir-regolamenti annessi mal-istess applikazzjoni. Huma biss dawk l-istudenti li applikaw u li għadhom ma pprovdewx id-dokumenti obbligatorji li għadhom mhux jirċievu stipendju. Sakemm id-dokumenti ma jiġux provduti lill-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, l-ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed u d-dettalji tal-istudenti ma jkunux jistgħu jiġu proċessati għall-ħlas.

Seduta  253
23/03/2015


PERSUNI JIRREĠISTRAW FL-EWWEL PARTI TAR-REĠISTRU - STATISTIKA



15385. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14852, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014 skont l-NSO press release 181/2014 sabu xogħol fis-settur pubbliku u fis-settur privat sal-aħħar ta’ Jannar 2015?

17/03/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014, 841 persuna sabu xogħol sal-aħħar ta’ Jannar 2015. Minnhom 777 persuna sabu xogħol fis-settur privat filwaqt li 64 persuna sabu xogħol fis-settur pubbliku.

Seduta  253

23/03/2015

L-innovazzjoni hija ċ-ċavetta tal-futur ekonomiku ta’ pajjiżna.



Pajjiżna jrid ikompli jittrasforma l-ekonomija tiegħu billi joħloq klima ekonomika u infrastruttura industrijali li tgħin it-twaqqif u t-tkattir ta’ intrapriżi innovattivi. Aktar minn qatt qabel l-innovazzjoni se ssir il-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, f’dinja dejjem aktar globalizzata u kompetittiva.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech meta kien qiegħed jindirizza numru ta’ studenti li kienu qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-ICT bl-isem The Million Dollar Idea li ġiet organizzata mill-ICT Students’ Assocation fl-Università.

Grech qal li t-tkabbir ekonomiku jiddependi minn investiment kontinwu; l-investiment jista’ jikber biss jekk min qed jinvesti jkollu l-fiduċja li f’pajjiżna l-Gvern qiegħed imexxi r-riformi neċessarji biex jittrasforma l-ekonomija tagħna f’waħda innovattiva.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjoni li fl-aħħar snin, pajjiżna kien qabad pass tajjeb. Pajjiżna rreġistra l-ogħla żieda ta’ intrapriżi innovativi fl-Unjoni Ewropea fit-tliet snin bejn l-2010 u l-2012, meta mqabbel mat-tliet snin ta’ qabel. Dan joħroġ minn statistika ppubblikata ricentament mill-aġenzija internazzjonali tal-istatistika, l-Eurostat. Dawn il-kisbiet huma riżultat ta’ viżjoni ċara u ħidma ffukata fuq il-ħolqien ta’ numru ta’ setturi ta’ valur miżjud għoli.

Huwa f’dan l-isfond li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jappella lill-Gvern biex jifrex il-pjan ekonomiku tiegħu b’mod partikolari b’rabta ma’ dawk is-setturi l-aktar importanti.

Hemm bżonn li nfasslu fejn irridu nieħdu l-ekonomija ta’ pajjiżna għaxar u ħmistax-il sena oħra sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun proċess naturali mingħajr skossi li jgħaqqad ġo fih il-politika tal-pajjiż kollu li jaħdem biex f’pajjiżna jinħoloq dejjem aktar ġid, temm jgħid Claudio Grech.

23.03.15


11.3.15

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Victor Galea Pace.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Victor Galea Pace li ħalla din id-dinja matul il-lejl li għadda.

Victor Galea Pace kien ġie elett fil-Parlament Malti fl-1996 u fl-1998 fuq il-biljett tal-Partit Nazzjonalista. Hu kien ukoll l-ewwel Sindku tar-Rabat Għawdex.

Victor Galea Pace jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu fil-belt kapitali ta’ Għawdex kif ukoll għal-lealtà lejn il-Partit u lejn il-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Galea Pace f’dan il-mument diffiċli.

07.03.15


PERSUNI JIRREĠISTRAW FL-EWWEL PARTI TAR-REĠISTRU - STATISTIKA



14852. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: B’referenza għall-aħħar statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni, li kienu ilhom jirreġistra fl-ewwel parti tar-reġistru inqas minn 21 ġimgħa (ħames xhur), sabu impjieg fis-settur pubbliku u kemm f’dak privat?

25/02/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li matulu jridu jittieħdu l-ħames xhur. L-istatistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tagħmel referenza għall-istock ta’ reġistranti u mhux il-flow.

Seduta  247

09/03/2015

9.3.15

SAN ĠILJAN – RAPPORTI TA’ REATI TA’ FRODI U FALSIFIKAZZJONI FL-GĦASSA TA’ SAN ĠILJAN.



14658. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ frodi u falsifikazzjoni fl-Għassa ta’ San Ġiljan tul is-snin 2013 u 2014?

23/02/2015

ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi n-numru globali ta’ reati ta` frodi u falsifikazzjoni rrapportati lill-Pulizija fir-rigward tal-lokalita’ ta’ San Ġiljan  għal matul is-sena 2013 kien jammonta għal disgħa u tletin (39) każ, filwaqt li matul is-sena 2014 ġew irrapportati erbgħa u għoxrin (24) każ.

Seduta 244
02/03/2015


MOSTA – RAPPORTI TA’ REATI TA’ FRODI U FALSIFIKAZZJONI FL-GĦASSA TAL-MOSTA



14657. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ frodi u falsifikazzjoni fl-Għassa tal-Mosta tul is-snin 2013 u 2014?

23/02/2015

ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi n-numru globali ta’ reati ta` frodi u falsifikazzjoni rrapportati lill-Pulizija fir- rigward tal-lokalita’ tal-Mosta  għal matul is-sena 2013 kien jammonta għal ħmistax (15) il-każ, filwaqt li matul is-sena 2014 ġew irrapportati erbgħatax (14) il-każ

Seduta 244
02/03/2015


SLIEMA - RAPPORTI TA’ REATI TA’ FRODI U FALSIFIKAZZJONI FL-GĦASSA TA’ TAS-SLIEMA



14656. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ frodi u falsifikazzjoni fl-Għassa ta’ Tas-Sliema tul is-snin 2013 u 2014?

23/02/2015

ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi n-numru globali ta’ reati ta` frodi u falsifikazzjoni rrapportati lill-Pulizija fir- rigward tal-lokalita’ ta’ tas-Sliema  għal matul is-sena 2013 kien jammonta għal tlieta u għoxrin (23) każ, filwaqt li matul is-sena 2014 ġew irrapportati tmienja u għoxrin (28) każ.

Seduta 244
02/03/2015


GĦALLIEMA LI JGĦALLMU T-TEDESK.



14655. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hawn għalliema fl-iskejjel sekondarji li preżentament qed jgħallmu t-Tedesk ?

23/02/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li fl-iskejjel Sekondarji tal-Istat hemm 41 għalliem tal-Ġermaniż u li tnejn minnhom qegħdin fuq xi forma ta’ leave.

Infurmat ukoll li preżentement hemm 18-il għalliem li jgħallmu l-lingwa Ġermaniża fl-Iskejjel Sekondarji tal-Knisja u żewġ għalliema li jgħallmu l-Ġermaniż fl-Iskejjel Sekondarji Indipendenti.

Seduta  244
02/03/2015


STUDENTI LI QED JITGĦALLMU T-TEDESK.



14654. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hawn tul is-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma t-Tedesk ?

23/02/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti li kienu, jew qegħdin, jitgħallmu l-Ġermaniż fl-iskejjel sekondarji fis-snin skolastiċi 2013/2014 u 2014/2015, hu kif se nsemmi:

Settur Sekondarju
Sena Skolastika 2013/2014
Sena Skolastika 2014/2015
Skejjel Sekondarji tal-Istat      
977
1068
Skejjel Sekondarji tal-Knisja
931
1181
Skejjel Sekondarji Indipendenti
232
196

Seduta  244

02/03/2015

MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA – PERSUNI INGAĠĠATI.



14663. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dikasteri varji li jaqgħu taħtu fl-2014?

23/02/2015

  ONOR. JOE MIZZI:  Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2014 ġew ingaġġati 108 persuna mall-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u mad-dekasteri li jaqgħu taħtu, li jinkludu 7 apprentisti u 3 persuni bi bżonnijiet speċjali.

Seduta  245
03/03/2015


MINISTERU GĦAL GĦAWDEX – PERSUNI INGAĠĠATI



14662. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqghħu taħtu, matul l-2014?

23/02/2015

  ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-2014 ġew impjegati u ingaġġati 15-il persuna mill-Ministeru għal Għawdex u persuna waħda mill-Gozo Channel Company Ltd.  Għaxra minn dawn il-persuni li ġew ingaġġati mill-Ministeru, kienu diġa` jaħdmu fis-Settur Pubbliku u ħadu promozzjoni jew reġgħu ġew maħtura fil-pożizzjoni li kienu fiha.

Seduta  245
03/03/2015


BORD TAL-GVERNANZA - ILMENTI



14661. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali:
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew imressqa lmenti quddiem il-Bord ta’ Gvernanza taħt l-Att dwar il-Kunsilli Lokali fis-snin 2012, 2013 u 2014? Jista’ jgħid kemm ġew b’xi mod aċċettati, kemm rifjutati u kemm għad hemm pendenti?

23/02/2015

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ammont ta’ lmenti li ġew imressqa quddiem il-Bord tal-Governanza taħt l-Att dwar il-Kunsilli Lokali għas-snin 2012, 2013, 2014 hu kif ġej:
Sena
Każijiet
Rifjutati
Pendenti
2012
32
6
0
2013
19
2
0
2014
23
2
0


Seduta  245

03/03/2015

L-IMSIDA – RAPPORTI TA’ REATI TA’ FRODI U FALSIFIKAZZJONI FL-GĦASSA TAL-IMSIDA.



14659. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ frodi u falsifikazzjoni fl-Għassa tal-Imsida tul is-snin 2013 u 2014?

23/02/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li in-numru globali ta’ reati ta` frodi u falsifikazzjoni rrapportati lill-Pulizija fir-rigward tal-lokalita’ tal-Imsida  għal matul is-sena 2013 kien jammonta għal wieħed u għoxrin (21) il-każ filwaqt li matul is-sena 2014 ġew irrapportati ħdax (11) il-każ. Informazzjoni ddettaljata qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

It-tabella turi reati ta` frodi u falsifikazzjoni kommessi fl-Imsida pero li setgħu ġew rrapporti fi’ kwalunkwe għassa tal-pulizija madwar Malta u Għawdex.

Seduta  245

03/03/2015

DIPARTIMENT TAS-SAĦĦA – MAGNI TAL-KLIEWI



14850. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm magni komunement magħrufa bħala ‘tal-kliewi’ preżentament għas-servizz tal-pazjenti fid-Dipartiment tas-Saħħa? Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom jagħtu servizz dawn il-magni u jekk hemmx xi pjanijiet li dawn jiġu mibdula jew jiżdiedu matul din is-sena?

25/02/2015

  ONOR. KONRAD MIZZI:  Ninforma l-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 36-il magna tal-kliewi. L-ahhar magna li ġiet installata kienet biss ftit tal-gimghat ilu gewwa l-Isptar t’ Ghawdex. 

Seduta  246
04/03/2015


IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...