9.3.15

L-inkwiet ma jonqosx.



1.      Għaddiet ġimgħa oħra li fiha bqajna naraw dinja mimlija b’iktar inkwiet u kumplikazzjonijiet.  Ġranet li fihom il-pajjiż tagħna waqaf jara dak li għaddej taħtna.  Dak li għaddej fil-pajjiż ġar il-Libja m’għadux is-sempliċi aħbar li ilna naraw u nsegwu jum wara jum għal dawn l-aħħar xhur twal.  Sar issa is-suġġett li n-nies fit-triq u fid-djar qed jitkellmu dwaru.  Ix-xeni li rajna ta’ bnedmin bħalna li spiċċaw inqatlu bl-aktar mod barbaru u ikrah fuq l-iskuża li huma nsara kopti.  Azzjonijiet ħżiena hekk jibqgħu u qatt ma jistgħu jiġu ġustifikati.  Biss, bejn azzjoni u diskors, daqqa f’postu u daqqa barra minn loku, in-nies f’dawn il-gżejjer qegħdin issa jinkwetaw sew.  Anke jekk hemm min talab sabiex ma jkunx hemm min jallarma ruħu, xorta waħda dan is-sentiment hemm qiegħed.

2.      Ħadd ma jippretendi li kwistjoni daqshekk sensittiva, delikata u li trid ħafna attenzjoni ssir waħda ta’ medja.  Issir waħda parlata barra b’mod li, mingħajr ma trid, tressaq lejn irresponsabbiltà.  Hawn m’għandux ikun hemm kompetizzjoni elettorali bejn dak li hu u dak li jidher li huwa.  Wisq inqas il-lok li min huwa inkwetat joqgħod iperreċ u jlablab.  Huwa l-mument tas-silenzju, fejn dak li għandu jsir isir.  U jrid isir minn min għandu fuq l-piż li jġorr is-salib tal-poter.  L-esperjenza ta’ diversi mexxejja tad-dinja dejjem indikat li jekk dan ma jsirx, allura passi foloz ikunu qed jittieħdu.  Inqas ma jingħad iktar aħjar u bir-rispett, fuq naħa wieħed irid jifhem dan u fuq l-oħra ħaddieħor ma jistax jaqa’ għal ebda tentazzjoni, imma jibqa’ marbut ma’ dawn il-pożizzjonijiet.

3.      F’dinja fejn ir-responsabbiltà mhijiex popolari u li anzi d-daqqa hija li kif inħossha rrid ngħidha, it-triq lejn l-inkwiet u d-diżastri tikber.  Il-pajjiż jippretendi iktar attenzjoni u viġilanza.  Ħadd però ma jista’ jippretendi li ser insiru xi super potenza jew li b’xi mod ser nippruvaw infendu xi boċċa viċin il-likk.  Postna ċar u ma għandniex nagħmlu minnu, fil-ħolm ta’ xi ħadd, wieħed differenti.  Kull ma nkunu qed nagħmelu huwa li nidħku bina nfusna u b’dawk li nirrappreżentaw.  Ħadd ma huwa profeta f’dak li ġej, u wisq inqas ħadd ma jista’ jippretendi li ser inkunu tant bravi li nipprevedu kollox.  Nistgħu biss inwettqu dmirna tajjeb u dan irid iktar konċentrazzjoni u wisq inqas paroli.

4.      Forsi għandi d-difett li nammira iktar lil dawk il-mexxejja li jitkellmu inqas, jiftaħru ferm inqas u minflok jaħdmu iktar u għalhekk nitkellem kif nitkellem.  Ħadd ma jista’ jippretendi li b’dak li għaddej iberraq, tħares fejn tħares madwarna, li ma għandux ikun hekk.  Għax meta tara kemm persuni qed jitilfu ħajjithom fl-Ukrajna u fil-ġlied li għaddej fis-Sirja u l-Iraq, allura bilfors tieqaf.  Tieqaf taħseb u teżamina dak li għaddej, fejn reġjuni ta’ stabilità saru instabbli.  Hemm responsabbiltajiet varji, fuq pajjiżi, popli, reliġjonijiet u mexxejja ta’ u f’diversi livelli li wasslu għal dan.  Id-dinja, sfortunatament tinqasam daqqa taħdem għall-prinċipju, u daqqa għall-interessi ekonomiċi, territorjali, militari u ta’ influwenza.  Saru diversi żbalji u qed ingawdu l-konsegwenzi tagħhom, però irridu noqogħdu attendi li ma nkunux aħna wkoll parti minnhom jew li nżiduhom.

5.      Fir-realtà, il-politika responsabbli trid tfendi għal dik li mhijiex.  Trid tara kif tkopriha u ssolvi dak li sar ħażin.  L-ordni fid-dinja mhuwiex faċli biex iżżommu.  Hemm wisq diżugwaljanzi bejn faqar, stima, libertà u drittijiet li flok aħna impenjati regolarment għat-tneħħija tagħhom qed ninjorawhom.  Il-verità hija li dawn il-problemi ma jmorrux waħdehom.  Ma jintilfux għax ninsewhom aħna.  Minflok insibu reazzjonijiet magħna.  Reazzjonijiet mhux ġustifikati, iżda li r-rimedju tad-dina għalihom huwa iktar qtil.  Iktar użu tal-armi u qerda umana.  Il-feriti li qed jinfetħu llum ser iġibu aktar inkwiet għada pitgħada.  Forsi nistgħu nittamaw li jinsabu soluzzjonijiet temporanji, biss irridu naċċettaw li mhumiex permanenti.  Ftit għadhom jaqraw l-esperjenzi passati.  Ftit mexxejja huma preparati fil-kultura politika.  Ir-riżultat huwa dejjem inkwiet u iktar minnu.  Naraw il-ġimgħat li ġejjin x’ser iġibu, però f’din l-ewwel ġimgħa tar-Randan nittamaw minn qalbna sabiex naħdmu flimkien għas-sewwa u fejn din tibqa’ tingħata l-istrumenti biex tirnexxi.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...