9.3.15

Kuntrasti tal-mument.



1.      F’dawn l-aħħar xhur, jum wara jum hemm magna li f’mumenti tixbaħ ħafna dik tal-propaganda li trid il-ħin kollu tgħidilna li kollox sejjer tajjeb f’dawn il-gżejjer.  Hemm riżultati ekonomiċi, ta’ statistika, f’numru ta’ setturi li qed iressqu lejn sitwazzjonijiet li jitolbu attenzjoni partikolari.  Dak li qiegħed iseħħ illum għandu żewġ aspetti f’din il-linja.  L-ewwel, hemm il-messaġġ li minn meta nbidel il-Gvern, l-affarijiet marru għall-aħjar.  Il-verità li ma tingħadx u ma tiġix rikonoxxuta hija li sa issa għadna bejn wieħed u ieħor għaddejjin fuq il-pedament sod li tħalla minn Gvernijiet Nazzjonalisti fis-settur ekonomiku u finanzjarju.  Il-bażi saret qabel u wieħed jifhem li l-amministrazzjoni preżenti għandha d-diffikultà biex toħloq setturi ġodda.

2.      It-tieni, hemm ukoll il-kuntrast bejn dak li jidher fuq il-karta u dak li għaddej fir-realtà ta’ kull ġurnata.  Dan il-kuntrast diġà kien qiegħed jinħass qabel.  Il-kritika, ġusta jew le, kienet li ma kenitx qegħda tasal fejn kellha tasal.  Jew aħjar, id-domanda kienet qegħda ssir fuq jekk kemm-il darba kien hemm tixrid tal-ġid nazzjonali b’iktar ugwaljanza jew aħjar b’iktar dożi ta’ ġustizzja soċjali.  Il-pożizzjoni ta’ diżugwaljanza mhix waħda li tiġi solvuta b’miżura waħda jew b’numru minnhom, iżda titlob attenzjoni kostanti.  Jekk il-figuri ekonomiċi fuq naħa huma tajbin ħafna mentri fuq l-oħra hemm l-iżbilanċ li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu fil-kategorija tal-faqar, naħseb li rridu naraw iktar milli qed naraw mill-istampa li qed titressaq.

3.      Ir-realtà, il-verità hija li l-kontra ta’ dak li ħafna jimmaġinaw, li meta ta’ fuq jimlew il-but allura l-ilma jibda nieżel ‘l isfel.  Is-sitwazzjoni hija f’kuntrast.  Għax kif qed naraw quddiem għajnejna, hemm min qed iġemma’ bis-serjetà u jżomm dak li għandu għalih.  La jaqsmu, anqas jagħtih u wisq inqas iħaddmu għall-oħrajn.  Il-kwistjoni li qiegħed inressaq mhix faċli.  Anzi, għal min qara jaf li hija waħda minn dawk id-diskussjonijiet li fil-bidu tal-kristjaneżmu sab lil bnedmin bħal Origene, Clement ta’ Alessandria u Tertulljanu mdaħħla sew fiha.  Hija u tibqa’ illużjoni li naħsbu li iktar ma min qiegħed fis-soċjetà qiegħed tajjeb iktar ser jikber il-pajjiż.  L-ekonomija ta’ vera, dik li tħares lejn l-aspett soċjali taf li dan mhuwiex minnu.  Il-gvernijiet tal-lum huma wisq kundizzjonati u mqegħda f’pożizzjonijiet diffiċli.

4.      Kundizzjonati li jridu jaħsbu fil-mod u fil-linja li l-kapitaliżmu modern jibqa’ jitlob.  L-aġenda mhix biex tgħolli lil min qiegħed isfel ‘il fuq, imma li tgħolli lil min qiegħed ‘il fuq iktar ‘il fuq.  Dan il-Gvern daħal huwa wkoll f’dan il-mekkaniżmu li mhux faċli li żżomm f’postu.  Sfortunatament m’għandniex diġà l-linja tal-ħsieb tagħna u naħdmu minnhom, iżda diġà qed immorru bir-rinunzja tagħhom.  Hemm abdikazzjonijiet ta’ dak li verament hemm bżonn għas-soċjetà kollha kemm hija.  Dan jidher esternament f’kuntrasti varji.  Minn naħa, kif għidna, il-Gvern jiftaħar b’dak li hemm u fuq l-oħra m’għandux mezzi li huma aġġornati u inċiżivi biex jibdel il-figuri ta’ iktar nies li neżlin ‘l isfel.

5.      Sfortunatament l-għodda prinċipali li ġiet użata f’dawn is-sentejn ma kenitx effettiva.  Il-linja kienet iktar impjiegi mal-Gvern għan-nies.  Il-qagħad naqas, ma hemmx dubju u daqshekk ieħor mhux dubitat li dan ġej għax daħlu ‘l fuq minn 4,000 persuna jaħdmu anke fejn ma hemmx bżonn.  Dan għandu żewġ żvantaġġi.  L-ewwel, ma tistax tibqa’ ssostni, sena wara sena, dħul ta’ tant nies mal-amministrazzjoni.  Qiegħed tħajjar nies f’direzzjonijiet kuntrarji.  Diversi stati marru għal dan, speċjalment f’dawk li huma sinjuruni miż-żejt.  Nafu llum l-effetti negattivi ta’ dik il-linja.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, għandek il-problema ta’ kif iżżomm l-ispiża rikorrenti għaddejja.  Il-miżura li permezz tagħha dħalna għall-bejgħ taċ-ċittadinanza tidher li ma ħadmitx kif kellha u l-moviment inizjali tagħha qiegħed issa jmru iktar u iktar lura.  Veru wkoll li għandna iktar ossiġnu jew spazju għax preżentement u temporanjament il-prezz taż-żejt naqas u l-Unjoni Ewropea qegħda tinvesti iktar fix-xogħol.  Biss nafu li dawn jafu jkunu suffarelli li jdawlu għal perjodu, però jħalluna fid-dlam għal iktar.

6.      Hemm bżonn kontroll u għarfien tas-sitwazzjoni vera fil-pajjiż.  Dan għax hawn kuntrasti tal-mument bejn ir-realtà u l-vuċi tal-propaganda.  Il-Gvern għandu bżonn iħares lejn il-fatti.  Għandu bżonn joħroġ minn din is-“sakra” u jara biċċa biċċa dak li ġej u fejn sejjer.  Hawn dawn il-fatturi li jridu jiġu rikonċiljati aħjar.  Il-pakkett tas-salarju tal-ħaddiem ma żdiedx.  Id-dħul għal numru ta’ setturi kbar u finanzjarji minflok żdied u ser ikompli għaddej.  Il-pożizzjoni ta’ diversi tinħass li qegħda fi bżonn ta’ għajnuna b’kunċetti mhux kummerċjali jew kapitalisti.  Li tnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa tajjeb, biss mhijiex il-miżura determinanti.  Il-partit fil-Gvern ikkonvinċa lil kulħadd li hekk hu, però issa r-realtà hija kompletament differenti.  Dawn huma kuntrasti tal-mument li jitolbu attenzjoni.  Hemm bżonn politika soċjali li twieġeb għal din ir-realtà.  Iktar ma ssir tajjeb u malajr tant aħjar, inkella l-kuntrasti jibqgħu hemm.





No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...