27.3.15

Konvinzjoni u Esperjenza’ Diskors tal-Profs.Roger Ellul Micallef.

Eċċellenza, Sinjuri,

            Meta Dr Mifsud Bonnici ċempilli, biex jgħidli li kienet waslet biex tiġi ippublikata l-awtobijografija li kien kiteb, nistqarr li ma kontx sorpriż, għax kont smajt li kien qed jaħdem fuqha tul dawn l-aħħar snin.  Iżda nammetti li ma stennejtx l-istedina ġentili tiegħu, biex inkun wieħed mit-tlett kelliema hawn illejla.  B’rispett kbir lejh ilqajt l-istedina tiegħu.  Wara bdejt naħseb ftit fuq in-numru ta’ laqgħat u diskussjonijiet li kelli miegħu matul is-snin. 

            Dan il-ktieb wasal għandi t-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra.  Xtaqt li kelli biżżejjed ħin biex inkun nista’ niflieh u nixtarru aħjar.  Wieħed, fil-verità, ma tantx ma jdum sabiex jinduna li dan hu ktieb li bilfors ħa ħafna żmien biex jinħema.  Il-kittieb żgur m’għandux bżonn l-ebda introduzzjoni minn naħa tiegħi.  Kittieb prolifiku, l-aktar b’ilsien pajjiżu, li għaraf iħaddem tajjeb ħafna.  Il-ħsibijiet, il-valuri, x-xewqat, it-tamiet, l-aspirazzjonijiet u l-kisbiet tiegħu huma magħrufa biżżejjed.  L-għejjun li xorob minnhom huma evidenti meta wieħed iqalleb fil-ktieb.  Il-figura ta’ ommu u l-valuri li żergħet fih u f’ħuh jidhru mill-ewwel ftit paġni tal-ktieb.  L-imħabba tiegħu lejn il-Letteratura, il-Filosofija, l-Arti, u naturalment il-Liġi ħadha mingħand missieru, il-Professur Carmelo Mifsud Bonniċi.  Dan ta ħafna lil pajjiżu u forsi ftit inqas lill-familja tiegħu.  Hija ħasra kbira, anke għax jidher li ma tantx ħa ħsieb saħħtu, li miet f’età relattivament żgħira, wara li sofra żewġ attakki ta’ puplesija li, fl-aħħar snin, tista tgħid, m’ippermettulu jagħmel xejn jew ftit.  Tant li Dr Ugo u ħuh kienu jittraskrivu n-noti fuq aspetti legali li kien jiddettalhom hu.  Xogħol ta’ amanuensis, li issa qed jipprovaw jiddeċifraw.  Il-papà, kiteb Dr Ugo, kien dejjem mimli kliem favur Malta u l-Maltin.  Wara mewtu, jgħid l-awtur, induna kemm missieru kien iħobb lil Malta, skond hu ‘b’imħabba sħuna.’  Il-figura ta’ missieru, il-Gross, tiddomina l-ewwel snin ta’ l-awtur u biċċa sew mill-ewwel terz tal-ktieb.  Dr Ugo stqarr – ‘L-ikbar eroj ta’ ħajti kien minn dejjem u jibqa’ missieri.’  Raġel, li minn student, kien jipposjedi kultura vasta u li għex fi żminijiet diffiċli meta Malta kienet kolonja Ingliża.  Meta l-edukazzjoni ingħatat ftit importanza għax donnu ma kienx hemm flus għaliha.  Il Gross kien politiku li qies lilu nnifsu, u ħadem, ta’ Nazzjonalist Indipendenti.

            Meta wieħed jiġi biex jevalwa b’mod kritiku awtobijografija, ta’ l-inqas, ngħid għalija, isibha pjuttost diffiċli joftom l-ktieb mill-kittieb.  Anki għaliex il-ktieb huwa frott ta’ ġabra ta’ aneddoti, ta’ esperjenzi u ġrajjiet li seħħu matul ħajjet il-kittieb.  Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li f’awtobijografija l-awtur ikun eżerċita ftit jew wisq ċerta awtoċensura u awtokritika kemm f’dak li għażel li jsemmi, kif ukoll, u forsi ta’ mportanza ikbar, f’dak li ddeċida li jħalli barra.  Mad-daqqa t’għajn ma tantx jidher li Dr U. Mifsud Bonniċi ħalla ħafna barra.  Kiteb xogħol ta’ aktar minn 1200 paġna.  Mill-għexieren ta’ awtobijografiji li jien qrajt matul is-snin, naħseb li l-ktieb li qed niddiskutu llejla jikser kull record ta’ tul.

            Fost dawk l-awtobijografiji li qrajt jien, hemm dik ta’ John Henry, Cardinal Newman, ippubblikata fl-1864, li għażel li jintitolha ‘Apologia Pro Vita Sua’.  Fiż-żminijiet klassiċi dan it-tip ta’ xogħol letterarju kien ikun intitolat Apologia, għaliex fih il-kittieb kien jittanta jiġġustifika dak li għamel f’ħajtu, aktar milli jipprovdi dokumentazzjoni tagħha.  Xi drabi kienet tkun miżjuda b’serje ta’ aneddoti, bħal, per eżempju, f’dik li kiteb wieħed mill-Founding Fathers ta’ l-Istati Uniti, xjenzat u ambaxxatur, skopritur ta’ l-elettriku, Benjamin Franklin, ‘The private life of Benjamin Franklin’, li l-ewwel kien ippublikat bil-Franċiż fl-1791 u sentejn wara inqaleb għall-Ingliż u ġie ppublikat f’Londra.  Jew tal-filosfu, ekonomista, u storiku skoċċiż David Hume, ‘The Life of David Hume.  Written by Himself’, fl-1777.  Dr Ugo Mifsud Bonniċi għażel għalih it-titlu ta’ ‘Konvinzjoni u Esperjenza’.  Ma nafx jekk l-esperjenza għandiex tiġi qabel il-konvinzjoni, għaliex jien naħseb, li ħafna drabi, din ta’ l-aħħar tkun imlewna minn ta’ l-ewwel.  Fil-ftit ħin li kelli biex inqalleb dan il-ktieb monumentali – monumentali mhux biss fit-tul – ħadt l-impressjoni li l-awtur għażel trattament li jinkludi ż-żewġ forom ta’ awtobijografija kemm dik ta’ ‘self justification’ kif ukoll dik ta’ ‘self documentation’.  Dan il-ktieb ikopri kemm il-ħajja, u, sa ċertu punt, anki żminijiet li fihom, għex il-kittieb.

Li hu żgur hu, li dan il-ktieb mhux sempliċement storja, narrativa tal-ħajja ta’ l-awtur.  Forsi fost ta’ l-ewwel minn din it-tip ta’awtobijografija kien il-ktieb ‘Vita’ ta’ Benvenuto Cellini (1558) u dik, ta’ dak li lili interessani għal ħafna żmien, Girolamo Cardano, tabib, matematiku u astrologu li ppublika ‘De Vita Propria’ fl-1576.  Il-problema b’din il-forma ta’ ktieb hi li ħafna drabi, xogħol, li minn natura tiegħu hu wieħed soġġettiv, awtur jistrieħ fuq il-memorja u din taf tilgħab l-iskerzi.  Il-qarrej, kurjuż ħa jara x’seta’ żvela l-awtur, ifittex ħa jara jiskoprix x’seta’ qerr il-kittieb, l-aktar fuq episodji li jikkonċernaw il-ħajja pubblika, soċjali u politika tal-pajjiż.  Ifittex jara jekk l-awtur għamilx qrara ġenerali – bħal forma ta’ ‘Confessiones’, ta’ Santu Wistin, li kiteb fis-seklu erbgħa, jew ‘Les Confessions’ ta’ Jean Jacques Rousseau, li ġie ppublikat fl-1782, erba’ snin wara mewtu.  Ma naħsibx li l-awtur tagħna għamel dil-forma ta’ qrara, anki għax forsi ħass li ma kellux bżonnha, imma numru ta’ ‘confessions’, qrar żgħir, għamel.  Fihom l-awtur kiteb fuq emozzjonijiet li ħass u sentimenti u nkwiet li għadda minnhom f’ċirkużtanzi partikolari u fi ġrajjiet speċifiċi.  Fost dawn, l-iktar li laqtitni hi x-xena fejn omm l-awtur telgħet il-qorti biex tieħu ġurament quddiem maġistrat, ex-kollega ta’ żewġha, li ma kelliex mi mnejn tħallas il-miżati rikjesti mill-Università fejn uliedha kienu jistudjaw.  Umiljazzjoni li l-awtur qal li ħalef li jagħmel minn kollox biex ħaddieħor ma jsofrix minnha ’l quddiem.  Fil-bidu tas-sebgħajnijiet tneħħew il-miżati mill-Università u meta Dr Ugo kien ministru ta’ l-edukazzjoni, kien forsi l-iktar ministru fil-kabinett li kien favur l-għotja ta’ l-istipendi.  Xi ħaġa li għadu jiġi kkritikat għaliha sal-lum.  Eżempju ċar ta’ esperjenza li sarraf f’konvinzjoni.  Mumenti diffiċli kellu wkoll f’ħajtu, bħal ma jkollu kulħadd.  Wieħed minn dawn, deskritt fil-ktieb b’ċerta delikatezza, kien meta mar, flimkien ma’ żewġ parlamentari oħra, għand Ġorġ Borġ Olivier, fl-eqqel tal-lejl, biex, f’isem il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jwassallu l-messaġġ li xtaquh jikkollabora ħalli jintgħażel suċċessur.  Jidher li baqgħet tidwi f’widnejn Dr Ugo dak li sellimlu bih fl-aħħar nett Dr Borg Olivier: ‘Jalla qatt f’ħajtek ma jiġu jgħidulek fil-ħdax ta’ bil-lejl, dak li intom ġejtu tgħiduli llejla.’

Aneddotti mżewqa b’ċertu umoriżmu dan il-ktieb fih ukoll.  Darba waħda, jirrakkonta l-awtur, missieru ħadu miegħu l-qorti.  Għal xi l-ħdax ħadu jieħu kafè.  Ordna tużżana pastizzi li minnhom Dr Ugo missu tnejn.  Inqasmu b’ċerta matematika preċiża, ħamsa minn kull sitta għall-Professur.  Meta waslu d-dar f’xi s-sagħtejn, qal lil martu li kienu mejtin bil-ġuħ, speċjalment Ugo.  Din lestitilhom froġa tal-pastard, li Ugo reġa’ missu minnha bl-istess proporzjon.

Dr Mifsud Bonnici dejjem emmen fl-importanza ta’ edukazzjoni wiesgħa bħala dritt fundamentali li għandha kull persuna.  Twemmin li kien stqarr seklu u ftit qabel, il-politiku Amerikan u riformatur edukattiv, Horace Mann: ‘I believe in a great principle of natural law which proves the absolute right of every human being to an education, and which, of course, proves the correlative duty of every government to see that the means of the education are provided for all.’  Fil-ktieb hu jagħti rendikont tas-sebgħa snin li għamel bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni – ministeru li ħafna drabi kien miżjud b’responsabiltajiet oħrajn, bħal per eżempju l-Intern, Żgħażagħ u Sport, l-Ambjent, Xandir, u Kultura.  Jidher li l-awtur jaqbel żgur mal-filosofu Stojku Grieg, Epictetus li għex fl-ewwel seklu wara Kristu, u li għal xi żmien kien skjav ta’ Ruma, li kien isostni li ‘Ħielsa biss huma dawk li ħadu edukazzjoni’, ‘Only the educated are free.’ 

Naqraw f’din l-awtobijografija ta’ Dr Ugo, kemm kien għal qalbu dan il-ministeru u kemm ma xtaqx li jitilqu biex jinħatar President tar-Repubblika.  Jien, ftit mill-ewwel ġranet ta’ wara li kien aċċetta dal kważi ‘poisoned chalice’, għexthom miegħu.  Niftakar li konna Madrid għal-laqgħa tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni għolja.  Jien, li ma kontx għadni Rettur, kont mistieden nattendi bħala rappreżentant tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, peress li dak iż-żmien kont Chairman tal-Kunsill fuq Problemi ta’ l-Università.  Dr Ugo kien hemm ma’ delegazzjoni żgħira Maltija li kienet tinkludi lis-Sur Nazju Abela.  L-għada jew il-pitgħada li konna hemm, waslet l-aħbar minn Malta, li Dr Ugo kien se jkun il-President il-ġdid.  Fraħtlu u rringrazzjani, imma ma kienx hemm għalfejn tkun tabib biex tinduna li ma kien kuntent xejn, biex ma ngħidx imnikket.  Żorna l-Escorial u Salamanka flimkien.  Ir-Rettur ta’ hemm kien ħabib tieghi, s-sena ta’ qabel kont qallibt fl-arkivji ta’ l-Università hemmhekk.  Dr Ugo interessa ruħu f’dak kollu li ra u sema’ iżda ma kienx il-Ministru li kont sirt naf.  Fl-awtobijografija jirrakkonta dan f’iżjed dettal. 

Intqal minn ċerti soċjoloġi u psikoloġi li awtobijografija toffri lill-awtur l-opportunità li jirrikreja l-istorja.  Xi għaxar snin ilu Berhegger Scott fl-essay tiegħu ‘Sublime inauthenticity: How critical is the truth in autobiography?’ kiteb li min jikteb awtobijografija ikollu ‘end point’ f’moħħu, li mill-bidu nett hu jkun irid jilħaq.  Din iġġielu, forsi, xi kultant mingħajr ma jintebah, li jagħżel u jinkludi biss, u nikkwota, ‘certain events of their life that will help shape the overall story of their life in order to reach said endpoint.  This raises the question of how true is this life story if you’re consciously excluding certain aspects of it.’  U jistaqsi Scott, ‘What gives us readers, the right to determine whether or not it’s considered true’.  Aħna li għexna biċċa sew ta’ żmien ma’ Dr Ugo, f’dan il-ktieb insibu rakkont veritier u dettaljat ta’ dak li seħħ u għadda minnu l-awtur.  Nikkonkludi dan l-aspett bil-vers tal-Manzoni mill-poeżija tiegħu ‘Il Cinque Maggio’ li kiteb fis-17 ta’ Lulju 1821 fl-okkażjoni tal-mewt ta’ Napuljun: ‘Ai posteri l’ardua sentenza.’  Il-ġudizzju aħħari fuq dan il-ktieb u fuq l-awtur, li tiegħu nistqarr li jien ħabib, għad jingħata, forsi b’mod iżjed oġġettiv minni, mill-ġenerazzjoni li jmiss.

Fl-epilogu tal-ktieb Dr Ugo Mifsud Bonnici jikkwota lil Albert Camus, awtur, ġurnalist u filosfu Franco-Alġerin, rebbieħ fl-1957 tal-Premju Nobel għall-Letteratura, li sostna li d-demokrazija hija l-eżerċizzju soċjali u politiku tal-modestja.  Dr Ugo jikkonkludi li l-istorja li rrakonta turi x’għamel fil-limitazzjonijiet kbar tiegħu.  Naħseb li ħafna minnkom – jekk mhux kulħadd – taqblu miegħi li l-awtur ta’ dan il-ktieb irnexxielu jwettaq ħafna għal pajjiżu u l-limitazzjonijiet tiegħu qatt ma kienu daqshekk kbar daqs kemm sostna.

Fl-aħħar nett, lil dawk li jħobbu jaqraw qabel ma jorqdu, nissuġerilhom li jakkwistaw jew jixtru leġiju, għax mhux faċli iżomm il-ktieb f’idejk għal tul ta’ żmien.  Ktieb mimli anedotti u ħsibijiet, mimli daqs bajda, bħal ħajja ta’ l-awtur, li minn meta kien għadu student awtodefinixxa lilu nnifsu Nazzjonalist indipendenti kif kien għamel missieru.  L-awtur jista’ jkun deskritt bħala patrijott li dejjem ħaseb b’moħħu, fittex is-sewwa u bl-ikbar sentimenti ta’ tolleranza evita l-konfronti u fittex jiddjaloga, bi kliem meqjus, ma’ kulħadd.  Grazzi.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...