31.10.12

Nibqgħu pożittivi f’ħidmietna

1.    Il-pajjiż tagħna għaddej minn perjodu ta’ bidla importanti.  Il-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-Mediterran u fi ħdan l-Unjoni Ewropea jagħtuh l-opportunità li jikkontribwixxi lejn trasformazzjonijiet ġodda.  Kien, f’ħafna sens, provvidenzjali li kien hawn din il-leġislatura.  Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien il-persuna t-tajba fil-mument opportun.  Il-kriżi fil-pajjiżi li jmissu mal-baħar ta’ madwarna sabitna sodi u ppreparati għaliha.  Il-passi li ġew meħuda minnha servewna f’żewġ direzzjonijiet.  Ġew tajjeb għalina għax żammejna l-paċi u l-istabilità soċjo-ekonomika interna; u t-tieni, b’ħidmietna assistejna lill-oħrajn fl-għawġ tagħhom.  F’dawn il-ħames snin ta’ din il-leġislatura, pajjiżna sab ruħu fil-mument li għandu quddiemu opportunità unika.

2.    Opportunità li jikber iktar mid-daqs ġeografiku tiegħu u jagħti sehem determinanti li ser isservih għas-snin li ġejjin, għal-leġislatura li għandna issa quddiemna.  Investejna fid-demokrazija ma’ kull min għandna ġirien u ħbieb.  Dan billi konna kolonna ta’ servizzi u pariri f’dak kollu li dawn l-aħħar snin, diversi għaddew minnu.  Ir-rivoluzzjonijiet fil-popli ta’ taħtna u l-pożizzjoni determinanti, perseveranti tagħna magħhom favur il-libertà u l-ġustizzja huma investimenti sodi.  Pajjiżna ssogra huwa wkoll magħhom u dan jafuh proprju għax jafu min kien imexxihom x’kien kapaċi jagħmel.  Liema ħsara u aġir anti-demokratiku kien kapaċi jwettaq.  Għalina għalhekk, l-aħbarijiet ta’ demokrazija ħajja u li qed tikber fl-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija huma iktar milli tajbin.  Napprezzaw id-diffikultajiet tagħhom, speċjalment fil-bidu.  Biss huwa importanti li nkomplu nissudawhom.

3.    Il-problemi u d-diffikultajiet li kellna qabel, speċjalment dawk marbuta ma’ kwistjonijiet dwar it-tfittxija taż-żejt, illum qegħdin f’pożizzjoni ferm aqwa li nsolvuhom.  Jitolbu attenzjoni, trattattivi delikati u dettaljati immexxija minn moħħ politiku ta’ esperjenza u abbiltà.  L-istess fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ, li jikbru l-garanziji neċessarji lejn ħlasijiet assigurati f’settur bankarju u ta’ swieq aqwa milli kienu qabel.  Tkabbir tas-settur tas-servizzi finanzjarji, issudar aħjar partikolarment tal-kuntratti tal-assigurazzjoni.  Tneħħija ta’ diversi pratiċi fejn il-korruzzjoni kienet tiddetta qabel.  Il-kunfidenza ekonomika trid tiżdied magħhom għax hemm biha opportunitajiet iktar sabiex inkabbru u minnha nassiguraw tkabbir u affluwenza ikbar għalina u għalihom.  Din hija d-direzzjoni, il-viżjoni politika tagħna għas-snin li ġejjin, għal-leġislatura li ġejja li aħna f’dan il-partit ngħarfu xi tfisser biex isseħħ u x’tista’ ssarraf għal dan il-poplu li qiegħed il-ħin kollu jikber u jitkattar.

4.    Il-viżjoni tagħna m’hijiex limitata.  Mingħajr il-Mediterran kollu ma nistgħux nimxu ‘l quddiem.  Aħna nemmnu b’saħħa fil-ħidma Ewro-Mediterranja, speċjalment wara li l-Kunsill tal-Unjoni, fl-2008 approva l-prinċipju tal-Unjoni tal-Mediterran fi ħdan il-Proċess ta’ Barċellona.  Il-verità hija li taħt dik il-Presidenza Franċiża bdejna passi fejn l-Ewropa kienet qed tħares ‘l isfel biex tara bidla u tkabbir, mentri llum ix-xenarju nbidel sew.  Aħna għandna l-vantaġġ li nħarsu ‘l fuq u ‘l isfel.  Fuqna għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.  Ħidma verament differenti fil-kapaċità u fl-impatt tagħna.  Biss jibqa’ xorta waħda determinanti.  Il-fatt biss, fih innifsu li bqajna nagħtu dawl ekonomiku, li bqajna pajjiż li avolja fil-parti ta’ isfel xorta waħda m’għandux kriżijiet finanzjarji diżastrużi, huwa diġà ħafna.  Biss, għalina mhux biżżejjed.

5.    Il-viżjoni tagħna għandha tkompli tħares sabiex tara li r-rabtiet kummerċjali u ekonomiċi li gawdejna minnhom qabel naraw li nressquhom għall-aħjar.  M’aħniex lesti li noqogħdu lura u naċċettaw l-istess binarji u linji li kellna qabel, iżda rridu li jkollna progress hawn ukoll.  Hemm tant iktar li jista’ jsir u dan ma jiddependix minna, iżda minn dawk li huma ġirien tagħna.  Il-laqgħat bejn il-pajjiżi tal-Mediterran huma żgur ta’ min ifaħħarhom meta jikkonċentraw fuq problemi komuni bħall-immigrazzjon irregolari, però hawn issa toroq ġodda miftuħa għal iktar kummerċ intelliġenti u, sa ċertu punt, strateġiku.  Il-livelli li fuqhom ħadmet l-Unjoni Ewropea fl-iskambju tal-kummerċ irridu nwassluhom f’passi ogħla għalina lkoll.  Dan jista’ jsir, però jitlob id u moħħ b’esperjenza politika.  Persuna li, frott dak li għaddiet minnu, tista’ tagħraf dak li kellna u fejn aħna għandna mmorru.

6.    Fdin id-direzzjoni ċara, ħadt pjaċir nara lill-Prim Ministru tagħna jindirizza din il-ġimgħa l-London School of Economics and Political Science.  Id-diskors tiegħu kien tajjeb ħafna, pożittiv u kien ħaqqu ferm iktar attenzjoni milli ngħata.  Hu diġà rikonoxximent fih innifsu li tiġi mistieden tindirizza minn dan il-post tant prestiġjuż li diversi persuni ta’ intelliġenza minn dawn il-gżejjer kienu studenti tiegħu.  Iktar u iktar is-suġġett magħżul.  Għandu raġun li għażel li jindirizza l-viżjoni tagħna u jissioda l-fatt indiskuss li aħna ferm aktar konxji minn pajjiżi oħra fil-potenzjal futur ta’ dak li l-Mediterran sħiħ jista’ jagħti.  Dan jista’ jagħmlu huwa biss.  Jista’ jwettqu għax illum għandu esperjenza unika li ebda politiku ieħor ma għandu.  Waħda li hija determinanti għalina lkoll, iktar u iktar meta magħha hemm magħquda viżjoni li hija kontinwament pożittiva.  Proprju għax aħna nibqgħu pożittivi f’ħidmietna li nibqgħu partit rilevanti, għas-servizz tal-poplu.

29.10.12

Tara d-differenza

1.    Ma kienx faċli, u sallum għadu diffiċli għal kwalunkwe Ministru tal-Ġustizzja li jwettaq passi tajba li fuqhom il-ħidma fis-settur ġudizzjarju titjieb.  Għamilt disa’ snin nifhem u naħdem sabiex isiru tibdiliet ġodda li permezz tagħhom is-sistema ċċaqilqet ‘il quddiem.  Illum li qiegħed nerġa’ nipprattika ta’ avukat nista’ nara u mmiss b’idejja d-differenza.  Il-qrati ta’ pajjiżna, sija dawk f’Malta kif ukoll f’Għawdex, qegħdin jaħdmu ferm aħjar milli kienu.  Bid-diversi emendi u liġijiet ġodda, il-ħidma ġiet ferm iktar faċilitata milli kienet meta tlaqtha fl-2003.  Mhux biss, imma ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li ġiebu ferm iktar effikaċja fil-ħidma li permezz tagħha taħdem il-magna interna.

2.    F’dawn is-snin, filwaqt li x-xogħol ġewwa s-sistema żdied bi kważi tlett darbiet, xorta waħda l-kawżi pendenti baqgħu jonqsu.  Naqsu sija fin-numru, kif ukoll fl-età tagħhom.  Ġew deċiżi ferm iktar kawżi antiki u dan seħħ proprju għax ġew meħuda deċiżjonijiet li ppermettew soluzzjonijiet diretti lejn il-kumplikazzjonijiet varji li kien hemm.  Id-dħul tal-proċedura legali tal-ittra uffiċjali eżekuttiva u l-passi lejn użu differenti taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ikkonċentraw fuq kawżi diffiċli.  Servew ulterjorment sabiex iżidu fil-kapaċità tal-volum tax-xogħol li s-sistema setgħet tieħu.

3.    Il-fatt li ġew ippreżenati madwar 25,000 ittra uffiċjali eżekuttiva u madwar 3,000 arbitraġġ serva biex ikun hemm iktar flessibilità u veloċita’ minn qabel.  Mill-istatistika jidher ċar li l-kawżi pendenti naqsu sew.  Minn 9,228 każ pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-aħħar tal-2003 dawn niżlu għal 6,660 fl-aħħar tal-2011 u dan minkejja l-fatt li l-kawżi ġodda baqgħu jiżdiedu.  Fil-fatt, mill-1,757 kawża ġdida fl-2003 fil-Prim’Awla, fl-2011 dawn telgħu għal 2,330 – żieda ta’ 573.  Il-Qrati Superjuri żammew ritmu qawwi li bih irnexxielhom inaqqsu l-kawżi l-antiki.  Dan huwa mertu ta’ ħidma tajba u kostanti li baqgħet issir.  Għalhekk, tajjeb li jiġi sottolinjat li mertu tal-fatt li f’disa’ snin ġew deċiżi 21,825 kawża u minkejja li daħlu 19,833 kawżi ġodda, xorta l-kawżi pendenti naqsu drastikament.

4.    Dan huwa biss ġewwa l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għax hemm riżultati simili fil-Qorti tal-Maġistrati, fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar u fil-Qorti tal-Appell.  Dawn ir-riżultati pożittivi kellhom effett ukoll ġewwa l-Qorti ta’ Għawdex, fejn ukoll, l-istatistika turi li kien hemm tnaqqis tajjeb tal-kawżi.  Il-passi ‘l quddiem seħħew mertu ta’ numru ta’ miżuri li ġew meħuda.  Il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ġie emendat numru ta’ drabi proprju sabiex saret reviżjoni effettiva tal-proċeduri legali f’diversi livelli li wasslu sabiex jagħmlu bidla għall-aħjar f’dak li jsir kull ġurnata fil-qorti.  B’mod partikolari t-tibdil tad-diversi proċeduri ta’ mandati eżekuttivi u kawtelatorji, kif ukoll bil-mod effettiv li bih jibdew u jiġu ffissati l-kawżi għas-smigħ.

5.    Nara dan fil-ħidma ta’ kull ġurnata ġewwa l-qrati tagħna fejn l-atmosfera hija ferm aħjar milli kienet għaxar snin ilu.  Dan jgħodd sija għall-Qorti ta’ Malta kif ukoll għal dik ġewwa Għawdex, kif kelli l-opportunità nara wkoll f’dik il-gżira meta l-ġimgħa li għaddiet tlajt għal xi kawżi.  Hemm sibt l-ispazju kollu fit-tlett awli li hemm jaħdmu f’daqqa.  Kien hemm kawżi ċivili fil-Qorti Superjuri għadejja quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.  Stajt nara li hemm atmosfera kompletament differenti.  Il-fatt li l-kawżi hawn naqsu drastikament u li nqasmu fuq żewġ ġudikanti li huma permanentement assenjati hemm sarraf f’ħidma aħjar.  Hemm ferm iktar kawżi deċiżi f’dawn l-aħħar snin li serva sabiex jitnaqqsu l-kawżi pendenti hemm.  Apparti dan, kelli s-sodisfazzjon nara li kien hemm ukoll it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva jaħdem hemm ukoll.  Għalija pass verament ‘il quddiem fil-kamp tal-Ġustizzja Amministrattiva.

6.    Fil-kamp ġudizzjarju huwa diffiċli ħafna, mill-esperjenza tiegħi impossibbli, li togħġob lil kulħadd.  Dawk li l-kwistjoni tagħhom tiġi meħlusa malajr mod u dawk li jaraw it-tul, mod ieħor.  Diversi drabi l-kawżi jitwalu minħabba kumplikazzjonijiet varji li jiżviluppaw tulhom.  Drabi l-piki, oħrajn marbuta ma’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li mhux faċli tifred biex tifhem.  Dan xorta ma jfissirx li wieħed għandu joqgħod lura u ma jippruvax ibiddel.  Biss hemm linji li wieħed ma jistax jaqbeż biex jagħmel l-affarijiet aħjar.  Isir xi jsir mill-aspett leġislattiv, xorta hemm il-fattur uman li jiddetermina u attwalment iseħħ f’kull kawża partikolari.  B’danakollu, xorta waħda wieħed jista’ faċilment jara d-differenza bejn dak li kellna u dak li għandna jaħdem tajjeb illum.

25.10.12

Leġislatura ta’ ħidma

1.    Mhux dak kollu li sar tul dawn l-aħħar ħames snin minn dan il-Gvern huwa perfett.  Dan huwa minnu però l-poplu jaf, u jekk le għandu jiġi infurmat, li l-linja diretta ta’ ħidmet il-Gvern kienEt u għadha dik li tmexxi ‘l quddiem lil dan il-pajjiż.  Irridu diġà naċċettaw li dak li seħħ f’dawn il-gżejjer f’dawn l-aħħar snin ġieb trasformazzjonijiet qawwija.  Diġà fl-2008 l-istat tal-affarijiet kien sod.  Diġà stajna nirreġistraw li għamilna taqlib li ħadd qabilna ma kien wettaq.  Il-leġislaturi varji mmexxija minn dan il-Partit Nazzjonalista ġiebu magħhom tibdil, avvanz, riformi u progress li nistgħu, ma’ kull ġurnata, immissu b’idejna.

2.    Il-bnedmin fi ħdan dan il-partit, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom, irnexxielhom iwettqu passi kbar fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  F’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-aspetti soċjali, ekonomiċi u kulturali tagħna lkoll bħala nies.  Konna diġà avvanzajna sew meta wasalna biex niddeċiedu nidħlux jew le fl-Unjoni Ewropea.  Avvanzajna ferm iktar ladarba dħalna parti minn din l-għaqda verament importanti.  Sehemna hemm qiegħed.  Diġà wettaqna passi ġodda b’deċiżjonijiet varji.  Il-livell ta’ dak li ċ-ċittadin ta’ dawn il-gżejjer għandu jippretendi mill-istat demokratiku tiegħu għola sew.  Għola għax dawk li mexxew u għadhom imexxu lill-Partit Nazzjonalista ħarsu u għadhom iħarsu biex itejbu.

3.    Dak kollu li jsir u sar ġie mmirat b’għan wieħed: dak li permezz tiegħu naraw lis-soċjetà kollha titla’ ‘l fuq.  Din hija l-prijorità tagħna.  Mhix parti mill-politika tagħna li nżommu lil xi parti mill-pajjiż lura jew li nħallu lil kulħadd fl-istess stat ta’ konservazzjoni.  Bil-ġustizzja soċjali f’qalbna rnexxielna naraw li ngħinu lil kull min, f’xi mument, isib ruħu minn taħt.  Nassistu u fl-istess ħin niftħu aktar il-bibien li permezz tagħhom persuna li trid tavvanza tkun tista’ tagħmel dan.  Diversi bnedmin f’dawn is-snin irnexxielhom jaslu fejn oħrajn ma waslux.  Irnexxielhom jaħdmu fi klima ekonomika u finanzjarja li hija avversa għad-dinja kollha.

4.    Kull persuna, fl-analiżi tagħha, tqis żewġ livelli f’ħajjitha.  Tara dak li hija għaddejja minnu direttament u t-tieni, tħares lejn l-istampa ġenerali ta’ kollox.  Kull min iqis id-differenzi sewwa, min huwa kapaċi jiftakar dak li kellna u dak li għandna llum, jagħraf id-differenzi.  Jinduna li altru x’kellna fl-edukazzjoni qabel u dak li għandna llum.  Altru s-servizzi għolja u professjonali li għandna, u altru x’kellna.  Altru kemm kien hawn persuni jaħdmu qabel, u altru llum b’liema livell ta’ pagi li l-ħin kollu jridu jitilqgħu ‘l fuq.  Dan jinfirex fuq kollox.  Illum li qiegħed nerġa’ nservi ‘l-Qorti qiegħed immiss direttament minn din l-esperjenza pożittiva ta’ bidla.  Dak kollu li sar biddel ta’ taħt fuq kif taħdem din l-istituzzjoni għas-sewwa.  Iż-żerriegħa t-tajba li żrajna fl-aħħar żewġ leġislaturi qegħda issa, biċċa biċċa, tagħti l-frott tagħha.

5.    Biss, dawn il-passi seħħew għax il-Partit Nazzjonalista kellu għad-dispożizzjoni tiegħu żewġ vantaġġi.  L-ewwel, tul dan is-snin, il-maġġoranza tad-deputati fi ħdanu kienu u baqgħu bnedmin onesti, serji u lejali.  Bnedmin li għarfu li l-preżenza u l-ħidma tagħhom ġewwa partit huwa determinanti biex jibdlu dak li hemm bżonn jinbidel.  It-tieni, li żammejna ruħna mmexxija minn persuni li għandhom għal qalbhom li jissagrifikaw lilhom infushom.  Jiddedikaw il-forzi sħaħ tagħhom biex nimxu lkoll ‘il quddiem.  Proprju minħabba f’dan kollu li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu juri li huwa l-partit li bil-fatti jwettaq is-sewwa.

6.    Kontra kull kurrent u kontra kull kumplikazzjoni, il-pajjiż baqa’ għaddej.  Il-leġislatura għandha quddiemha dan il-kuntrast ċar.  Fuq naħa l-inkwiet ekonomiku li kisser lill-ġirien, il-kumplikazzjonijiet fl-intern tal-membri parlamentari li tilfu d-direzzjoni tagħhom u fuq in-naħa l-oħra l-fatt li l-pajjiż baqa’ għaddej, javvanza fix-xogħol, fl-ekonomija u fil-ġustizzja soċjali.  M’aħniex agħar milli konna, anzi avvanzajna ferm iktar milli seta’ xi ħadd jimmaġina.  Seħħ għax il-partit fil-Gvern mexxa b’attenzjoni, b’għaqal u bid-determinazzjoni neċessarja sabiex iwettaq is-sewwa.  Ċert li meta naslu fl-aħħar ta’ kollox, il-Partit Nazzjonalista ser jkun jista’ jdur fuq il-poplu u jgħid li din kienet verament leġislatura ta’ ħidma.

17.10.12

Il-proċess ta’ bidla

1.    Tul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nidher quddiem il-Qorti Kriminali niddefendi persuna li ġiet imressqa għax ma mxietx mal-ordnijiet tal-uffiċjal tal-Probation.  Din il-proċedura hija frott ta’ emendi li saru tul din il-leġislatura sabiex is-sistema tal-Probation taħdem aħjar milli kienet.  Tiġi rfinata aktar fejn huwa possibbli.  Il-fatti huma li madwar seba’ snin ilu kienu saru diġà numru ta’ tibdiliet li l-Ministru Tonio Borg kien mexxa ‘l quddiem.  Niftakar sew dawk l-emendi li għalihom kont preżenti fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, emendi li l-uffiċjali li jaħdmu fil-Probation kienu sodisfatti bil-passi li ħadna fihom.  Kien pass ‘il quddiem, verament iktar progressiv u li ġedded l-ispirtu sħiħ tal-liġi.

2.    Stajt ninnota li l-uffiċjal tal-Probation għamel dmiru mill-ewwel u appena l-persuna li kellu l-ordni ma baqax jiltaqa’ u jsegwi d-direzzjonijiet neċessarji sar rikors quddiem il-qorti.  Dan ġie appuntat mill-ewwel u għalhekk il-persuna li kien ingħata l-ordni ta’ Probation kellu jidher sabiex jagħti l-ispjegazzjonijiet neċessarji.  Ħadt pjaċir nara li s-sistema ħadmet b’veloċità u fl-istess ħin kelli s-sodisfazzjon li nara li emenda li kont introduċejt f’din il-leġislatura qegħda tiġi użata tajjeb ħafna.  Dan għax dan il-proċess, magħruf bħala “d-denunzja”, mill-Qorti tal-Maġistrati ġie mtellgħa quddiem il-Qorti Kriminali preseduta minn Imħallef.

3.    Għalkemm fil-bidu mhux kulħadd fehem din il-bidla u kien hemm reżistenza għaliha, illum tidher li ġiet aċċettata u qed trendi l-ġid.  Tagħti l-frott għax is-sistema tal-Probation qegħda fil-liġijiet tagħna sabiex tassigura li persuni li nstabu ħatja mill-qorti ta’ reati kriminali jiġu ggwidati biex joħorġu barra mit-triq tad-delinkwenza.  Il-pajjiż tagħna huwa magħruf li għandu rata ta’ kriminalità baxxa.  Parti tajba tar-raġuni li tikkontribwixxi għaż-żieda fil-persuni li jiġu f’pajjiżna għal skopijiet turistiċi u finanzjarji hija proprju din.  Il-fatt li aħna kkunsidrati bħala pajjiż li huwa stabbli u li fih hawn paċi pubblika u ftit delinkwenza jagħmlilna ħafna ġid soċjali u ekonomiku.  Għalhekk, l-użu tajjeb u korrett tas-sistema legali tal-Probation qegħda tkompli tnaqqas minn persuni li jew jikkommettu reati jew huma għas-servizz tad-delinkwenza.

4.    L-effikaċja o meno tal-istrutturi legali u demokratiċi tal-Istat jiddependu dejjem minn kemm jinżammu aġġornati.  Jinżammu b’saħħithom u, fl-istess ħin, kapaċi li jrendu lura dak li s-soċjetà tippretendi li jkunu.  Biss, sabiex dan jibqa’ għaddej hemm bżonn kontinwu ta’ attenzjoni lejn kif taħdem is-sistema.  Dan il-proċess ta’ bidla kontinwa jassigura li l-magna tal-Istat tibqa’ tinżamm taħdem.  Anzi, kif kull persuna taf, ebda magna, tajba kemm hi tajba, ma tista’ tibqa’ l-istess jekk ma tiġix ikkurata u kkontrollata.

5.    Tul din il-leġislatura, u anke f’dawk preċedenti jrid jingħad li gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista żammew lill-poplu u lill-pajjiż jimxu ‘l quddiem proprju għax żammew ċar quddiem għajnejhom dan il-bżonn ta’ bidla.  Hemm linja ta’ ħsieb li ma tħarisx lejn is-soċjetà bħala statika, anqas li b’xi mod għandha tibqa’ li hi.  M’aħniex, u anqas qatt ma konna partit konservattiv, iżda wieħed li jħares li jbiddel għas-sewwa.  Jibdel biex jagħmel l-affarijiet aħjar billi jirrispetta l-prinċipji tal-protezzjoni u d-dinjità tal-persuna umana.  Proprju għalhekk li l-progress huwa sinonimu ma’ dak li sar minn Gvern Nazzjonalista.  Fir-realtà però, jekk il-proċess tal-bidla jrid isir sew, hemm bżonn li dan isir b’attenzjoni u mhux bl-għaġġla.

6.    L-għaġġla hi dejjem moviment li jwassal lejn toroq li m’hemmx wisq frott x’tieħu minnhom.  Min irid jibdel jaf li għandu żewġ għażliet quddiemu: jew jaqbad it-triq tal-bidla biex ibiddel akkost ta’ kollox u biex jidher li qiegħed jagħmel xi ħaġa li ma tkunx, jew inkella dik li tħares li dak li qed jibdel qiegħed iżomm sħiħ dak li hu tajjeb u fl-istess ħin ibiddel dak li mhux.  Mhux kull persuna għandha l-istess dożi ta’ għaqal.  Uħud għandhom ħafna u oħrajn m’għandhom xejn.  Però huwa kwalità essenzjali li permezz tagħha trendi tajjeb u mhux ħażin.  Fl-aħħar mill-aħħar, hemm diversi forom ta’ bidla.  Uħud iwasslu għall-progress filwaqt li oħrajn, sfortunatament, għar-rigress.

12.10.12

Libertà u responsabbiltà

1.    Hemm ħidma li ssir fil-Kamra tad-Deputati li ma tingħatax attenzjoni fit-tul.  Dak il-ħin li tiġi preżentata u diskussa, din il-ħidma tingħata xi forma ta’ kitba fil-gazzetti lokali iżda wara tintesa’ għax diversi emendi li saru f’dawn l-aħħar snin, proprju għax kollox jiddependi minn xi jkun hemm x’jiġi rappurtat, ftit ġew għad-dawl.  Biss, l-emendi li saru għad-diversi liġijiet ta’ pajjiżna qed iservu sabiex imexxu ‘l quddiem is-setturi varji tal-aspetti soċjo-ekonomiċi ta’ din is-soċjetà.  Stat jimxi fit-triq it-tajba skont kemm ikollu liġijiet li jimxu id f’id man-nies.  Dak li sar minn dan il-Gvern assigura iktar li aħna għandna għad-disposizzjoni tagħna qafas ta’ liġijiet li jindikaw li hawn ċiviltà akbar, livell ogħla minn dak li qatt kellna.

2.    Hemm lista twila ta’ emendi u liġijiet ġodda li saru.  Kelli l-esperjenza pożittiva li rajt l-effett dirett ta’ dak li twettaq u nġieb fis-seħħ.  Il-Kodiċi Ċivili ġie emendat numru ta’ drabi u kull darba mxejna sabiex nirfinaw dak li konna għamilna u dak li kellna preċedentement.  Huwa diffiċli li f’dan l-artikolu ndur kull emenda, speċjalment fl-ewwel ġabra li kont tajt sehmi fiha fis-sena 2004 fejn saru tibdiliet varji fil-Kodiċi li jirrigwardaw il-familja, il-proprjetà u s-suċċessjoni.  Fortunatament imxejna sew ‘il quddiem u rnexxielna nibqgħu nħarsu lejn partijiet varji tal-liġi.  F’kelma waħda, li tara kif qegħdin jiffunzjonaw għall-ġid tal-poplu dawk il-miżuri li jkunu saru u jekk humiex jiġbdu fit-triq li kienet oriġinarjament indikata.  Dan kien jitlob ħin u diskussjoni mal-persuni direttament involuti biex wieħed jifhem bil-preċiż dak li qiegħed isir u kif jista’ jiġi effettivament ameljorat.

3.    Kien hemm ukoll avvanzi li saru fejn daħħalna fil-liġi partijiet li qatt qabel ma kienu jeżistu u effettivament ġew regolati setturi li kienu qegħdin jaħdmu legalment mhux għax kellna liġi speċifika dwarhom.  Żewġ setturi partikolari li kelli l-pjaċir nara jidħlu fis-seħħ wara snin ta’ ħdima kienu dawk tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja u dawk marbuta mal-persuna ġuridika, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet.  L-assikurazzjoni fuq il-ħajja (life insurance) kienet ilha titħaddem f’kuntratti (poloz) varji ta assikurazzjoni li daħlu għalihom il-Maltin u l-Għawdxin.  Biss, ħafna drabi konna nemmnu dak li tgħid il-liġi Ingliża mingħajr ma konna nħarsu effettivament lejn integrazzjoni tajba mas-sistema legali, speċjalment fil-każijiet ta’ wirt.  Dan apparti problemi marbuta mal-flessibilità ekonomika tagħha, l-operazzjoni u l-kontroll, kif ukoll l-estenzjoni ta’ poloz ta’ assikurazzjoni għal setturi varji (group policies).  Illum, is-sistema legali tagħna hija ferm iktar progressiva u filwaqt li qabel il-polza ta’ assikurazzjoni kienet marbuta mal-konjuġi fiż-żwieġ, din issa hija miftuħa wkoll, per eżempju, għad-dinja tax-xogħol bejn min jaħdem u min iħaddem.

4.    L-istess fl-emendi li saru għall-persuna ġuridika, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet.  Ma kienx faċli li tilleġisla fuq dan is-settur, speċjalment meta fis-sistema ġuridika tagħna kien hemm numru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati u prattika legali li kienet ikkristallizzat ruħha fil-kuntratti varji ta’ twaqqif ta’ fondazzjonijiet.  Biss kien hemm il-bżonn li nilleġislaw u nibdew regoli f’ħafna aspetti ġodda.  Ħadna in konsiderazzjoni sistemi ġuridiċi barranin li kienu diġà mxew qabilna, senjatament dawk Svizzeri u Ġermaniżi.  Għalhekk illum għandna reġistru ta’ dawk il-fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet.  Daħlu ġodda, antiki nbidlu u t-tnejn ġew reġistrati.  Mhux biss, imma ftaħna l-opportunità għall-fondazzjonijiet u persuni ġuridiċi li jirreġistraw ruħhom hawn.  Dan kien pass ‘il quddiem però hawn ukoll kont qiegħed nipprepara numru ta’ emendi ġodda sabiex numru ta’ persuni ġuridiċi antiki oħra jiġu wkoll regolati u reġistrati.

5.    F’dawn il-liġijiet żammejna ċar il-bilanċ neċessarju bejn il-libertà ta’ kull ċittadin u r-responsabbiltà legali li jrid jidħol għaliha bl-aġir tiegħu.  Fost l-aħħar ġabra ta’ emendi li kont responsabbli għalihom fil-vesti ta’ Ministru tal-Istat kien hemm waħda partikolari li kienet interessanti mill-aspett legali u uman.  Is-settur tax-xjenza biddel il-liġi f’diversi modi.  L-avvanz xjentifiku li sar ġieb liġijiet, sentenzi tal-qrati, kitbiet ta’ awturi legali bħala sorpassati.  Settur partikolari li għamel dan kien dak tad-DNA.  Il-vantaġġi fis-settur tal-investigazzjonijiet kriminali ħadnih b’makkinarju komparattiv avvanzat fuq livell Ewropew.  Bdejnih ukoll fis-settur tal-familja, b’mod partikolari l-identifikazzjoni tal-paternità f’ulied fejn din ma ġietx indikata fiċ-ċertifikat tat-twelid inkella f’kawżi ta’ denegata paternità.

6.    Il-liġi kienet ġiet emendata biex twieġeb għal dan l-avvanz u l-qorti setgħet tordna li jsiru dawn l-eżamijiet komparattivi.  Il-qorti kellha l-poter li tagħmel dan jekk kemm-il darba l-partijiet indikati kienu jaqblu.  Dan, f’dak iż-żmien, kien pass ‘il quddiem għax qabel konna niddependu fuq id-demm biex isir dan l-eżami.  Sfortunatament, mhux f’kull kawża kien hemm koperazzjoni u allura missirijiet veri kellhom id-dritt li jirrifjutaw, u hekk kienu jagħmlu.  B’emenda li daħlet fis-seħħ reċentement, tajna d-dritt lill-qorti li tista’ tordna lill-partijiet li jagħtu u jikkollaboraw fl-eżami mediku sabiex il-paternità tal-wild tiġi identifikata.  Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem, li għandu jwassal sabiex nasserixxu li l-ulied għandhom id-dritt li jkunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom u dan fl-istess ħin billi żammejna l-bilanċ effettiv bejn il-libertà u r-responsabbiltà ta’ kull persuna fis-soċjetà.

5.10.12

Tibdil ‘il quddiem fl-Afrika

1.    Pajjiżna għandu pożizzjoni ġeografika li kull darba ġġibu f’sitwazzjoni fejn jiġi b’xi mod involut f’dak li jkun għaddej, sija fil-kontinent ta’ taħtu kif ukoll fl-art ta’ fuqu.  Diversi drabi smajna l-kliem li aħna “pont”, li qegħdin fiċ-ċentru tal-Mediterran.  Jekk qabel, għal xi wħud dawn setgħu kienu esaġerazzjonijiet, illum m’humiex.  L-eventi ta’ dawn l-aħħar ħames snin ġibuna iktar viċin li nkunu involuti f’dak li jkun qiegħed ibaqbaq sija minn fuq, kif ukoll fin-naħa t’isfel tagħna.  Il-kurrenti kważi kontinwi ta’ persuni li qasmu u għadhom jippruvaw jagħmlu dan mill-kosta ta’ taħtna biex ifittxu ħajja ġdida ġabuna wiċċ imb’wiċċ ma’ realtà.  Hemm diversi problemi fl-Afrika li, naqraw jew nisimgħu bihom jew le, hemm qegħdin.  Aħna parti minn dan il-proċess uman fejn hemm bnedmin ifittxu ħajja ġdida jew għax f’pajjiżhom huma ppersegwitati, jew għax hemm il-ġlied jew minħabba l-faqar.

2.    Ikun żball għal min jipprova jaħrab din il-verità.  Irid, minflok, jaffrontaha sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet.  Il-linja li ħadna u li l-Prim Ministru kontinwament sostna kienet dik umanitarja.  Min jaħseb b’linja kulturali u ideoloġika differenti qiegħed jiżbalja.  Pajjiżna għamel diversi passi sabiex jgħin.  Ipprovda fejn dawn il-persuni jgħixu, x’jieklu, edukazzjoni, taħriġ u aċċess għad-dinja tax-xogħol.  Tul dawn is-snin, il-kundizzjonijiet ġew imsaħħa ferm iktar milli kienu.  Bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea u tal-Ministeru tal-Finanzi biddilna sew il-kundizzjonijiet sija fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, kif ukoll f’dawk miftuħa.  Dan sar għax għamilna ħilitna biex nibdlu, minkejja d-diffikultajiet loġistiċi u finanzjarji u fortunatament, bil-ħidma ta’ diversi organizzazzjonijiet  non-governattivi u ta’ diversi uffiċċjali f’dipartimenti varji.

3.    Kelli, numru ta’ drabi l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ dawn il-bnedmin biex nifhem sewwa x’hemm f’qalbhom u f’moħħhom.  Il-maġġoranza tagħhom ġew biex jimxu għall-aħjar u kważi kollha kellhom l-istorja diffiċli tagħhom.  Fosthom, l-iktar li ġew kienu persuni mill-pajjiż li ilu għal dawn l-aħħar għoxrin sena għaddej bi gwerra ċivili mill-iktar sewda u kumplikata.  Fil-parti ta’ fuq f’dak li huwa magħruf bħala l-“Puntland” hemm l-ordni, mentri f’iktar minn żewġ terzi tiegħu hemm il-ġlied.  Is-Somali ta’ din il-parti ilhom jaħirbu ‘l fuq minn rotot differenti.  Uħud imorru lejn il-Libja permezz tas-Sudan, oħrajn imorru lejn il-Yemen.  Ħafna ssugraw ħajjithom.  Ħafna tilfuha.  Uħud fid-deżert, oħrajn fil-baħar.  Fil-laqgħat li kont inżomm kull ġimgħa stajt inżomm il-polz mhux biss f’dak li kien qiegħed jiġri f’pajjiżna, imma anki l-kurrenti varji lejn pajjiżi oħra fl-Ewropa u fl-Afrika stess.

4.    Żammejt lili nnifsi naqra u nsegwi fuq il-pajjiżi kollha ta’ dan il-kontinent ġeneruż u kważi, jum wara jum, l-aħbarijiet partikolari ta’ dak li kien għadej fis-Somalia.  Il-komunità Somala hija numeruża f’pajjiżna.  L-iktar li waslu hawn ġew minn hemmhekk.  Il-belt kapitali Mogadishu spiċċat fil-mira ta’ attakki varji, bil-grupp Iżlamiku al-Shabaab jikkumbatti l-forzi demokratiċi.  Fortunatament, forzi mibgħuta mill-Unjoni Afrikana (Amisom) irnexxielhom ineħħu dan id-dominju u għalhekk, f’dawn l-aħħar xhur, beda proċess demokratiku ġdid li għandu jwassal, wara l-elezzjoni ta’ President ġdid, għal sitwazzjoni ferm aħjar.  Diġà daħlet u ġiet approvata kostituzzjoni ġdida li ssudat iktar u iktar dan l-isforz lejn il-paċi li d-demokrazija ġġib.

5.    Fl-10 ta’ Settembru, il-parlament ta’ dak il-pajjiż eleġġa lil Abdeweli Mohamed Ali bħala President b’mija u disgħin vota kontra disgħa u sebgħin.  Għandu quddiemu missjoni verament diffiċli.  Trid enerġija u volontà biex terġa’ tibni pajjiż mill-ġdid.  Il-parlament spiċċa trab.  Id-djar, ħwienet u strutturi varji jridu jerġgħu jingħataw il-ħajja.  Biss, minn dak li qiegħed naqra fil-gazzetti internazzjonali, prinċipalment dawk li jirrappurtaw bis-serjetà u b’attenzjoni ġrajjiet dan il-pajjiż u l-kontinent, hemm sinjali ċari ta’ ċaqliq.  Diversi Somali li ħarbu lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika qegħdin jitħajru jmorru lura u jagħtu sehemhom għat-trasformazzjoni.  Dak li tgħallmu barra, l-esperjenzi personali u professjonali tagħhom ser jeħduhom lura.  Lura għall-ġid ta’ pajjiż li ċert li ġaladarba jaqbad it-triq ser iservi ta’ xprun u ċentru ekonomiku importanti.  Dak li rajna, b’mod partikolari fl-Angola, huwa eżempju ċar ta’ dak li jista’ jseħħ.

6.    Jekk it-triq tibqa’ sejra fid-direzzjoni t-tajba ser nibdew naraw iktar Somali, anke minn pajjiżna jew li f’xi ġurnata ġew għandna, jmorru lura u jaħdmu f’pajjiżhom.  Għada pitgħada, ir-rabta tagħna magħhom ċert li ser tkun iktar soda.  Forsi investiment uman u finanzjarju da parti tagħna issa jaf jagħti messaġġ iktar dirett tal-intenzjonijiet u l-fiduċja tagħna.  F’dawn l-aħħar snin, il-kontinent Afrikan ra tisħiħ tar-rapporti kummerċjali tiegħu maċ-Ċina, pajjiż li aħna wkoll għandna rapport diplomatiku, kulturali u kummerċjali sod miegħu.  Pajjiż li lkoll nagħrfu l-abbiltà ta’ diversi mexxejja fi ħdanu li jħarsu ‘l quddiem.  L-Afrika hija viċin, u iktar ma jgħaddi ż-żmien, ser tkun il-kontinent li jixprunana ‘l quddiem lejn rabtiet kummerċjali u finanzjarji li ser jibdluna wkoll.  Filwaqt li nawgura tisħiħ, paċi u ġustizzja fis-Somalja, niġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li hemm żviluppi li rridu nikkunsidraw u nibnu fuqhom.  Li hu żgur hu li aħna dejjem irnexxielna ngħixu tajjeb mal-ġirien tagħna.  Kilna u kbirna magħhom, u hemm għandna nibqgħu nagħmlu.

3.10.12

Lejn fejn iridu jeħduna?

1.    Fil-ħajja, fil-politika, tista’ tkun int innifsek u tista’ tipprova timita lil ħaddieħor.  Tista’ turi lilek innifsek f’dak li m’intix, jew tibqa’ tikkumbatti sabiex tkun li int.  Meta tkun dak li m’intix, tispiċċa tiżbalja.  Dan hu li qiegħed jiġri preżentement fil-Partit Laburista.  Irid ikun dak li m’huwiex.  Irid jidher f’termini li għalih huma aċċettabbli għal diversi setturi fis-soċjetà.  Għalhekk telaq jgħid u jagħmel diskors, azzjonijiet li qed isiru mhux fuq xi linja ta’ prinċipju, fuq xi linja ta’ valuri li huma kienu jew għadhom iħaddmu, imma għall-espedjent politiku.  Ma hemmx direzzjoni interna vera, ma hemmx boxxla ċara li permezz tagħha l-elettorat jista’ jifhem u, jekk irid, jidentifika ruħu magħha.  Hemm minflok varjetà ta’ messaġġi li joħorġu skont l-udjenza.  Messaġġi li jħawdu u, fl-istess ħin, jikxfu dak li huma.

2.    Fil-politika ta’ sustanza, l-ewwel linja li trid titlaq tikteb minnha hija dik li turi dak li int u dak li verament trid tirrappreżenta.  F’dawn l-aħħar snin il-Partit Laburista, permezz tal-mexxej il-ġdid però mingħajr esperjenza, irnexxilu jitlef lilu nnifsu.  Daħal fi sqaqien politiċi li minnhom irid bilfors imur lura.  Ftit ilu l-ħsieb kien li biex it-tmexxija tkun aċċettabbli trid tibda timita lill-Partit Nazzjonalista, mentri issa qegħdin joħorġu bl-ideat tagħhom.  Dak li jiġi naturali fi ħdan il-partit fil-Gvern, f’dak tal-Oppożizzjoni qiegħed jiġi b’artifiċjalità.  Altru temmen f’linja politika għax hija verament tajba u ċert li ser tagħti frott bnin lill-poplu, u altru tiddikjara l-affarijiet fuq xufftejk mingħajr ma tifhem sewwasew x’qiegħed tgħid.  Mexxej ta’ dawn il-gżejjer għandu, bħala minimu, jkun jaf dwar x’hiex qiegħed jitkellem u almenu jemmen b’parti sew minn qalbu f’dak li qiegħed jgħid.

3.    Meta ma tkunx ċar miegħek innifsek, meta ma jkollokx diġà l-ideat retti tiegħek, allura tispiċċa titmexxa minn ħaddieħor.  Tispiċċa jkollok id-diskorsi importanti tiegħek miktuba minn oħrajn.  Oħrajn li jeħduk mhux fejn forsi trid tmur int, imma fejn iridu jmorru huma.  Jekk ma jkollokx l-ankri tas-sewwa politika fik, allura serraħ moħħok li mhux ser tinduna b’dak li qiegħed isir u għalhekk sejjer titkaxkar.  Hekk qed nifhem li ġralu l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar meeting pubbliku ġewwa Ta’ Qali.  L-isforz prinċipali tiegħu kien dak li jikkonċentra iktar fuq il-forma, milli fuq is-sustanza.  Iktar kif ser jidher li qiegħed jitkellem, ma’ min ser jiġi mqabbel, milli ma’ dak li hu verament il-messaġġ.  Rajnih u smajnih irid juri lilu nnifsu bħala mexxej partikolari passat.

4.    Rajnih jipprova jimita lil dak li huwa inimitabbli.  Forsi qiegħed jerġa’ jara l-filmati l-antiki tad-diskorsi li kienu saru qabel fil-Menqa, li llum huma irrepetibbli.  Salv li f’moħħ ċerti nies fi ħdan il-grupp ta’ direzzjoni tal-partit jaħsbu, tajjeb jew ħażin, li l-elettorat laburista jrid jerġa’ jisma’ u jara l-istess spettakli li kien jara qabel.  Is-Sibt li għadda kien hemm ċar għad-dawl tax-xemx li dak il-partit għadu mwaħħal fil-passat tiegħu.  Sfortunatament għadu jaħseb li l-pajjiż baqa’ lura u fih ma sarx progress.  Għadu ma fehemx li l-poplu huwa iktar edukat u mgħarraf minn qabel.  Għalhekk joħroġ bi proposti mwielda fil-passat u llum qed jingħadu lura.  Hemm lista tagħhom li tarahom joħorġu biċċa biċċa.  Ma hemmx biss din id-dikjarazzjoni li l-pagi tal-ħaddiema m’għandhomx jiġu mċaqalqa.  Hemm oħrajn li nagħrfuhom fil-pinna ta’ min għadu jaħseb li huwa tajjeb li tikkontrolla n-negozju, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-bnedmin fil-bżonnijiet tagħhom.  Ta’ min mill-passat irid jiddetta lil tal-preżent.

5.    Li taħseb biss li għandek tħabbar politika ekonomika li fiha l-pagi tal-ħaddiema għandhom jiġu ffriżati sakemm, skont xi ħadd fil-Partit Laburista jiddeċiedi li l-pajjiż ħareġ minn kriżi li ser jidħlu fiha huma bil-proposti żbaljati tagħhom, hija verament inkredibbli.  Ma titwemminx proprju għax konna qed nippruvaw naħsbu, u bil-ħniena nittamaw, li bil-mexxej il-ġdid l-affarijiet iċċaqilqu f’direzzjoni tajba.  Imma minflok qed nerġgħu nifhmu dak li qal deputat laburista ftit taż-żmien ilu meta kkwota ġurnalist Sqalli li kien qal fi ktieb famuż li iktar ma jidhru li jinbidlu l-affarijiet, iktar jibqgħu l-istess.  Il-mimmi t’għajnejn il-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari f’din il-leġislatura, kienu u baqgħu l-ħaddiema.  Bqajna ffukati biex insalvaw u nżidu fl-impjiegi f’dawn il-gżejjer.  Bqajna nfittxu strumenti ġodda biex nagħtu dinjità u fl-istess ħin nassiguraw li jkun hemm pagi aħjar.  Il-poplu, żgur mhux forsi, illum japprezza ferm iktar li għalkemm konna ssikati ħafna bil-pressjonijiet ekonomiċi li nħolqu minn barra minn xtutna, qatt ma waqajna f’din il-ħmerija.

6.    Anqas min iħaddem ma jibla’ ħaġa bħal din.  Illum, min qiegħed iħaddem, min għandu l-ispazju liberu li juża t-talenti tiegħu fil-kummerċ jagħraf li hija kontroproduċenti li timxi ma’ din il-linja ekonomika.  Jagħraf li l-friża tal-pagi tnaqqas mill-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiem.  Min iħares ‘il quddiem, min irid jiġbed iktar xogħol minn barra minn xtutna jagħraf li ċ-ċavetta hija l-edukazzjoni u mhux il-kontroll tal-pagi.  Għax l-edukazzjoni, illum ilkoll għandna (mertu tal-Partit Nazzjonalista) nirrikonoxxu li hija ċ-ċavetta sabiex il-ħaddiem Malti u Għawdxi jiġi stmat u mhux mormi.  Il-Partit Laburista, sfortunatament, lura mill-passat għandu f’rasu li ser isolvi l-problemi billi jiffriżahom.  Il-mentalità, il-linja politika tagħhom hija għal kollox żbaljata.  Il-ħaddiem ma jixraqlux Gvern immexxi minnhom proprju għax jitlef dak li għandu llum.  Għalhekk, nibqgħu impenjati u determinati sabiex il-pajjiż ma jaqax f’idejn tmexxija antika, imma jibqa’ f’idejn dik progressiva – dik tal-Partit Nazzjonalista.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...