29.10.12

Tara d-differenza

1.    Ma kienx faċli, u sallum għadu diffiċli għal kwalunkwe Ministru tal-Ġustizzja li jwettaq passi tajba li fuqhom il-ħidma fis-settur ġudizzjarju titjieb.  Għamilt disa’ snin nifhem u naħdem sabiex isiru tibdiliet ġodda li permezz tagħhom is-sistema ċċaqilqet ‘il quddiem.  Illum li qiegħed nerġa’ nipprattika ta’ avukat nista’ nara u mmiss b’idejja d-differenza.  Il-qrati ta’ pajjiżna, sija dawk f’Malta kif ukoll f’Għawdex, qegħdin jaħdmu ferm aħjar milli kienu.  Bid-diversi emendi u liġijiet ġodda, il-ħidma ġiet ferm iktar faċilitata milli kienet meta tlaqtha fl-2003.  Mhux biss, imma ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li ġiebu ferm iktar effikaċja fil-ħidma li permezz tagħha taħdem il-magna interna.

2.    F’dawn is-snin, filwaqt li x-xogħol ġewwa s-sistema żdied bi kważi tlett darbiet, xorta waħda l-kawżi pendenti baqgħu jonqsu.  Naqsu sija fin-numru, kif ukoll fl-età tagħhom.  Ġew deċiżi ferm iktar kawżi antiki u dan seħħ proprju għax ġew meħuda deċiżjonijiet li ppermettew soluzzjonijiet diretti lejn il-kumplikazzjonijiet varji li kien hemm.  Id-dħul tal-proċedura legali tal-ittra uffiċjali eżekuttiva u l-passi lejn użu differenti taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ikkonċentraw fuq kawżi diffiċli.  Servew ulterjorment sabiex iżidu fil-kapaċità tal-volum tax-xogħol li s-sistema setgħet tieħu.

3.    Il-fatt li ġew ippreżenati madwar 25,000 ittra uffiċjali eżekuttiva u madwar 3,000 arbitraġġ serva biex ikun hemm iktar flessibilità u veloċita’ minn qabel.  Mill-istatistika jidher ċar li l-kawżi pendenti naqsu sew.  Minn 9,228 każ pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-aħħar tal-2003 dawn niżlu għal 6,660 fl-aħħar tal-2011 u dan minkejja l-fatt li l-kawżi ġodda baqgħu jiżdiedu.  Fil-fatt, mill-1,757 kawża ġdida fl-2003 fil-Prim’Awla, fl-2011 dawn telgħu għal 2,330 – żieda ta’ 573.  Il-Qrati Superjuri żammew ritmu qawwi li bih irnexxielhom inaqqsu l-kawżi l-antiki.  Dan huwa mertu ta’ ħidma tajba u kostanti li baqgħet issir.  Għalhekk, tajjeb li jiġi sottolinjat li mertu tal-fatt li f’disa’ snin ġew deċiżi 21,825 kawża u minkejja li daħlu 19,833 kawżi ġodda, xorta l-kawżi pendenti naqsu drastikament.

4.    Dan huwa biss ġewwa l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għax hemm riżultati simili fil-Qorti tal-Maġistrati, fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar u fil-Qorti tal-Appell.  Dawn ir-riżultati pożittivi kellhom effett ukoll ġewwa l-Qorti ta’ Għawdex, fejn ukoll, l-istatistika turi li kien hemm tnaqqis tajjeb tal-kawżi.  Il-passi ‘l quddiem seħħew mertu ta’ numru ta’ miżuri li ġew meħuda.  Il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ġie emendat numru ta’ drabi proprju sabiex saret reviżjoni effettiva tal-proċeduri legali f’diversi livelli li wasslu sabiex jagħmlu bidla għall-aħjar f’dak li jsir kull ġurnata fil-qorti.  B’mod partikolari t-tibdil tad-diversi proċeduri ta’ mandati eżekuttivi u kawtelatorji, kif ukoll bil-mod effettiv li bih jibdew u jiġu ffissati l-kawżi għas-smigħ.

5.    Nara dan fil-ħidma ta’ kull ġurnata ġewwa l-qrati tagħna fejn l-atmosfera hija ferm aħjar milli kienet għaxar snin ilu.  Dan jgħodd sija għall-Qorti ta’ Malta kif ukoll għal dik ġewwa Għawdex, kif kelli l-opportunità nara wkoll f’dik il-gżira meta l-ġimgħa li għaddiet tlajt għal xi kawżi.  Hemm sibt l-ispazju kollu fit-tlett awli li hemm jaħdmu f’daqqa.  Kien hemm kawżi ċivili fil-Qorti Superjuri għadejja quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.  Stajt nara li hemm atmosfera kompletament differenti.  Il-fatt li l-kawżi hawn naqsu drastikament u li nqasmu fuq żewġ ġudikanti li huma permanentement assenjati hemm sarraf f’ħidma aħjar.  Hemm ferm iktar kawżi deċiżi f’dawn l-aħħar snin li serva sabiex jitnaqqsu l-kawżi pendenti hemm.  Apparti dan, kelli s-sodisfazzjon nara li kien hemm ukoll it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva jaħdem hemm ukoll.  Għalija pass verament ‘il quddiem fil-kamp tal-Ġustizzja Amministrattiva.

6.    Fil-kamp ġudizzjarju huwa diffiċli ħafna, mill-esperjenza tiegħi impossibbli, li togħġob lil kulħadd.  Dawk li l-kwistjoni tagħhom tiġi meħlusa malajr mod u dawk li jaraw it-tul, mod ieħor.  Diversi drabi l-kawżi jitwalu minħabba kumplikazzjonijiet varji li jiżviluppaw tulhom.  Drabi l-piki, oħrajn marbuta ma’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li mhux faċli tifred biex tifhem.  Dan xorta ma jfissirx li wieħed għandu joqgħod lura u ma jippruvax ibiddel.  Biss hemm linji li wieħed ma jistax jaqbeż biex jagħmel l-affarijiet aħjar.  Isir xi jsir mill-aspett leġislattiv, xorta hemm il-fattur uman li jiddetermina u attwalment iseħħ f’kull kawża partikolari.  B’danakollu, xorta waħda wieħed jista’ faċilment jara d-differenza bejn dak li kellna u dak li għandna jaħdem tajjeb illum.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...