5.10.12

Tibdil ‘il quddiem fl-Afrika

1.    Pajjiżna għandu pożizzjoni ġeografika li kull darba ġġibu f’sitwazzjoni fejn jiġi b’xi mod involut f’dak li jkun għaddej, sija fil-kontinent ta’ taħtu kif ukoll fl-art ta’ fuqu.  Diversi drabi smajna l-kliem li aħna “pont”, li qegħdin fiċ-ċentru tal-Mediterran.  Jekk qabel, għal xi wħud dawn setgħu kienu esaġerazzjonijiet, illum m’humiex.  L-eventi ta’ dawn l-aħħar ħames snin ġibuna iktar viċin li nkunu involuti f’dak li jkun qiegħed ibaqbaq sija minn fuq, kif ukoll fin-naħa t’isfel tagħna.  Il-kurrenti kważi kontinwi ta’ persuni li qasmu u għadhom jippruvaw jagħmlu dan mill-kosta ta’ taħtna biex ifittxu ħajja ġdida ġabuna wiċċ imb’wiċċ ma’ realtà.  Hemm diversi problemi fl-Afrika li, naqraw jew nisimgħu bihom jew le, hemm qegħdin.  Aħna parti minn dan il-proċess uman fejn hemm bnedmin ifittxu ħajja ġdida jew għax f’pajjiżhom huma ppersegwitati, jew għax hemm il-ġlied jew minħabba l-faqar.

2.    Ikun żball għal min jipprova jaħrab din il-verità.  Irid, minflok, jaffrontaha sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet.  Il-linja li ħadna u li l-Prim Ministru kontinwament sostna kienet dik umanitarja.  Min jaħseb b’linja kulturali u ideoloġika differenti qiegħed jiżbalja.  Pajjiżna għamel diversi passi sabiex jgħin.  Ipprovda fejn dawn il-persuni jgħixu, x’jieklu, edukazzjoni, taħriġ u aċċess għad-dinja tax-xogħol.  Tul dawn is-snin, il-kundizzjonijiet ġew imsaħħa ferm iktar milli kienu.  Bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea u tal-Ministeru tal-Finanzi biddilna sew il-kundizzjonijiet sija fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, kif ukoll f’dawk miftuħa.  Dan sar għax għamilna ħilitna biex nibdlu, minkejja d-diffikultajiet loġistiċi u finanzjarji u fortunatament, bil-ħidma ta’ diversi organizzazzjonijiet  non-governattivi u ta’ diversi uffiċċjali f’dipartimenti varji.

3.    Kelli, numru ta’ drabi l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ dawn il-bnedmin biex nifhem sewwa x’hemm f’qalbhom u f’moħħhom.  Il-maġġoranza tagħhom ġew biex jimxu għall-aħjar u kważi kollha kellhom l-istorja diffiċli tagħhom.  Fosthom, l-iktar li ġew kienu persuni mill-pajjiż li ilu għal dawn l-aħħar għoxrin sena għaddej bi gwerra ċivili mill-iktar sewda u kumplikata.  Fil-parti ta’ fuq f’dak li huwa magħruf bħala l-“Puntland” hemm l-ordni, mentri f’iktar minn żewġ terzi tiegħu hemm il-ġlied.  Is-Somali ta’ din il-parti ilhom jaħirbu ‘l fuq minn rotot differenti.  Uħud imorru lejn il-Libja permezz tas-Sudan, oħrajn imorru lejn il-Yemen.  Ħafna ssugraw ħajjithom.  Ħafna tilfuha.  Uħud fid-deżert, oħrajn fil-baħar.  Fil-laqgħat li kont inżomm kull ġimgħa stajt inżomm il-polz mhux biss f’dak li kien qiegħed jiġri f’pajjiżna, imma anki l-kurrenti varji lejn pajjiżi oħra fl-Ewropa u fl-Afrika stess.

4.    Żammejt lili nnifsi naqra u nsegwi fuq il-pajjiżi kollha ta’ dan il-kontinent ġeneruż u kważi, jum wara jum, l-aħbarijiet partikolari ta’ dak li kien għadej fis-Somalia.  Il-komunità Somala hija numeruża f’pajjiżna.  L-iktar li waslu hawn ġew minn hemmhekk.  Il-belt kapitali Mogadishu spiċċat fil-mira ta’ attakki varji, bil-grupp Iżlamiku al-Shabaab jikkumbatti l-forzi demokratiċi.  Fortunatament, forzi mibgħuta mill-Unjoni Afrikana (Amisom) irnexxielhom ineħħu dan id-dominju u għalhekk, f’dawn l-aħħar xhur, beda proċess demokratiku ġdid li għandu jwassal, wara l-elezzjoni ta’ President ġdid, għal sitwazzjoni ferm aħjar.  Diġà daħlet u ġiet approvata kostituzzjoni ġdida li ssudat iktar u iktar dan l-isforz lejn il-paċi li d-demokrazija ġġib.

5.    Fl-10 ta’ Settembru, il-parlament ta’ dak il-pajjiż eleġġa lil Abdeweli Mohamed Ali bħala President b’mija u disgħin vota kontra disgħa u sebgħin.  Għandu quddiemu missjoni verament diffiċli.  Trid enerġija u volontà biex terġa’ tibni pajjiż mill-ġdid.  Il-parlament spiċċa trab.  Id-djar, ħwienet u strutturi varji jridu jerġgħu jingħataw il-ħajja.  Biss, minn dak li qiegħed naqra fil-gazzetti internazzjonali, prinċipalment dawk li jirrappurtaw bis-serjetà u b’attenzjoni ġrajjiet dan il-pajjiż u l-kontinent, hemm sinjali ċari ta’ ċaqliq.  Diversi Somali li ħarbu lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika qegħdin jitħajru jmorru lura u jagħtu sehemhom għat-trasformazzjoni.  Dak li tgħallmu barra, l-esperjenzi personali u professjonali tagħhom ser jeħduhom lura.  Lura għall-ġid ta’ pajjiż li ċert li ġaladarba jaqbad it-triq ser iservi ta’ xprun u ċentru ekonomiku importanti.  Dak li rajna, b’mod partikolari fl-Angola, huwa eżempju ċar ta’ dak li jista’ jseħħ.

6.    Jekk it-triq tibqa’ sejra fid-direzzjoni t-tajba ser nibdew naraw iktar Somali, anke minn pajjiżna jew li f’xi ġurnata ġew għandna, jmorru lura u jaħdmu f’pajjiżhom.  Għada pitgħada, ir-rabta tagħna magħhom ċert li ser tkun iktar soda.  Forsi investiment uman u finanzjarju da parti tagħna issa jaf jagħti messaġġ iktar dirett tal-intenzjonijiet u l-fiduċja tagħna.  F’dawn l-aħħar snin, il-kontinent Afrikan ra tisħiħ tar-rapporti kummerċjali tiegħu maċ-Ċina, pajjiż li aħna wkoll għandna rapport diplomatiku, kulturali u kummerċjali sod miegħu.  Pajjiż li lkoll nagħrfu l-abbiltà ta’ diversi mexxejja fi ħdanu li jħarsu ‘l quddiem.  L-Afrika hija viċin, u iktar ma jgħaddi ż-żmien, ser tkun il-kontinent li jixprunana ‘l quddiem lejn rabtiet kummerċjali u finanzjarji li ser jibdluna wkoll.  Filwaqt li nawgura tisħiħ, paċi u ġustizzja fis-Somalja, niġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li hemm żviluppi li rridu nikkunsidraw u nibnu fuqhom.  Li hu żgur hu li aħna dejjem irnexxielna ngħixu tajjeb mal-ġirien tagħna.  Kilna u kbirna magħhom, u hemm għandna nibqgħu nagħmlu.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...