24.4.24

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika ruħha. Tidher li daħlet f’pożizzjonijiet li minnhom, flok qed naraw tmiem kunflitt, qed immissu ma’ iktar imwiet. Il-figuri li ħadd ma jidher li qiegħed imeri juru li mietu eluf ta’ persuni. Fil-bidu, u li ċaqlaq kollox, kien l-attakk żbaljat u mill-iktar kundannabbli li l-Ħamas wettqu fuq diversi innoċenti. Kien bla sens, mimli ħdura, degradanti, u li ma jwassal imkien. Min ħa dik id-deċiżjoni wera li mhuwiex denju jew kapaċi jieħu passi biex tinstab soluzzjoni għal żewġ popli li qed jgħixu viċin xulxin.

M’hemmx passi oħra

2. Minn dak li rajna huwa iktar evidenti li daħlet il-mentalità li għal dak li seħħ m’hemmx passi oħra lura. L-attakki li saru mill-Forzi Armati Iżraeljani seta’ kellhom ġustifikazzjoni fil-bidu, imma llum ħadd ma jista’ jitkellem iktar fuq atti ta’ difiża leġittima. Fil-perkors ta’ dawn ix-xhur saru wisq atti militari li ma wasslux għar-riżultati li wħud, minn barra, setgħu ħasbu. Diversi qed jaħsbu u jgħidu li l-affarijiet ikkumplikaw ruħhom intenzjonalment. Attakki varji fuq bnedmin li tilfu ħajjithom. Mietu ulied, nisa, anzjani. Id-demm innoċenti tagħhom qiegħed hemm: jgħajjat f’soċjetà li tilfet widintha. Ma nafx kif, għada pitagħada, stati oħra madwar id-dinja, fir-reġjun, fil-Mediterran, jistgħu jħarsu f’għajnejn dawk li għadhom ħajjin. Kif jistgħu, il-mexxejja tad-dinja, jiġġustifikaw dak li wettqu? U kif ħadd ma ntervjena verament biex dan il-massakru jieqaf?

Kwistjoni ta’ mexxejja

3. Hemm, f’dan, responsabbiltà kollettiva li qegħda tinġabar fuqna wkoll. Waqt li fl-1945 ftit kienu jafu dak li kien għaddej fil-kampijiet tal-konċentrament, illum dan ilkoll nafuh. Aħna wkoll għandna nitkellmu, naġixxu u nċaqilqu. Faċli nħallu lill-oħrajn għaddejjin u ndawru wiċċna. Għandna problemi qawwija fil-kuxjenza tagħna. Dik li hija ta’ bnedmin ta’ kultura, ta’ storja, ta’ Nsara. Għandna fuqna dmirijiet li jwassluna biex naġixxu billi nsemmgħu leħinna u ma nħallux lil min isikkitna b’diskorsi bla sens li fihom nispiċċaw biss f’loppju. Diversi, f’dan, ifittxu li jagħżlu li jwaħħlu fil-mexxejja partikolari. Fuq naħa, u l-iktar fil-mira hemm Benjamin Netanyahu, li jidher dejjem iktar li qiegħed f’pożizzjoni politika li 
minnha ma jridx jiċċaqlaq. Uħud, bħal ma smajt lil Mustafa Barghouti, is-Segretarju Ġenerali tal-Palestinian National Initiative jiddikjara, jaħsbu li dan ġej minħabba l-proċessi kriminali u politiċi li għandu jistennewh. Imma fir-realtà hija wkoll li hemm politiċi oħra warajh li qegħdin isostnu li din il-linja iebsa tkompli għaddejja, minkejja li Gaża hija mfarrka kważi kompletament. Fosthom Itamar Ben Gvir, il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem fil-koalizzjoni tal-Gvern. Imma internament  ħadd m’huwa b’xi mod jaġixxi verament sabiex din il-linja ta’ ġlied tieqaf. Iktar u iktar fl-isfida iktar ikkumplikata li, għall-ewwel darba, hemm tibdil fir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u Iżrael.

Żewġ Stati?

4. Minkejja l-isforzi tal-President Joe Biden, li naħseb li ħaddieħor m’għandux l-intenzjoni li jaqbad u li qiegħed iwettaq, huwa iktar ċar li flok qed tinstab soluzzjoni, is-sitwazzjoni iktar qed tikkomplika ruħha. Dak li hu għaddej f’Gaża mhuwiex, b’xi mod, aċċettabbli, u kull min għandu għal qalbu d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna u jħares lejn l-istorja jaf li għandu jaġixxi. Dak li seħħ f’Ottubru huwa frott ta’ moviment terrorista, ċertament, u mhux tal-poplu Palestinjan. Imma nagħrfu dejjem aktar li hemm distinzjoni bejn dak li seħħ u dak li għandna nħarsu għalih fil-futur. Dikjarazzjonijiet fuq soluzzjoni ta’ żewġ Stati ilna nagħmlu u nisimgħu. F’dawn is-snin ma ġewx, u ma ngħatawx il-ħajja. F
’dawn is-snin kienet ukoll konvenjenti għal dan il-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu li ma tiġix għad-dawl. Anzi, li saru passi determinanti sabiex tagħmel dan iktar diffiċli. Kien hemm bżonn dikjarazzjoni mill-ġdid li din għadha fuq il-mejda, imma daqshekk ieħor li jridu jsiru iktar passi fi trattattivi li ma jistgħux jirnexxu jew jibdew.

Iżrael u l-Iran

5. F’dan huwa iktar ikkumplikat dak li seħħ f’dawn il-jiem bejn dawn l-Istati. Jekk kienx att ta’ provokazzjoni jew difiża li l-Iżrael attakka konsolat f’dak il-pajjiż, forsi nkunu nafuh għada pitgħada. Imma r-reazzjoni kienet daqshekk ieħor barra mill-proporzjon. L-appelli għal tnaqqis fil-livell għoli ta’ ritaljazzjoni, jew forsi f’termini differenti, waħda ikkalkulata, ma nafx kemm kienu effikaċi. Il-pajjiżi tad-dawra wettqu ħidma li sa issa tidher li kkontrollat. Imma kemm dan ser jibqa’ hekk fil-futur qasir, ma nafux. Iktar u iktar bl-estremiżmi li hemm f’Iżrael u bis-sejħa għal reazzjoni għal dak li hu għaddej f’Gaża minn poplu Musulman li jrid iwieġeb għall-mewt ta’ tant innoċenti. Waqt dawn il-jiem jidher li hemm ħsieb mill-ġdid fuq dan, imma fejn ser iwassal fit-tul, u jekk huwiex ser jinżamm fejn hu, ma nafux.

Jibqa’ l-punt

6. F’dan kollu, il-pożizzjoni ser tibqa’ dik li m’għandniex soluzzjoni vera. Flok nistgħu nħarsu lejn futur fil-paċi, għandna kważi assigurazzjoni ta’ wieħed mifni bil-ġlied. Iktar ma l-partijiet idumu biex jaslu, jew kif partijiet minn Iżrael jippretendu li qatt ma jaslu, is-sitwazzjoni tibqa’ ħażina bil-kumplikazzjoni li f’għajnejn ġenerazzjoni Palestinjana futura jkun hemm min jiġġustifika dak li wettqu l-Ħamas. Mhux biss, imma hemm it-theddida li dak kollu li ġie reġistrat li m’għandux jerġa’ jseħħ wara x-Shoah ser jintilef. Ma jistax jibqa’ jingħad li min jitkellem favur soluzzjoni u l-poplu Palestinjan huwa parti minn aġir anti-semita jew favur il-Ħamas. Dan mhu minnu xejn. Iżrael irid ikun ferm iktar attent għax f’dan qiegħed ifarrak dak li huwa stess bena sa mill-1945. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Stati f’dawn il-jiem dwar dan huwa iktar determinanti. Pajjiżna għamel sew li ħa pożizzjoni. Imma hemm bżonn ferm iktar sforzi sabiex din il-kwistjoni tirrisolvi ruħha. Nafu li hija kkumplikata, però nagħrfu li hemm bżonn iktar passi biex jieqaf il-ġlied. Inkunu iktar ippreparati nistaqsu pubblikament fejn aħna u fejn sejrin.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...