9.4.24

HEMM PREZZ X'JITĦALLAS

1. M’hemmx dubju li min jixhed għall-verità u jinsisti li jitkellem f’dik il-linja jrid jgħaddi mill-prova. Irid jiġi dubitat, skreditat u abbandunat. Irid ukoll jiġi kontestat, u f’dan, imħolli mdendel, tollerat. Hemm min hu kapaċi jgħix fil-gidba u oħrajn li mhumiex. Dawk li lesti li jagħmlu l-kompromessi mal-fatti u mar-realtà biex jgħixu fid-dinja mċajpra tagħhom. Dik li fiha l-kuxjenza tagħhom ma titħalliex tniggiżhom aktar. Titmewwet f’għemilhom u f’diskorshom.

M’hemmx bżonn

2. F’din il-linja hemm dawk li jaħsbu li fuq in-nuqqas ta’ verità ser jibnu l-futur tagħhom. Ser isibu l-ferħ tal-ħajja billi jiċħdu l-pedament li fuqha hija mibnija. Imma fuq l-oħra jibqa’ dejjem proċess diffiċli biex tingħad il-verità fil-ħajja pubblika. Iktar u iktar meta trid tingħad lil dawk li ma jridux jisimgħuha. Dawk li lesti joqtlu lill-messaġġier, anki jekk ikun qiegħed iwettaq il-ġid f’ħidmietu. Hekk għamlu dawk li tawna eżempju, l-Appostli. Qalu l-verità imma ma ħassewx il-bżonn li għandhom ikunu ħodor fi kliemhom, jew dispreġġjattivi lejn l-oħrajn.

Xorta jrid isir

3. Id-diversi bnedmin li fis-sekli taw xiehda għall-verità jafu dan xi jfisser. F’kull ċirkostanza tal-ħajja. F’kull pożizzjoni fis-soċjetà. Forsi l-istorja ma tinkitibx dejjem minn dawk li jridu jgħidu dak li seħħ sewwasew. Biss hemm dawk li jibqgħu jfittxu wara. L-istoriċi u dawk li għandhom f’qalbhom l-imħabba għall-fatti. Bħal dak li qiegħed għaddej mill-Fondazzjoni De Gasperi, li din is-sena għażlet li tfakkar, tiċċelebra u tiddiskuti mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem kbir. Din is-sena taħbat is-sebgħin sena mill-mewt tiegħu, li seħħet fid-19 ta’Awissu 1954, u għalhekk hemm inizjattivi varji sabiex dak li xehed għall-verità, l-eżempju tiegħu, jiġu mfakkra mill-ġdid.

Suċċess

4. Il-marka tas-suċċess għalih hija dik marbuta mal-fatt li kien politiku ta’ prinċipju. Dak li mexxieh ’il quddiem biex inbena mill-ġdid pajjiż li miegħu għandna diversi rabtiet. Dak li wiret stat dittatorjali mfarrak u li minnu bena lura wieħed demokratiku fil-libertà u l-ġustizzja. Kapaċi jagħraf l-isfidi varji. Kapaċi jmiss mal-bnedmin u jitkellem mhux bl-użu tal-gidba, imma tal-verità. Ħalla wirt ta’ ideat. Wirt ta’ mġieba tajba. Wirt li minnu huwa evidenti li tista’ tgħix u taħdem ta’ Nisrani, anki fil-kamp politiku. Kamp diffiċli, fejn il-forzi għas-servizz tal-banalità tal-ħażen jattakkaw.

Demokristjan

5. F’dan sibt, waqt li qed naqra mill-ġdid il-ktieb ta’ Gianni Baget Bozzo (1925-2009) bit-titlu Cattolici e Democristiani (1994), din ir-riflessjoni: “De Gasperi è stato l’unico politico democristiano a determinare la sua politica interna in funzione della politica estera.” (De Gasperi kien l-uniku politiku Demokratiku-Kristjan li bbaża l-politika interna tiegħu skont il-linja fil-politika barranija.) Dawk il-linji ta’ ħsieb li servew sabiex bnew il-futur kulturali, morali u spiritwali tal-pajjiż. Dawk li diversi politiċi li jħarsu lura lejh bħala gwida għad-diffikultajiet tal-lum. Mess ma’ diversi sfidi u dik l-esperjenza hija iktar unika għax mhix ’il bgħid mill-verità, anzi, strument tagħha.

Nistaqsi

6. F’dan, iktar nistaqsi: x’linja ta’ ħsieb u ħidma qegħdin nieħdu aħna, bħala poplu u pajjiż, iktar u iktar fi żmien fejn il-Gvern tilef id-direzzjoni? Il-politika nazzjonali tagħna fuq liema triq tinsab għaddejja? X’jispiraha, u x’viżjoni lejn il-futur għandha fi ħdanha? Domandi li fihom rilevanza akbar, issa li aħna parti sħiħa mill-Unjoni Ewropea. F’dan aħna għandna, iktar minn qatt qabel, l-interess li nassiguraw li tirnexxi. M’għandniex f’dan, anzi iktar, nibżgħu li naffermaw mill-ġdid li għeruqna huma dawk ibbażati fuq prinċipji etiċi Nsara. Ikollna, f’dan, il-kuraġġ li niddikjaraw dak li huwa minnu, anki jekk nistgħu nidhru differenti minn dak li ħaddieħor iridna nitfgħu l-kuxjenza tagħna fih.

Missjoni

7. F’dan hemm ċertament missjoni importanti għalina bħala Demokratiċi-Nsara. Dik li nagħrfu li l-ideat politiċi tagħna ma tilfux mir-rilevanza tagħhom. Wisq inqas mill-attwalità. Għadhom validi u jitolbu minna li nagħrfu iktar li huma strumenti sabiex nibnu alternattiva. Il-bidla tiġi mhux bit-tibdil tal-uċuh, imma bit-tibdil tal-ideat. Bnedmin iffurmati sabiex iservu d-demokrazija. Bnedmin li jħarsu lejn il-futur f’soċjetà li tikber fil-paċi u l-ġustizzja soċjali. Bnedmin li kapaċi jfasslu ideat differenti, proposti ġodda għal sfidi rikorrenti. Iktar politiċi iffurmati ideoloġikament tajjeb biex jirreżistu l-kilba li taħkem lil dawk li jistgħu jiġu ittantati jaħsbu iktar f’buthom.

Ingratitudni

8. U m’hemmx bżonn ħdura fil-kliem. Wisq inqas tgħajjir fil-konfront ta’ politiċi oħra, imma diskors immarkat fuq l-argument fil-loġika jew fl-illoġika tiegħu. Fil-ġust jew l-inġust li jxandar. F’dan kollu nagħraf li hemm prezz x’jitħallas fis-sagrifiċċju personali. Dak li ħafna drabi ma jkollux wisq gratitudni, imma li huwa ta’ ġieħ li jsir. Dak li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jimmarka lill-bnedmin ta’ veru minn dawk li mhumiex. Dawk li ħaqqhom ġieħ minn dawk li le.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...