2.4.24

TALBA FL-GĦID IL-KBIR

1. Nibqa’ nittama fis-sewwa. Nibqa’ nittama f’din il-ħajja, f’dan iż-żmien, li l-affarijiet isiru aħjar milli huma. Nammetti li nsib ruħi nieqes mill-pessimiżmu. Infittex toroq ’il quddiem sabiex ikollna soċjetà aħjar milli għandna llum. Waħda li tista’ tkun aħjar fis-sustanza tagħha iktar milli fl-apparenza. Waħda li tagħraf iktar li għandha tkun iktar sinjura fil-valuri t-tajba, milli f’dawk materjali. Waħda li tifhem kemm huwa tajjeb għaliha li flok tibni ruħha fuq bnedmin li jaħsbu fihom infushom il-ħin kollu, ikollha minflok lil dawk li jirrealizzaw li hemm ferħ intern aqwa meta wieħed jaħseb u jaħdem għall-oħrajn.

Ferħ u dwejjaq

2. F’dan kollu nagħraf iktar li hemm kriżi li nbniet u li għadha ma ġietx żarmata. Waħda li ġiebet ruħha f’din il-pożizzjoni għax tilfet l-għarfien li tagħmel tajjeb li taqra l-għerf fil-kitba li nħarsu li nikklassifikaw bħala ‘il-Klassiċi’. Tilfet triqitha f’dik li trid biss li jkollha dawk l-għodda intellettwali sabiex taqla’ iktar flus milli li tkun persuna aqwa. Kważi kważi wasalna lura fil-mument meta hemm bżonn urġenti ta’ forma ta’ rinaxximent ġdid u differenti. Wieħed li jiftaħ lura l-bibien tal-bniedem sabiex jifhem u japprezza l-ħajja li għandu. Sibna ruħna f’dan kollu f’dinja fejn hemm min għandu u jrid irekknu, u hemm min m’għandux.

Neqirdu li għandna

3. F’dan huwa iktar ċar li qegħdin mhux biss nittraskuraw u nabbandunaw l-għeruq li għandna, imma ninsabu viċin li neqirduhom. Donnu hawn missjoni ta’ dawk li jaħsbu li ser javvanzaw lis-soċjetà meta jġibuha waħda bla ruħ. Il-poplu Malti għandu parti sħiħa minnu nnifsu li tappartjeni għall-prinċipji etiċi Nsara li ma jistax jiċħad. Huwa minnu li dawk li jattendu fil-knejjes naqsu, u bħalissa hemm ukoll nuqqas ta’ vokazzjonijiet, imma dan ma jfissirx li sirna pajjiż ateju. Uħud qegħdin jinterpretaw is-sekulariżmu bħala l-bini ta’ Stat li jiċħad dak li huwa. Fejn, biex nidhru progressivi, irridu nkomplu niċħdu dak li aħna. Nittradixxu, nabbandunaw dak li huwa parti minna stess. Aġir li huwa, fil-fatt, kontra tagħna stess. F’pajjiż mibni fil-kunċett b’saħħtu ta’ rħula u bniet fejn hemm it-toroq li jġibu lill-bnedmin f’daqqa ninsabu sejrin f’bini fejn kull sular huwa separat minn ta’ taħtu u minn ta’ ħdejh. F’soċjetà li kellha l-purċissjonijiet reliġjużi biex jinġiebu flimkien il-bnedmin, naturalment f’daqqa, issa qegħdin nersqu f’waħda fejn dan, minnu nnifsu huwa miċħud, u mill-bidu tiegħu fid-diffikultà li jsir.

Mill-irmied

4. Ma nemminx, forsi wkoll sforz l-ottimiżmu li nġorr ġo fija, jew aħjar fl-għarfien tal-bnedmin f’dawn il-gżejjer, li qegħdin f’punt fejn fih dak li jmiss huwa l-preċipizzju. Ma nemminx li n-nar li kien hemm qabel huwa issa mexxej. Hemm l-irmied li nġabar fiż-żmien li juri li kien hemm ħeġġa akbar, imma fil-fatt għad hemm fjamma tnemnem. Waħda li għadha tibgħat il-messaġġi tagħha lejn is-sewwa. Waħda li tibqa’ ssejjaħ oħrajn biex jinġabru lura fil-bżonn li nidħlu lura fir-responsabbiltà tal-bidla li din is-soċjetà qegħda tant fil-bżonn tagħha. Soċjetà li għandha numru sew ta’ elementi fi ħdanha li qegħdin iduru jfittxu l-verità u l-valuri tal-ħajja f’postijiet li fihom dawn ma jgħixux.

Fl-impersonali

5. Ninsabu fost dawk li jridu jkomplu jagħmlu minna soċjetà bla ruħ, fejn kollox jgħaddi qisu l-istess fl-importanza. Waħda li trid tgħidilna li m’għadniex aktar bnedmin, persuni b’ruħ, ġisem u dinjità. Fejn jgħodd biss kemm inti kapaċi tonfoq. Fejn jgħodd biss kemm għandek imrekken għalik f’xi rokna. Fejn m’hemmx aktar, fuq skala nazzjonali, il-messaġġ li aħna lkoll f’daqqa u li lkoll irridu naħdmu għall-oħrajn. F’dawn l-aħħar snin fittixna li ngħidu kemm huwa tajjeb li taħseb biss fik innifsek. Għamilna politika li tibbaża ruħha fuq dan. Fejn il-bnedmin iridu juru l-abbiltà tagħhom f’ħaġa waħda: kemm kapaċi jħaxxnu bwiethom. Minflok iktar ferħ, qed nirreġistraw iktar dwejjaq.

Għandhom iktar

6. Dawk il-persuni li tant intilfu fil-messaġġ li l-ħajja tibda u tispiċċa minnek li llum waqfu, għax il-ħajja uriethom mod ieħor. Naqsu sew dawk li l-ewwel iħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu; u t-tieni, dawk li jġorru fihom l-imħabba altruwista li twelled il-ferħ. Minflok iktar sejħiet għal bnedmin impenjati fid-dinja politika, soċjali u kulturali qed ngħidu li aħjar jekk ma tinvolvix ruħek. Anzi, f’uħud hemm il-messaġġ li ser tieħu xi marda soċjali jekk tagħmel hekk, jew inkella li ma tkunx parti minn dawk li jaspiraw li jkunu, skont huma, fil-klassi għolja tal-Istat. Forma stramba ta’ puritaniżmu li jeskludi, u mhux jinkludi. Dawk li qed iwasslu lilhom infushom jiddisprezzaw lil dawk li fil-fatt qed jagħtu ferm iktar milli wieħed jaħseb. Jagħtu minn ħinhom u jieħdu lura l-ferħ li jiġi meta jwettqu l-ġid lil oħrajn. Hemm dak li llum insejħu ‘volontarjat’ li mhuwiex meqjus kif għandu jkun.

Tama u responsabbiltà

7. F’din is-soċjetà għad hemm ħafna tajjeb. Għad hemm ħafna bnedmin li jridu jkunu parti minn soċjetà aħjar minn dik li tinsab ruħha fiha llum. Dawk li kontinwament ifittxu li jgħinu u jaraw kif jistgħu jimpenjaw ruħhom fid-diffikultajiet kollha li jiltaqgħu magħhom. Dawk li huma determinati li jħallu dinja aħjar warajhom. Jibdlu għal dak li huwa verament bis-sens u siewi. Għal dawk li anke jekk nidhru li ninsabu fl-irmied ta’ nar antik, jifhmu li għad għandna kull libertà biex nerġgħu nqabbduh lura. Għandi ħafna tama responsabbli li din it-triq m’aħniex ’il bgħid milli naqbduha. Inħares ’il quddiem għax nemmen li minn dak li aħna fih, kapaċi noħorġu aktar b’saħħitna.

L-Għid il-Kbir

8. Nemmen iktar proprju f’dan il-Ħadd, fejn diversi jimpenjaw ruħhom sabiex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir. Waqt li jgħaddu minn fost it-toroq tagħna l-istatwi sbieħ tal-Irxoxt li għandna, jien ser inkun qiegħed inħares lejn futur aħjar. Sejjer, fuq kollox, ningħaqad f’talba umli imma ċerta sabiex nimxu ’l quddiem lejn dak li jkun aħjar minn dak li għandna u minn dak li aħna. Inkunu bnedmin li fihom infushom jiġbru lura l-ferħ u l-entużjażmu għall-ħajja. Dawk li kapaċi jaqbdu lura, b’aktar saħħa, in-nar tal-fidi tagħna lejn soċjetà li tmur lura lejn dak li għandha tkun.

F’dan, nawgura minn qalbi l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...