2.5.24

IL-LOĠIKA TAL-ILLOĠIKA

1. Din il-ġimgħa għaddejna mill-passaġġi tal-ideat u tal-laqgħat fis-soċjetà. F’dawk li jeħduk fil-limiti ta’ dak li huwa veru lil hinn minn dak li mhuwiex; dawk li jservu l-ġustizzja minn dawk li le; bejn dawk li jilmentaw u jgergru u dawk li le. Trid tmiss mal-bnedmin biex tifhem iktar dak li jinsab għaddej fil-komunitajiet tagħna. Is-sinjali taż-żminijiet li huma hemm, imma li ftit iridu jifhmu. Hemm vuċijiet varji li jesprimu ruħhom, imma mhux ħafna huma dawk li jridu, b’xi mod, jisimgħuhom. Ħafna drabi naraw, anzi, lil dawk li qed jitkellmu u oħrajn li lanqas biss jagħtu kas tagħhom. Iħarsu ’l bogħod, mhux biex jimxu ’l quddiem imma fir-realtà biex jibqgħu fejn huma.

Vuċijiet

2. F’dan hemm vuċijiet li jinsabu abbandunati fil-ġenb. Dawk li għandhom jinstemgħu imma li jibqgħu waħedhom. Dawk li jingħaqdu oħrajn magħhom imma li mhumiex mogħtija importanza. Forsi wkoll minħabba l-klassi soċjali li ġejjin minnha. Forsi wkoll għax id-demokrazija, flok qed tinfetaħ, qegħda tingħalaq. Flok issir dejjem iktar vuċi tal-partijiet kollha tal-pajjiż qed issir dik li tagħlaq il-bieb għal dawk li m’għandhomx ħbieb fil-gazzetti u fil-medja. Fejn il-verità mhux dejjem tidħol ġewwa. Fejn il-fatti, flok infittxuhom, irridu lill-oħrajn iressquhom lejna. Hemm, f’dan kollu, dawk li jibqgħu jinsistu biex leħinhom jasal. Hemm dawk li oħrajn jarawhom bħala differenti, strambi, skont huma ‘mhux normali’ u antipatiċi wkoll, li jridu jissudaw iktar id-determinazzjoni tagħhom biex il-vuċijiet tagħhom jaslu.

Nissugraw

3. F’dan, iktar nersqu b’saħħa biex nirriskjaw dak li m’għandux ikun. Niċħdu l-fatti li jum wara jum jidhru mill-iktar ċari u evidenti. Fuq naħa f’dak li wieħed jidher li qiegħed jibqa’ jinsisti jħaddem mudell ta’ ħidma politika li mhuwiex jaħdem, u fuq l-oħra dak li ma jmissx ma’ dak li qiegħed jingħad. Biex ikun hemm ħaġa waħda biss: l-affermazzjoni li dak li jgħidu l-partiti politiċi huwa dak li għandu jiġi segwit. Mhux il-prijoritajiet tal-poplu, imma ta’ dawk li għandhom jirrappreżentawh. F’dinja politika fejn hemm affermazzjoni aktar tal-liberaliżmu tal-lemin. Fejn iċ-ċentru qiegħed jiġi abbandunat u l-passi huma lejn il-minoranzi tal-estremi fil-klassijiet affluwenti tas-soċjetà. Passi li bihom qed nissugraw dejjem iktar: l-ewwel, il-valur demokratiku tas-soċjetà li jrebbaħ; u t-tieni, li tintilef l-importanza tal-moderazzjoni fil-partiti politiċi.

Sinjali

4. Meta komponenti ta’ dawkli kienu parti minnek jibdew igergru u jimxu ’l bogħod minnek trid tifhem li hemm numru ta’ affarijiet li mhumiex jaħdmu. Partit politiku f’din is-soċjetà, b’mod partikolari, jrid jifhem li jeħtieġ li jġib miegħu il-komponenti sħaħ tiegħu lura fi ħdanu. Anke jekk ma jaqbilx magħhom. Anki jekk jistgħu jirritawh jew li jħoss li hemm kunflitti passati jew riċenti magħhom li mhumhiex rikonċiljabbli. Anke f’dan kollu, wieħed jista’ jkollu l-libertà li jeskludi lil min m’għandux, imma jista’ jwettaq dan jekk il-linja politika tiegħu tkun ta’ suċċess. Jekk qiegħed javvanza u jissoda. Imma meta xahar wara xahar tibqa’ ma tiċċaqlaqx u ma tirreġistrax l-avvanz li għandek, fi stat li qiegħed jum wara jum jiġi żarmat, allura trid tagħmel eżami sew ta’ ħidmietek.

Loġika

5. Dan huwa loġiku għalkollox, kif diversi persuni li għaddew mill-ħajja politika juruk. Huwa fin-normalità politika li wieħed janalizza u jimxi ’l quddiem bir-raġuni. Imma kuntrarju, u għaldaqstant illoġiku huwa meta kollox jibqa’ l-istess. Meta tibqa’ b’linja politika li ġġib iktar kunflitt u iktar estremiżmi, jekk mhux isteriżmi. Fejn fl-illoġika ta’ ħidmietek tibqa’ tinsisti fuq dak li m’għandekx, u tibqa’ torbot u tidentifika lilek innifsek ma’ dak li mhuwiex f’idejk. Meta tiġi assoċjat ma’ ideat u bnedmin li għandhom il-valur tagħhom imma li ma jirrappreżentawx l-maġġoranza fil-pajjiż. Iktar u iktar fix-xenarju preżenti fejn huwa ċar li terz tal-elettorat qiegħed jiddikjara li jħossu emarġinat u jippreferi li ma jivvutax għaż-żewġ partiti l-kbar.

Riskji

6. F’dan hemm iktar u ikbar il-marġini ta’ dawk li għal raġuni jew oħra, sforz il-pressjoni li ssir lilhom fil-jiem tal-vot, jivvutaw differenti. Jew dawk li ser iħossu iktar li l-vuċi tagħhom hija rappreżentata fid-demokrazija li joħorġu jivvutaw. Hemm issa firxa ta’ persuni li ġejjin miċ-ċentru-lemin li qabdu t-triq indipendenti tagħhom. Hemm dawk li huma f’dik li wieħed issoltu jidentifika mar-reazzjonarji tal-lemin, li wkoll għandhom l-effett tagħhom. Hemm ukoll dawk fuq estremiżmi akbar, f’forma ta’ lemin ieħor. F’dan li qiegħed jiżviluppa u li wħud mhumiex jisimgħu, jew ma jridux jisimgħu sitwazzjoni iktar ikkumplikata. Il-loġika tiddetta ċerti passi, uħud fil-verità li kellhom jittieħdu qabel, imma minflok qed nippersistu fil-loġika tal-illoġika.

Opportunità

7. F’dan, wieħed ma jridx jilludi iktar ruħu. Dawn l-elezzjonijiet għandhom possibiltà għolja li ser iservu biex kollox jibqa’ l-istess fuq iż-żewġ naħat. Il-kejl veru ser ikun dak ta’ kemm persuni jivvutaw għal partit jew ieħor, u dan jitqabbel man-numru ta’ votanti li għandhom id-dritt tal-vot u mhux man-numru ta’ dawk li verament jeżerċitawh. Jista’ jkun hemm il-‘vantaġġ’ apparenti ta’ tibdil fis-‘siġġijiet’, imma fil-verità dan jista’ jkun iktar ta’ żvantaġġ għal naħa u vantaġġ għall-oħra. Iktar u iktar meta l-Partit Laburista jaf li issa li qiegħed fit-tielet leġislatura tiegħu ma tkunx waqgħet id-dinja jekk inaqqas xi ħaġa biex jidħol ukoll fir-raba’ waħda. Jekk wieħed irid il-bidla minn dawk li nisma’ tant diskorsi mingħandhom sabiex tirbaħ il-verità u l-ġustizzja, din l-opportunità qegħda tissogra li tintilef.

Fl-ilmenti ta’ Ġeremija

8. Fl-antipatija tal-lamentazzjoni li wħud jiftakru fil-Profeta Ġeremija huwa u jħares lejn Ġerusalemm, wieħed irid jieħu kejl. Għarfien li l-affarijiet jistgħu jkunu aħjar. Għarfien li hemm bżonn li nkejlu sew l-polz tal-bnedmin f’din is-soċjetà. Għarfien li għandna nimxu ’l quddiem biex nieħdu direzzjoni aqwa u napplikaw iktar ir-raġuni li, fl-aħħar mill-aħħar, ma tridx forza. Nittama, anzi nibqa’ nittama u nibqa’ nagħti s-sehem tiegħi sabiex dik it-triq li għandna naqbdu nidħlu għaliha b’intelliġenza. Fuq kollox, li nuru lura li aħna kapaċi nagħmlu d-differenza bejn dak li hu loġiku u dak li mhuwiex. U aktar minn hekk, li ma ninħakmux mil-loġika tal-illoġika.

No comments:

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm ...