28.2.15

Diskors Tieghi fil-Parlament kif rappurtat fin-Nazzjon Taghna.


Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern jagħti spjegazzjoni dwar il-lista twila ta' miżuri li ħa fil-Baġit b'żidiet fuq il-ħlasijiet ta' diversi servizzi li ċ-ċittadin jirrikorri għalihom regolarment, u li qed jissarrfu f'piżijiet akbar.

Quddiem dawn il-piżijiet ġodda, il-Gvern għandu jispjega wkoll għal xiex saru u fejn se jwasslu. Carm Mifsud Bonnici saħaq li dawn il-piżijiet juru li l-Gvern m'għandux strateġija politika finanzjarja tajba fid-dħul mit-taxxi u fil-finanzi.

Meta tkellem dwar l-Abbozz ta' Liġi li jimplimenta miżuri tal-Estimi, Carm Mifsud Bonnici kkritika lill-Gvern li żbalja meta ħa miżuri b'għaġla hekk kif saħaq li la darba l-ekonomija sejra daqstant tajjeb kif qed jgħid il-Gvern, ma kellux jippreżenta fil-Baġit aktar minn mitt paġna ta' taxxi u żieda fit-tariffi.

Meta s-sena l-oħra l-Gvern insista li miċ-ċittadinanza se jġib ħafna flus u kienu se jkunu s-soluzzjoni għad-dħul aktar lill-pajjiż, il-Gvern messu evita dan l-Abbozz li jintroduċi taxxi ġodda biex jagħmlu tajjeb għal diversi miżuri li l-Gvern kien ippjana li kien se jdaħħal u ma daħħalhomx.

Dan l-Abbozz ta' Liġi fissru bħala nkwetanti wkoll quddiem dokument kbir b'miżuri li permezz tagħhom se jagħmel bilanċ tal-baġit tiegħu mingħajr ebda linja ta' ħsieb. Spjega li f'din il-borma ta' taxxi hemm minn kollox, inkluż tariffi redikoli u oħrajn serji.
Semma kif deċiżjonijiet saru mingħajr linja ċara ta' dak li jrid jagħmel u f'partijiet minnhom, daħlu kwantità ta' miżuri li qatt ma saru f'dan id-dokument u dejjem tresqu separatament, bħalma hu fil-każ tat-tariffi tal-Qorti.

Semma kwantità kbira ta' tibdiliet fit-tariffi tal-Qorti u fisser li dan mhux il-mod kif il-Gvern idaħħal tariffi ġodda.

Ikkritika wkoll il-mod kif qed jiddaħħlu t-tariffi fil-Qorti, inkluż dawk fuq it-tribunali fil-Qorti, b'uħud mit-tariffi diġà daħlu fis-seħħ, iżda oħrajn le. Semma wkoll kif tariffi li ssoltu jsiru b'emendi u mingħajr il-bżonn ta' baġit, ma daħlux fis-seħħ u sejjaħ dan bħala konfużjoni ta' tariffi li hemm fil-preżent fil-Qorti.

Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar tħassib ieħor fl-introduzzjoni ta' dawn it-tariffi u żieda fit-taxxi, u semma kif hemm kwantità ta' emendi biex iżidu tariffi fuq ċertifikati bħalma huma dawk ta' twelid u ta' żwiġijiet, waqt li hemm ukoll żidiet fit-tariffi fuq it-tiġdid tal-passaporti.

Dawn huma  miżuri li se jolqtu lin-nies fl-affarijiet u fil-bżonniiet ta' kuljum.
Semma li ż-żieda fit-tiġdid tal-passaporti hi nkwetanti għaliex mhux biss żdiedu t-tariffi, iżda daħlu kriterji ġodda li qabel ma kinux jeżistu. Dan qed iżid il-piż fuq in-nies b'miżuri li mhumiex neċessarji, bħalma huma wkoll iż-żidiet imħabbra fir-Reġistru Pubblikuu u fir-Reġistru tal-Artijiet.

Semma wkoll il-kwantità kbira ta' tibdiliet fil-liċenzji tal-Pulizija u li huma mifruxa f'kollox, minkejja li spjega li fuq uħud minnhom it-tariffi mhux biss qatt ma kellhom jiżdiedu iżda kellhom jitneħħew.

Bħala eżempju, Carm Mifsud Bonnici semma l-kwistjoni tal-badges tal-kundutturi tal-karozzi tal-linja li ilha li spiċċat żmien twil, u f'din il-lista ta' miżuri kellhom mhux jiżdiedu iżda jitneħħew kompletament. Semma wkoll il-miżuri fuq il-pumpieri taċ-ċinematografi.

Irrifera wkoll għall-emendi li qed isiru biex uffiċjali tad-Dwana jkunu eżenti milli jieħdu r-responsabbiltà tal-oġġetti fdati lilhom. Fisser ukoll li hu żball kif qed titkisser ukoll ir-regola li dejjem tħaddmet, meta l-Gvern issa se jkun qed jgħaddi poteri eżekuttivi tal-membri tal-korp tal-Pulizija lil uffiċjali tad-Dwana.

Ikkritika wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jdaħħal żidiet fuq il-poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, bil-Gvern flok jgħin biex ikabbar dan is-settur tal-assigurazzjoni qed jagħmel miżura li jżid fil-piż fuq dawn it-tip ta' poloz li għandhom ikunu nkoraġġuti u mhux jintefa' aktar piż fuqhom.

Irrifera wkoll għal setturi oħrajn li huma b'saħħithom u qed jaraw żidiet, bħalma hu l-piż fuq dawk li jieħdu ħsieb il-kmamar tan-nar. Carm Mifsud Bonnici staqsa jekk kienx hemm konsultazzjoni dwar dawn iż-żidiet.


Semma wkoll li l-Gvern qed jimponi aktar piżijiet fuq is-soċjetajiet tal-banda, u ż-żidiet fuq il-liċenzji marbuta mal-annmali.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...