13.11.09

Kif inbidlet id-dinja

1. Għada l-Ewropa ser terġa’ tieqaf biex tiftakar li l-futur tagħha nbidel mal-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin. Minn sitwazzjoni mill-iktar diffiċli bil-Punent iħares lejn il-possibilità ta’ gwerra nukleari, sibna f’daqqa waħda bidla nkredibbli. Waħda li, żgur mhux forsi, kienet miraklu proprju għax ħadd ma seta’ jemmen kif f’ħakka t’għajn kellhom jispiċċaw id-dittatorjati komunisti kollha wara xulxin. Ma stajniex nemmnu li dak li kien qiegħed iseħħ kien minnu. Minn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi ħielsa setgħu jinħakmu mill-madmad Sovjetiku sibna ruħna f’pożizzjoni fejn illiberajna ruħna.

2. Ftit snin ilu dak kien ix-xenarju u min jaf kemm qattajna żmien f’laqgħat niddiskutu dan is-suġġett. Il-futur ma tantx kien jidher sabiħ għal ħafna bħali li riedu jaraw fejn ser iħarsu. Kien hemm arja qawwija ta’ pessimiżmu li ridna nikkumbattu sabiex inħarsu ‘l quddiem. F’Ewropa maqsuma, mimlija armamenti nukleari, b’diversi forzi militari mxerrda ma’ kullimkien ippreparati għal għonq xulxin ma tantx kien hemm prospetti mill-aqwa. Biss, f’dan kollu kellna ħolma waħda: dik li naraw id-dinja mibdula, ibda minn dak li kien qed jiġri f’pajjiżna.

3. Fl-aħħar ta’ l-1986 u l-bidu ta’ l-1987 konna għaddejjin minn mumenti ta’ tensjoni kbira. Ħadd ma jista’ jifhem dan jekk ma jkunx għadda minnu hu. Il-Partit Laburista kien qiegħed fl-aħħar xhur tat-tielet leġislatura tiegħu u li kien deċiż li jestendi sa l-aħħar jum possibbli. L-aġir kien mill-iktar żbaljat u anti-demokratiku, bi klikek ta’ nies iduru naħa u oħra, deċiżi li jipproteġu l-interessi personali tagħhom. B’ministri li kienu waslu sabiex jieħdu lura dak li s-sistema fewdali kienet tagħti lin-nobbiltà. Interessi kien hemm u sfortunatament ma kienux politiċi imma estensjoni ta’ dak li din setgħet tagħtihom.

4. Fortunatament ma qtajniex qalbna u minkejja d-dlam li konna qed naraw u ngħixu miegħu, xorta ħdimna għall-bidla. Din seħħet u llum il-ġurnata x-xenarju nbidel ta’ taħt fuq. M’hemmx dubju li llum imxejna sew u dak li kien jeżisti qabel illum m’għadux. Il-pajjiż ra dan kollu jseħħ quddiemu, l-ewwel, internament bit-tibdil fil-Gvern u dan fisser li d-demokrazija reġgħet ġiet restawrata u anzi bdiet titħaddem aħjar milli qatt kienet; u t-tieni, li bit-tneħħija tad-diversi dittaturi ta’ l-Unjoni Sovjetika s-sitwazzjoni Ewropea nbidlet.

5. Verament, il-bidla ta’ l-Istati minn ħidma dittatorjali għal waħda demokratika ma kenitx faċli, speċjalment fil-politika ekonomika. Dan għax it-tneħħija tar-restrizzjoni tal-libertà ma ġabitx awtomatikament ġid materjali. Dawn kellhom jibnu kollox mill-ġdid u hekk għamlu, però r-riżultati ma waslux mill-ewwel. Uħud ħadu r-ruħ wara ċertu żmien, oħrajn għadhom sallum ibatu. Għadhom ma rawx dik il-qabża fil-livell u kwalità tal-ħajja li qabel kienu qed jippretendu.

6. L-għaqda ta’ ħafna minnhom fl-Unjoni Ewropea serviethom, speċjalment dawk li daħlu fis-sistema ta’ l-Ewro u fis-Schengen, però għad hemm ħafna xogħol x’jista’ jsir. Hemm bidla fil-mentalità li ma tistax issir f’daqqa, imma biċċa biċċa. Il-kisba tal-libertà tagħhom kienet iebsa u hekk għadha. Ma hemmx dubju li l-kriżi finanzjarja ma ppermettitilhomx li jistgħu jfendu għal rashom, qisu ma ġara xejn. Ħafna sabu ruħhom iridu jnaqqsu s-salarji ta’ l-impjegati ta’ l-Istat u kellhom jieħdu diversi miżuri iebsa li ma kienux faċli li wieħed iniżżel.

7. Biss, xorta waħda l-kisba tal-libertà u indipendenza tagħhom hija pass kbir ‘il quddiem u minkejja kollox ħadd minnhom ma tgħaddilhom minn rashom li jmorru lura. Ir-restrizzjoni tad-demokrazija, in-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ħadd ma jridhom lura. Il-kommemorazzjoni tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin għalhekk tfakkarna f’dak li konna u b’hekk nibqgħu napprezzaw dejjem iktar dak li rnexxielna nkunu llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tat-8 ta' Novembru 2009.

No comments: