8.10.09

Manuvri u kontro-manuvri

1. It-triq lejn l-elezzjoni ġenerali hija twila u qatt ma kienet jew hija ħafifa. Kull partit, wara appuntament elettorali, jinxeħet jgħarbel għala ġie elett fil-Gvern u għala le. Fil-kategorija ta’ l-ewwel, l-eventi ta’ l-amministrazzjoni jieħdu l-ħin u jokkupaw il-moħħ mingħajr l-opportunità li wieħed jara għala ġieb il-voti li ġieb u mhux inqas jew aktar. Dawk fl-Oppożizzjoni, mill-esperjenza li ġarrabna jibdew iduru naħa u oħra. Daqqa jeħel wieħed fil-partit, daqqa ssir tort ta’ ħaddieħor barra l-partit, biss qisu ħadd ma jirnexxilu jifhem jekk mhux l-għada ta’ riżultat pożittiv.


2. Min imexxi l-partit li ma joħroġx rebbieħ jaf jieħu r-responsabbiltà hu jew jgħadduhielhu lil persuna oħra. Daqqa għax hu ma messux għamel li għamel u daqqa għax tkellem ħaddieħor meta ma kellux jew kif ma kellux, insomma hemm dejjem xi ħaġa ma’ xhiex taqbad. Fir-realtà, l-għarbiel ta’ riżultat ftit drabi jwasslek biex tifhem li fl-aħħar jiem tal-ġirja hemm fatturi li ma tistax dejjem tikkontrolla, li jilgħabu naħa jew oħra. Fhimt iktar dan xi ġimgħat ilu meta tkellimt ma’ politiku Tedesk li quddiem il-fatt li fl-elezzjoni ġenerali tal-2005 Angela Merkel kienet qed tgħaddi l-avversarji bi 17% u fl-aħħar spiċċat bi kważi frazzjoni iktar, urieni kemm kellhom biża’ li lejn il-jiem ta’ l-aħħar jinqala’ xi ħaġa minn taħt ir-riħ.

3. Għax il-politika hija fluwida, mobbli, daqqa għandek numru warajk u daqqa għandek oħrajn. Kull partit, ta’ kull naħa, jitlef u jirbaħ. Ħadd qatt ma rnexxielu jżomm lil kull min ivvutalu f’appuntament elettorali. Hemm fatturi li jiġbdu bnedmin biex jibdlu l-partit tagħhom. Daqqa għal interessi varji, daqqa għal raġunijiet familjari, oħrajn għal sitwazzjonijiet partikolari. Jekk hemm xi ħadd f’dan il-pajjiż li jimmaġina li ser ikun aqwa minn ħaddieħor jiżbalja: ir-regoli jgħoddu għal kulħadd l-istess.

4. Anke l-bnedmin jiġu miegħek bil-bagalji kollha tagħhom. Hemm min jiġbidlek nies minn naħa, però taf li fl-istess ħin qed jimbuttalek oħrajn. Trid dejjem tieħu deċiżjoni li taf li nofs ser togħġobhom u n-nofs l-ieħor le. Il-ħbieb u ammiraturi jistgħu jinġibdu lejn kandidat, membru parlamentari, uffiċjal partikolari però taf li hemm oħrajn li jħossu l-kontra. Dan apparti l-umuri, l-burdati u l-kunflitti li ħafna drabi jqumu fuq ix-xejn jew fuq “il-ħafna” bejn dawk li jiġu, dawk li jmorru u dawk li jibqgħu.

5. Jgħidu x’jgħidu, naħseb li l-iktar importanti huwa dak li partit politiku qiegħed joffri verament. Kemm qiegħed jispjega dak li ser jagħmel u għala ser iwettqu huwa vitali. Waħda mill-problemi li politiku, hu min hu, jrid jiffaċċja hija dik tal-kredibilità tiegħu. Mhux dik apparenti, tal-perċezzjoni, imma dik tar-realtà. Il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni (fejn ma nafx liema vantaġġi politiċi kien jonqos li jkollu) sab ruħu f’din it-triq. Għax meta stampa d-dokument tiegħu, li kien suppost mimli ideat, sab li dawn la kienu ġodda u fl-aħħarnett anqas seta’ jispjegahom b’mod sempliċi li juru x’vantaġġi għandhom.

6. Partit, f’kull stadju jista’ jagħmel serje ta’ manuvri u kontro-manuvri li jħalluħ fejn huwa, jirbaħ naħa u jitlef oħra. Biss, l-iktar importanti hija s-sustanza tal-programm u ħidma politika. Matul din il-ġimgħa reġgħu ġew quddiemi d-diversi kitbiet ta’ Lenin u Trotski, li kienu saru esperti ta’ kif tuża elf tattika, manuvra sabiex tirbaħ il-poter. Dan għax il-punt f’kull aġir politiku jibqa’ kemm int preparat iżżomm ma’ linja ta’ prinċipju jew le. Jekk m’għandekx valuri, jekk kollox jiġġustifika t-teħid tal-poter, allura ssib lilek innifsek bniedem bla direzzjoni, lest li ddur ma’ kull riħ. Din l-għażla, l-poplu jibda jaraha ċara, biċċa biċċa. Jifhem jekk intix fuq in-naħa tal-valuri, tas-sewwa, inkella intix lest li tarmi kollox, l-aqwa li tkun fit-tmexxija.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tal-4 t’Ottubru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...