21.10.09

BLOGS – TIRANNIJA JEW DEMOKRAZIJA

1. Huwa verament interessanti kif id-dinja tat-teknoloġija moderna qegħda tiżviluppa. L-użu tal-Internet minn fonti ta’ informazzjoni b’mekkaniżmi passivi, fis-sens li wieħed irid jieħu dak li jingħadlu, sar issa wieħed interattiv. Il-parteċipazzjoni fl-ideat, fis-soċjetà, fl-istituzzjonijiet demokratiċi huwa żgur importanti u vitali għal kull soċjetà. Anzi jrid jingħad li tul dawn is-snin il-pajjiż ra t-tessut demokratiku jikber u jissoda. Dan sar għax ridna li ma nirrepetux l-aġir anti-demokratiku li rajna jikber bejn l-1971 u l-1987. Dik l-esperjenza politika bniet il-bżonn sabiex id-demokrazija tikber u kulħadd jifhem kemm id-dittatura, it-tirannija, l-aġir anti-demokratiku huma ħżiena u kontro-produċenti għas-soċjetà tagħna.

2. Kull Stat modern irid jibni lilu nnifsu u fl-istess ħin jipproteġi sabiex ma jarax li f’isem id-demokrazija din effettivament tkun qed tiġi miċħuda. L-istorja hija eżempju ta’ kif diversi tiranni qabel jieħdu l-poter jassiguraw li jiġu eletti demokratikament. L-ewwel jikkontestaw u wara li jsibu ruħhom fil-poter jittrasformaw il-parlament, id-demokrazija f’dittatura. Dan hu li għaddew minnu l-Ġermanja u l-Italja ta’ qabel it-Tieni Gwerra. F’isem ideat b’saħħithom, f’isem l-ordni, id-dixxiplina, il-“bżonn” li jsiru ċerti opri pubbliċi tkissret il-libertà u ġew mixħuta fil-ġenb id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-istess għall-ekonomija li, flok tkattret qabdet biċċa biċċa it-triq tan-niżla għax ebda sistema ma tista’ tkattar il-ġid jekk ma tkunx qed taħdem fit-trasparenza u r-regoli tad-demokrazija.

3. Kull sistema legali tistabbilixxi l-fruntieri bejn dak li jista’ jsir u bejn dak li le. Hemm minn jiddeskrivi dan f’termini ta’ libertà u libertinaġġ, però hemm ferm iktar minn hekk. Il-liġi hija essenzjali għal kull komunità – mingħajrha hemm anarkija. Għalhekk jekk ma jkunx hemm proċess “kontinwu” ta’ leġislazzjoni, allura ma jiġix garantit dak li huwa ta’ prijorità billi jiġu protetti l-istituzzjonijiet demokratiċi minn dak li jkun qed jinqala’. Ovvjament huwa għal kollox żbaljat min fuq naħa jaħseb li ma għandekx tilleġisla ħafna jew fuq oħra min jaħseb li billi tagħmel il-liġi, dak ikun biżżejjed. Hemm bżonn il-liġi u fl-istess ħin proċess ta’ informazzjoni, diskussjoni u djalogu, sabiex il-poplu jagħraf il-bżonn u, fl-istess ħin, jassigura li tiġi rispettata.

4. Meta d-djalogu jieqaf f’soċjetà allura tispiċċa wkoll il-parti neċessarja sabiex twasslek għal dawk il-kundizzjonijiet biex jitgawdew il-ġustizzja u l-libertà. Mingħajr dan il-proċess fejn l-ideat jiġu kkunsidrati u ħadd ma jipprova jimponi ruħu fuq l-ieħor, it-tessut demokratiku jmur lura. Huwa għalhekk vitali li tassigura u tiggarantixxi l-proċess ta’ diskussjoni u dibattitu. Dan l-iskambju m’għandux, f’ebda mument jaqbeż il-limiti u jispiċċa sempliċi proċess ta’ impożizzjoni ta’ ideat fejn l-aggressività hija tant kbira li ma twassalx għal ħsieb u riflessjoni. Dik mhix demokrazija, anqas djalogu imma sempliċi strument ta’ għeluq u ripressjoni.

5. It-teknoloġija għalhekk hija għodda li trid trendi ruħha għas-servizz tad-demokrazija, mhux kontra. M’għandux jiġi permess li jkun hemm ħidma anti-demokratika bil-ħsieb li dawn ma jistgħux jiġu kontrollati. F’dan allura anki l-blogs iridu jiġu allinejati. F’ħafna mumenti tinduna li dawn l-istrumenti jsibu ruħhom maħkuma minn persuni li bejniethom qisu jridu jerġgħu jibnu xi forma ta’ partit ta’ l-intolleranti fejn l-ideat huma kważi dejjem l-istess: jesprimu nuqqas ta’ tolleranza u ma jridux jippermettu lil min għandu ħsieb differenti milli jintervjeni. L-agħar hu li wieħed jinnota li ħafna persuni moderati anqas jesprimu l-opinjoni tagħhom għax jafu li l-ispazju huwa meħud fix-xejn. Tant hemm impożizzjoni fl-argumenti li kważi sar eżerċizzju ta’ xi forma ta’ dittatura ta’ Charles Darwin fin-natura li min ma jaqbilx jiġi msikket, jew jiskot.

6. Dan huwa difett fis-sistema li hemm in-neċessità demokratika li jiġi rettifikat. Il-każ ta’ ftit xhur ilu li fih il-kittieba Julie Myserson sabet ruħha involuta fil-gazzetta Ingliża “Guardian” għandu aktar u aktar jiftħilna għajnejna. L-artikolu tagħha kien jittratta l-lat uman ta’ l-istorja ta’ binha li kien maħkum mid-droga. Tant inkitbu kummenti negattivi ta’ bnedmin, li deher ċar li kienu qed jieħdu pjaċir bil-passjoni li għaddiet minnha, li spiċċaw f’kunflitti iebsa ħafna. Kif qal David Runciman: “Everyone was furious with everyone else, and determined not to be shouted down. No one with a reasonable point of view would bother wasting it on a site like this. When tempers are frayed, and time-horizons are short, the bad drives out the good.”

7. Dak li ġara b’daqshekk saħħa fl-Ingilterra m’aħniex wisq il-bogħod minnu. Diversi persuni jinxeħtu gallarija u ma jaħlux il-ħin tagħhom jipparteċipaw fi strument li jista’ jkabbar id-demokrazija, mhux inaqqsuha. Fir-realtà għandna nindunaw li dan il-proċess ta’ temperament u kontroll f’dak li jingħad diġà qiegħed iseħħ fil-gazzetti, u ilu hekk. L-editur ma jistampax l-ittri kollha, hu kemm hu mmexxi mill-bżonn li “jimla’” l-paġni, imma jillimita ruħu għal dawk li jagħmlu sens u ġieħ lill-gazzetta. Fil-Blogs dan għandu jikber iktar, inkella ser jintilfu darba għal dejjem.

8. Naħseb li din hija sitwazzjoni li ilha tinġibed u hemm bżonn li jkun hemm linja ta’ loġika u razzjonalità li m’għandhiex tippermetti aġir anti-demokratiku Huwa tajjeb jekk l-għaqdiet varji tal-ġurnalisti jsibu lilhom infushom sabiex jinbnew linji ta’ gwida li jassistu b’mod dirett lil kull min isib lilu nnifsu “fid-diffikultà” li jagħżel jekk kliem jitqegħidx fuq il-mezzi jew le. Naħseb li r-raġuni ma tridx forza u għandna nieħdu ħsieb li nifirdu ħaġa minn oħra. F’ħajti kelli l-opportunità nisma’ ħafna u qrajt mhux ħażin, meta nara l-ideat li huma komuni mal-lemin estrem nifhem li jekk ma nagħmilx il-parti tiegħi dawk li jgħidu l-ħmerijiet jibdew imexxuhom u jikkonvinċu ruħhom u oħrajn li huma l-verità. Il-blogs huma strument importanti wkoll għas-soċjetà tagħna, però ma jistgħux jitħallew isiru anti-demokratiċi. Għandna dmir naġixxu fid-direzzjoni t-tajba, b’attenzjoni billi nirrispettaw il-libertà li niddefendu d-demokrazija tagħna.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-18 t’Ottubru 2009.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...