5.11.09

Il-ktieb ser jibqa’ jew ser isir elettroniku?

1. Waħda mix-xewqat li għandi, u li ilha minn meta kelli ħmistax-il sena, hija dik li xi jum inżur il-Fiera tal-Ktieb ġewwa Frankfurt fil-Ġermanja. Ma kellix, sa issa, din l-opportunità u ma nafx kemm ser jirnexxili. Però għadni nittama. Dan għax f’dawk il-jiem ikun hemm l-aqwa ta’ dak li għaddej fid-dinja tal-ktieb. Għal min isegwi jaf li proprju f’dik il-fiera jinġabru ħafna nies u ssib ideat ġodda, jew kompletament inkella passi oħra fuq dak li kien hemm qabel. Okkażjoni unika li għal dawk bħali li jħobbu l-ktieb m’hawnx isbaħ minnha.

2. Din is-sena din il-fiera kellha l-preżenza ta’ numru ta’ ġganti fis-settur elettroniku bħall-Google, Sony u Amazon li qed jipprospettaw il-ktieb elettroniku. Il-kunċett huwa li ma hemmx bżonn li ġġorr xi ktieb tqil miegħek, jew ġabra ta’ kotba, imma f’apparat wieħed tista’ taqra kwantità. Vantaġġ għal min iħobb jaqra u fl-istess ħin possibilità aqwa sabiex idaħħal f’dan għerf li mhuwiex ser joħloqlu problema ta’ spazju fid-djar. Dan li jissejjaħ “e-book” għandu l-konvenjenza tiegħu, ma hemmx dubju, però ser jibdel ix-xenarju letterarju u ekonomiku, u mhux kulħadd qed jilqgħu b’idejh miftuħa.

3. Għalkemm il-bejgħ ta’ dan l-apparat (“Kindle” Amazon u “Reader” Sony) mhuwiex kbir fis-settur enormi tad-dinja tal-ktieb, xorta waħda għandek l-effett li iktar persuni qed jixtru l-verżjoni elettronika tal-ktieb. Dan b’mod partikolari fid-dinja anglo-sassona imma mhux f’oħrajn fl-Ewropa. Biss il-fiera ta’ Frankfurt serviet żgur sabiex tiftaħ u tagħti aktar attenzjoni għal dan il-mezz ta’ tixrid ta’ ktieb b’saħħa kummerċjali li qatt qabel ma kellna. Hemm vantaġġi interessanti. Għada pitgħada min jikteb il-ktieb ser ikollu l-possibilità li jnaqqas id-dipendenza ta’ l-immaġinazzjoni fuq il-kliem. Il-kittieb jista’ jibni l-mużika li takkumpanja u juri b’mod ċar il-karattri, il-pajsaġġ, l-immaġini kollha li ssoltu kull qarrej jibdel skond kemm kapaċi jifhem.

4. Dawk il-kotba bħal ta’ Charles Dickens jew Joseph Conrad, li kienu inevitabbilment jibdew b’diskussjoni dettaljata tal-fattizzi, statura, karnaġġjon tal-persunaġġi jew tal-ambjent sħiħ ser jonqsulhom il-kliem. Ix-xenarju sejjer jinbidel biċċa biċċa, iktar u iktar meta tqis li kumpanniji bħall-Google ħadu ħsieb jikkonservaw b’mod elettroniku kwantità kbira ta’ kotba minn diversi libreriji u bibljoteki mad-dinja. Il-biża’ f’dan kollu ġej mhux tant fl-informazzjoni imma fl-abbiltà li wieħed jipproteġi d-drittijiet tal-awturi. Quddiem dan, ġewwa Frankfurt kellna lil Angela Merkel, il-Kanċilliera konfermata tal-Ġermanja, topponi u tinsisti għal iktar attenzjoni u protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront ta’ din l-innovazzjoni.

5. Din il-pożizzjoni ġiebet ir-reazzjoni nkwetata ta’ Google permezz tad-direttur tagħhom David Drummond. F’intervista li rnexxieli nsegwi, jidher mill-iktar ċar li dak li jidher li huwa “theddida” fir-realtà jista’ jittrasforma ruħu f’opportunità għal tixrid aqwa u ikbar tal-ktieb. Drummond, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor fl-analiżi tiegħu, jitlaq mill-punt tat-tluq li xejn ma jista’ jsir mingħajr il-ktieb stampat. Anzi, li mingħajr il-ktieb, il-proġett kollu tal-Google jispiċċa fix-xejn u għalhekk għandhom interess huma stess li jaslu fi ftehim mal-kittieba u kull min għandu f’idejh id-drittijiet tal-awtur sabiex jipproteġuhom. Mhux biss, imma bil-parteċipazzjoni ta’ Amazon hemm dik li jinbiegħu iktar kotba bi prezzijiet iktar raġjonevoli.

6. F’dan però nqabdet taqbida interessanti li l-ħin kollu trid tikkumplika ruħha. Minn naħa l-waħda kawżi, bħal dik li hemm fit-Tribunal ta’ New York kontra Google li jidher li waslu għal ftehim li l-ġudikatura trid tara tiddikjarahx validu fid-9 ta’ Novembru u dik li hemm fi Franza fejn il-grupp “La Martinière” fetaħ huwa wkoll kawża kontra tagħhom bis-sentenza għat-18 ta’ Diċembru. Proċessi li jistgħu jagħlqu u jirrestrinġu l-ftuħ. Fuq in-naħa l-oħra, l-aċċess għall-informazzjoni u l-proċess ta’ demokratizzazzjoni ta’ kotba li qabel ma kienux jistgħu jinsabu jew li l-kontenut tagħhom ma kienx magħruf. Għax hawn għandek magna ta’ għaxar miljun ktieb, li ċert li ser jiżdiedu bil-possibilità ta’ iktar meta bibljoteki nazzjonali bħal dik ta’ Franza, dejjem jekk tasal fi ftehim, taf tagħti lill-Google Books.

7. Ma nemminx li ser naslu f’xi mument meta l-ktieb ser jitlef mill-importanza tiegħu. Jibqa’ jiġi stampat u għax jiġi hekk li wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem f’din il-linja ta’ “e-books”. Ovvjament, id-drittijiet tal-awtur iridu jiġu protetti. Huma jiggarantixxu l-bilanċ intern neċessarju sabiex jiċċaqlaq ‘il quddiem dan kollu u jippremja l-intelliġenza u l-ġenju ta’ min jikteb. Biss, il-vantaġġi kbar li t-teknoloġija tippermetti m’għandhomx jiġu miżmuma lura. Il-kotba huma minjiera ta’ informazzjoni, biss jekk il-poplu jkollu aċċess veloċi u li fih aktar minn persuna waħda fl-istess ħin taraha, dan iservi żgur għall-progress. Għax għalkemm il-bibljoteki huma l-protetturi ta’ dan it-teżor, li huwa patrimonju għad-dinja, fir-realtà jsiru jafu huma biss x’ikun fihom. Dan m’għandux ikun fid-dinja ta’ llum u għandna nassiguraw dejjem iktar qari u aċċessibilità. Għalhekk ktieb li jittrasforma ruħu f’mezzi elettroniċi huwa garanzija ta’ edukazzjoni, formazzjoni u demokrazija u, l-iktar importanti jrid jitħaddem b’mod li jissoda d-drittijiet tal-awtur u mhux inaqqashomlu.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-25 t’Ottubru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...