26.1.18

Knisja li tibqa’ kuraġġuża




1.      Naqraw b’interess, imma l-iktar b’ammirazzjoni, il-ħajjiet ta’ diversi martri tal-Knisja.  Dak li għaddew minnu, jinqara’ f’liema żmien jinqara’, jibqa’ ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-Insara, imma wkoll għall-bnedmin kollha.  Il-bnedmin li jissagrifikaw ħajjithom għal dak li jemmnu fih iġibu l-attenzjoni fuqhom.  Dawk li jwettqu dan kollu għas-sewwa, għall-onestà, għall-valuri Nsara, jġibu ferm aktar.  Dan tifhmu u tirrealizzah aktar meta tara u tqis li fl-avversitajiet, fil-periklu għal ħajjithom, f’ebda mument ma jonqoshom il-kuraġġ li jaffrontawh.

2.      Biżżejjed wieħed ifakkar f’dak li għaddew minnu l-martri San Ignazju ta’ Antijokja u San Polikarpju biex napprezzaw dan.  Però, forsi f’dan ukoll, inħarsu lejn il-passat mingħajr ma nikkunsidraw l-atti li qegħdin isiru preżentement.  Għax il-Knisja, f’dan iż-żmien, ma tonqosx milli tiġi persegwitata.  Anqas li jkollha persuni li jinqatlu għax huma segwaċi kuraġġużi tagħha.  Eżempji ċari għal dawk li jridu jgħixu ħajjithom fuq it-triq it-tajba.

3.      Kif nagħrfu li kien San Tumas Beckett, l-Arċisqof tal-belt ta’ Canterbury fl-Ingilterra.  Bniedem li waqaf għall-prepotenza tar-Re Enriku II.  Żamm sod lilu nnifsu għad-difiża tal-Knisja Kattolika.  Ġie għalhekk akkużat inġustament.  Kellu jaħrab minn pajjiżu u jmur għall-protezzjoni tal-Papa Alessandu III u l-monasteru ta’ Pontigny.  Lura f’pajjiżu, fid-29 ta’ Diċembru 1170, erba’ kavallieri mibgħuta mill-istess Re qatluh proprju waqt iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi.  Qaddis martri tal-Knisja, li għadu sallum imfakkar, maħbub u venerat.

4.      F’din is-soċjetà wkoll qegħdin naraw bnedmin li jiġu proċessati u persegwitati minħabba dak li jemmnu fih.  L-Insara qed jgħaddu minn proċessi pubbliċi li fihom jiġu mżebilħa, mċekkna u redikolati.  Ħafna drabi minn artikolisti jew ġurnalisti.  Is-sistema moderna hija dik li tikkonċentra sabiex sistematikament tattakka l-kredibilità, l-immaġini u d-dinjità tal-bniedem.  Attakki qawwija li jsiru fuq dawn il-bnedmin tajba biex iċekknu l-messaġġ.

5.      Qawwija iktar u iktar għax il-Knisja għandha l-iżvantaġġ li l-vuċi tagħha tinħonoq mill-mezzi l-oħra.  Fejn issib lilha nnifisha, f’ħafna mumenti, tiddependi fuq kif ħaddieħor jirrapporta dak li tkun qegħda tgħid.  Hemm tiġi skwotata u kliemha maħruġ barra mill-kuntest.  Sitwazzjoni xejn faċli, iktar u iktar meta nikkunsidraw kemm il-bnedmin, fis-soċjetà, qegħdin ibiddlu kompletament l-aġir tagħhom.  Bidla f’dak li huma importanti għalihom u f’dak li huma jridu jagħtu widen għalih.

6.      Proprju għalhekk li wieħed irid japprezza ferm iktar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-Knisja Kattolika li tibqa’, minkejja l-kurrenti, issemma’ l-vuċi tagħha u tagħmel ħilitha biex tibgħat il-messaġġ tagħha barra.  Għax nafu li f’dan ħidmietha hija mwarrba, u meta irrappurtata, wieħed irid ibati biex isibha fil-gazzetti.  Biss, xorta waħda tibqa’ tiġbed l-ammirazzjoni u l-attenzjoni sħiħa tagħna.

7.      Ngħid dan iktar fid-dawl ta’ dak li diġà qiegħed iseħħ f’dawn l-ewwel jiem tas-sena.  L-ewwel fir-Repubblika tal-Kongo, fejn minn Jannar, il-Knisja Kattolika qed tieħu sehem importanti fi protesti kontra dak li qed iseħħ fil-pajjiż.  Fil-31 ta’ Diċembru 2016, il-President attwali Joseph Kabila kien ftiehem u ntrabat li jsiru elezzjonijiet presidenzjali sal-aħħar tal-2017.  Dan l-appuntament baqa’ ma nżammx u għalhekk mija u ħamsin knisja f’dan il-pajjiż ingħaqdu mal-Oppożizzjoni sabiex jagħmlu pressjoni paċifika biex dawn l-elezzjonijiet jinżammu.

8.      Ingħaqdu bid-daqq tal-qniepen tal-knejjes u b’purċissjonijiet reliġjużi.  Qed tħallas prezz għal dan, għax nafu li nqatlu xi saċerdoti.  Mhux biss, imma fit-12 ta’ Jannar, waqt li l-Kardinal Laurent Monsengwo Pasinya kien qiegħed jiċċelebra l-quddies fil-Katidral ta’ Kinshasa fil-preżenza ta’ folol kbar, membri tal-forzi armati tal-Gvern sparaw fuq il-poplu.  Minkejja dan it-theddid u din il-pressjoni anti-demokratika, xorta ħidmet il-Knisja għadha għaddejja.

9.      Fl-istess jum, il-Knisja Kattolika sabet ruħha attakkata fiċ-Ċilè.  Tlett knejjes, waħda f’Santiago, oħra f’Recoleta u oħra ġewwa Penalolen sabu ruħhom vittmi ta’ tlett bombi li tqegħdu u ħadu.  Anki hawn il-Knisja Kattolika, kif nafu, qed twettaq missjoni ta’ kuraġġ, kif diversi f’pajjiżna jafu.  Attakki li ċertament qed isiru proprju għax f’dawn il-jiem, il-Papa Franġisku ser iżur partijiet oħra tal-Amerika Latina u kif nafu, bejn il-15 u t-22 ta’ Jannar ser ikun qiegħed fiċ-Ċilè u wara jżur il-Perù.

10.    Dawn huma sinjali oħra li juru li għalkemm hemm kontestazzjoni, xorta waħda l-Knisja tibqa’ twettaq ħidmietha.  Tibqa’ vuċi għas-sewwa, għall-paċi u għall-ġustizzja.  Hemm diversi saċerdoti u reliġjużi li, mingħajr biża’, jingħaqdu flimkien.  Il-proċess u l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni tal-popli jiddependu fuq dan.  Jiddependu fuq bnedmin ordinarji li, għas-servizz tal-Knisja, isiru eroj straordinarji.  Għax, jingħad x’jingħad, il-Knisja tibqa’ kuraġġuża.







No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...