23.6.08

Għal dawk li jistgħu jgawdu


1. Hemm sakra stramba fil-kamp politiku li ma għandha x’taqsam xejn ma’ dak li għaddejja minnu s-soċjetà tagħna. Ngħid dan għax filwaqt li aħna mitlufin fil-parlament inressqu l-abbozzi u nwieġbu d-domandi, l-bqija tal-bnedmin normali qed jaraw il-logħob tal-ballun. Il-politika mhux dejjem tirrispetta lil dawk li jsawruha u jagħmluha – il-politiċi. Anzi, qisha kalamita egoista – iktar ma tiddedikalha ħin, iktar trid mingħandek. Flok infittxu l-ħin tal-libertà, nsibu proprju l-kontra. Flok naraw partita nisimgħu xi diskors.

2. Sirna wisq serji li ma hemmx li nippruvaw insibu ftit iktar mumenti meta nistgħu ngħarfu kemm għaddej fid-dinja mingħajrna. Ir-realtà li ma naċċettawx hi li l-ħajja soċjali ma hemmx il-ħin kollu l-bżonn tal-politika fiha. Fit-tajjeb tagħna bħala poplu nfittxu dejjem iktar spazji ġodda, mumenti meta nistgħu ngħixu verament. Għalhekk huwa sabiħ li aħna għandna din l-imħabba, kważi fissazzjoni totali, lejn il-logħob tal-ballun. Anzi, qisu hemm kriterji ta’ elementi fin-natura nazzjonali li ma tridx tħallina iżda tkompli tirranka fis-saħħa.

3. Aktar interessanti għalina però huwa dan it-trasferiment ta’ lealtà lejn pajjiżi oħra u mhux tagħna. Mingħajr ma trid, tipprova ssib spjegazzjoni għall-mod daqshekk dedikat u passjonali li għandna. Kważi fanatiżmu li huwa biss fatt li ħafna għandhom, però mhux faċli li tifhem. F’ċerti mumenti qisni nifhem ferm iktar dak is-sens ta’ “suspense”. L-istejjer mill-isbaħ li, l-isbejħa Sheherazade nisġet sabiex tikkumbatti għal ħajjitha fasslu t-triq li tajjeb nirriflettu fuqha. Fasslu lezzjoni li l-bniedem, kull bniedem, irid isegwi storja. Iħares ’il quddiem u jgħaddi mill-pjaċir li filwaqt li qed isegwi qiegħed jimmaġina t-tmiem tagħha.

4. U għax għadu jista’ jimmaġina għadu jista’ jaħseb li r-riżultat jista’ jersaq lejn dak li jrid hu. Dik il-kundizzjoni tad-dubju fuq dak li ser iseħħ iżommna għaddejjin attenti, miġbura, konċentrati. Ma hemmx dubbju li l-istejjer orjentali jirrispettaw bżonn fil-ħajja tagħna, dak li nkunu aljenati b’dak li jista’ jseħħ. Hekk nara dawk il-folol b’rashom u b’qalbhom marbutin ma’ dak li jixtiequ li jseħħ u li qed jarawh jiżvolġi quddiemhom. Hemm tama fit-tama u kważi kontra kull tama li kull partita naraw tiżviluppa f’rebħa għal dawk li nżommu magħhom.

5. Is-suspense u l-ballun huma ħaġa waħda, speċjalment fil-kampjonati Ewropej u Mondjali, li aħna lkoll insegwu. Tifhem aktar u aktar f’dan kemm però din l-imbierka “suspense” ħarġet kompletament mill-aġenda politika. Ma għadniex naraw mossi u kontro-mossi ta’ żmien ieħor, iżda komplejna fis-serjetà. Kollox anzi jsir b’dikjarazzjonijiet ċari, konsistenti u mingħajr biża’ ta’ varjazzjonijiet. L-aqwa tal-politika meta verament tingħaqad mat-tensjoni li mbagħad jaqbżu għal kollox insibuhom biss f’dawk il-ġranet li jwasslu għall-vot u b’volum qawwi fil-jum għall-għadd tagħhom. Dawk ġranet ta’ “suspense” li ħadd ma jinsa.

6. Però hemm bżonn induru lura lejn il-ballun u naċċettaw li hemm ħafna normali magħna li jqattgħu l-ħin isegwu, jifhmu, janalizzaw il-mossi kontra mossi ta’ pajjiż kontra ieħor. Ma hawnx aħjar minnhom. Huma jżommu t-tessut soċjali tagħna għaddej. Huma dawk li jassiguraw li ma nagħqux fil-bruda u l-medjokrità. Nifhem dejjem iktar x’pajjiż għandna. Wieħed kapaċi jifhem u jgawdi mal-ballun. Nittama li nkomplu ngawduh.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...