25.3.24

INFITTXU JIEM TA' PAĊI

1. F’dawn l-aħħar xhur mimlija nkwiet u kumplikazzjonijiet varji, wieħed jibda jistaqsi b’aktar saħħa mis-soltu: fejn verament sejrin? Fejn ser nieqfu naraw, jum wara jum, aħbarijiet ħżiena li jsewwdulna iktar qalbna. Kważi drajna naraw bnedmin jinqatlu u bini jitfarrak trab fix-xenarju li għaddej bl-użu ta’ armi moderni u sofistikati. Armi ta’ distruzzjoni kbira. Kapaċi jwaqqgħu f’daqqa waħda dak li kien ħa s-snin, sekli biex inbena. Feriti fil-qalb, fil-moħħ, u fil-memorja kollettiva tagħna.

Nistaqsu iktar

2. F’dan għandna wkoll id-dritt leġittimu li nistaqsu meta dan kollu sejjer jieqaf. Jew inkella wasalna biex nieqfu naħsbu għax fuq in-naħa l-oħra tant qed naraw li issa nistgħu nħossuna rassenjati li xejn m’hu ser iwaqqaf dan il-proċess inevitabbli għad-distruzzjoni totali. Min ħaddan il-gwerra bħala għodda politika ġieb dan kollu. Daħal, u daħħal lilu nnifsu fi sqaq, fejn jaħseb biss li jista’ jirbħu jekk iwaqqa’ l-ħajt li hemm quddiemu u mhux li jmur lura minn ħsiebu. Proċess li beda fuq sieq u issa żviluppa f’oħra, li propju għalhekk, għadu għaddej.

Produzzjoni

3. M’hemm xejn li qiegħed juri xi linja politika differenti. Hemm biss il-ħsieb li issa ħaġa waħda hija importanti: l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni għat-tkattir tal-armamenti. Fejn teknoloġija sofistikata trid tlaħħaq mal-volum ta’ oħrajn inqas tajba. Fejn m’hemmx linja li trid tinġibed. Il-Federazzjoni Russa żiedet fl-armamenti. Naqqset mill-investiment soċjali u rat iktar kif tista’ tirbaħ il-battalja li hija bdiet b’aktar attakki b’armi bħal dawn. Fil-kontinent Ewropew il-prijorità m’għadhiex iktar il-bniedem, imma l-gwerra.

Inevitabbli

4. F’dan, iktar ikkumplikat hemm il-ħsieb ta’ xi wħud li dan huwa proċess inevitabbli. Xejn ma jista’ jżommu lura milli jġib tmiem l-oċċident. Tmiem il-kultura, l-ideat u l-progress li dan il-kontinent irrappreżenta għal ħafna sekli. Xejn ma jidher li f’irjus xi wħud qed jiċċaqlaq il-ħsieb li hemm bżonn li wieħed jittama, kontra kull tama, u jaħdem għall-paċi. Il-vuċijiet favur il-paċi naqsu, u minflok hemm silenzju li jimmarka aktar li għal uħud dan huwa inevitabbli. Ma nemminx li huwa. Nemmen biss li wieħed irid ikompli jipprova u jibqa’ jinsisti sabiex dak li llum jidher ikkumplikat u diffiċli ħafna għada jsir kapaċi jaqbad it-triq għas-sewwa.

Jista’ jieħu aktar

5. Vladimir Putin jista’ jirbaħ aktar kilometri ta’ art Ukrena. Jista’ jipprova jipperswadi lid-dinja li rebaħ elezzjoni demokratika. Jista’ jaħseb li l-gwerra li beda, u li ilu fiha sentejn, ser jirbaħha. Dan kollu jista’ jagħmlu, imma fuq in-naħa l-oħra hemm li mhuwiex għal dejjem. Hemm ir-regoli tal-ħajja li jaħkmu. Fil-frattemp mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkattar xi ġid. Irid, anzi, ikompli jkun parti mill-familja tad-dittaturi li f’mumenti jidhru invinċibbli u f’oħrajn jitkaxkru mill-irjiħat tal-bidla. Illum jew għada ser ikun tellief mal-mewt u warajh mhux glorja ser iħalli, imma mrar.

Riżentiment

6. Dak li hu għaddej huwa parti ikbar mill-proċess ta’ riżentiment li baqa’ nieżel mis-snin passati. Dak li għaddej qiegħed ikompli jiżra’ ż-żerriegħa qerrieda li jridu jgħaddu ġenerazzjonijiet twal biex jintesa. Fejn forsi jitqegħdu fuq wara l-atroċitajiet li twettqu u li bħalissa qed jitwettqu. Qisna m’aħniex naraw li f’dan kollu ħadd m’huwa rebbieħ. Kull parti titlef, u ser tkompli. Kumbattimenti li minnhom ma jistax joħroġ ħlief ferm u ferm iktar deni. Jekk però ma jkunx hemm sforzi lejn il-paċi, min aggredixxa ser jispiċċa jieħu vantaġġi li ma ħaqqux.

Fix-xibka tal-avversarju

7. Waqt li għaddej iktar dan kollu, l-Ewropa trid toqgħod attenta li ma tidħolx f’din ix-xibka f’dak li kuljum qed nitolbu bħalissa. Waqt li l-Ewropa għadha tħares lejn it-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-popli tagħha, fuq l-oħra hemm dik ta’ iktar ekonomija militari. Iktar armi biex inkomplu nużawhom fi ġlieda li t-tmexxija preżenti Russa ma jaqblilhiex li twaqqaf. L-Ukrajna ħadet daqqiet sew. Biss jekk ikun hemm il-paċi kapaċi tirpilja, tikber u tiżviluppa b’ferm iktar veloċità minn min irid jibdel id-direzzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni. Issib aktar is-sostenn Ewropew u fl-aħħar tinbena fil-pajjiż li kapaċi jsir, fil-kuntrasti ta’ dak li ma rnexxilux mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin sallum.

Nikkultivaw

8. Anki jekk għal xi wħud nistgħu nidhru li m’aħniex id f’id mar-realtà, xorta rridu ninsistu u nikkultivaw proċess ta’ djalogu. Proċess li jwassal, b’xi mod, lejn il-paċi. Ħadd ma jrid iċedi, ċertament, u m’għandhiex bżonn tkun xi forma ta’ prekondizzjoni. Imma ċert li fuq iż-żewġ naħat, f’dożi differenti fil-kalatura qed naraw li hemm limitu, u li qegħdin jixbgħu minn dan kollu. Hemm wisq familji li tilfu membri għeżież tagħhom li ħadd m’hu ser iġib lura. Dawk huma feriti li ma jingħalqux. Dawk huma sitwazzjonijiet li ħadd ma jista’ jiġġustifika, iktar u iktar fil-kamp tal-Federazzjoni.

Tul din il-ġimgħa

9. Waqt li nibdew din il-Ġimgħa Mqaddsa mimlija rabtiet, b’dawl spiritwali u b’ideat huwa ċertament tajjeb li nittamaw, naħdmu u nitolbu għall-paċi. Mill-gwerra li għaddejja u minn kull waħda oħra ħadd ma jirbaħ. Jitlef biss. Proprju f’dawn ir-riflessjonijiet u fl-għarfien li kull bniedem huwa importanti u li ġie maħluq bi skop għandna iktar nagħrfu li l-paċi hija possibbli u li trid tiġi attivament ikkultivata. Il-paċi possibbli, imma trid issib aktar bnedmin li jaqbżu għaliha. Iktar u iktar għalina, li nafu direttament il-futilità qerrieda tal-gwerra. Fit-tama li dawn il-jiem iġibu magħhom għandna naħdmu ferm iktar għas-sewwa.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...